Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fejn hemm defibrillator?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-Ministeru hemm installat 17-il defibrillator, 13 qegħdin ġo entitajiet u erbgħa qegħdin ġo dipartimenti differenti hekk kif mniżżel fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kodiċi Kriminali — Artikolu 604 diskrepanza bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10805, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li tiġi solvuta diskrepanza li teżisti bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża tal-artikolu 604 tal-Kodiċi Kriminali, u f'dan il-każ jgħid jekk l-għalliema humiex se jkunu eżentati milli jservu bħala ġurati fil-Qrati ta’ pajjiżna ġaladarba l-verżjoni Maltija għandha tipprevali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10805.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest li jikkunsidra li l-kompetenza tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar tiżdied minn €5,000 għal €10,000, u dan meta wieħed iqis li dan l-ammont kien ġie l-aħħar rivedut fl-2016, kif ukoll fid-dawl tal-emendi li saru reċentement fir-rigward tal-kompetenza tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm kunsiderazzjonijiet f’dan ir-rigward u kull eventwali deċiżjoni titħabbar fil-mument opportun.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ xogħol għamel mal-Qorti ta’ Malta l-individwu li ismu qed jintbagħat separatament? Kemm kienet jitħallas fix-xahar ta’ dan ix-xogħol u kemm kien it-total ta’ ħlas li ħa fil-perjodu li għamel jaħdem ma’ din l-entità?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li d-dettalji tagħha inagħtaw separatament ġie appuntat mill-Qorti biex tagħti s-servizz bħala interpretu darbtejn fis-sena 2015 u darbtejn oħra fis-sena 2017. It-tabella ta’ hawn taħt turi kemm tħallas ta’ dan ix-xogħol.
Sena
€
2015
34.94
34.94
2017
41.30
82.60
Total
193.78
Ftuħ ta’ Inkjesti Maġisterjali mill-Maġistrati tal-Għassa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Inkjesta Maġisterjali nfetħet bejn is-17 ta’ Lulju, 2023 u t-28 ta’ Lulju, 2023 mill-Maġistrati tal-Għassa fuq rapport ta’ mewt/imwiet suspettużi jew fejn il-kawża ma kenitx magħrufa?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. interpellant illi bejn is-17 ta’ Lulju, 2023 u t-28 ta’ Lulju, 2023 kien hemm erbgħa u tletin (34) rapport ta’ mewt/imwiet suspettużi jew fejn il-kawża ma kenitx magħrufa.
Spiża tal-Gvern b'rabta ma' arbitraġġ internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus s’issa fi spejjeż legali, eċċ. mill-Gvern Malti fl-arbitraġġ internazzjonali li fetaħ kontra Malta s-sid tal-Bank Pilatus?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Minħabba r-raġuni li dan l-arbitraġġ għadu mhux magħluq kull dettall relatat miegħu qed jiġi meqjus kunfidenzjali; b’dan illi fi tmiem l-arbitraġġ, il-Ministeru ser jimpenja ruħu jabiex jagħti rendikont sħiħ tal-informazzjoni mitluba skont il-liġi u r-regolamenti applikabbli.
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il darba u meta kkonsulta mal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jestendi l-kompetenza tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi (Sentencing Policy Advisory Board)?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ġustizzja — Impjegati minn ħaddiema ta' Aġenziji tax-Xogħol
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10617 u cjoe`: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10186, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2022 u 2023 sal-lum?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sat-30 ta’ Settembru 2023.
Ministeru għall-Ġustizzja — Impjegati minn ħaddiema ta' Aġenziji tax-Xogħol
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10186, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2022 u 2023 sal-lum?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
B’referenza għall-Ewwel Skeda tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva, Kap. 490 tal-Liġijiet ta’ Malta, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fil-lista tat-Tribunali Amministrattivi għad hemm imsemmija diversi tribunali li llum ma jeżistux?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-aġġornar ta’ liġijiet, inklużi l-iskedi li hemm magħhom, jifforma parti minn eżerċizzju li qed isir mill-Kummissjoni tal-Liġijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Marzu 2022 sal-ġuranta li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bit-tip ta' kuntratt mogħti (definit jew indefinit) u anke bl-irwol li ġew ingaġġati fih?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi minnu sat-8 t’Awwissu 2023 ġew ingaġġati 149 persuna fl-entitajiet li jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħi u qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’informazzjoni u iktar dettaljati dwarhom kif mitlub. Ta’ min jinnota li matul l-istess perjodu kien hemm 88 persuna li għal raġuni ta’ rtirar, riżenji jew raġunijiet oħra ma baqgħux ingaġġati mal-entitajiet li jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja.
Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali — Investigazzjonijiet fuq talba tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġusttizzja
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il investigazzjoni beda l-Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali fuq talba tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġusttizzja mid-data tat-twaqqif tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-investigazzjonijiet għadhom pendenti?
Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali — Rapporti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport għamel il-Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar il-konklużjonijiet tiegħu f’kull investigazzjoni jew studju magħmul minnu minn kemm ilu mwaqqaf dan l-istess Kumitat?
Riforma fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u rinviji — Sottomissjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku dwar ir-riforma fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u rinviji bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika u li għalqet nhar il-31 ta' Mejju 2023?
Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi — Laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il laqgħa saret tal-Bord Konsultattiv għall-Politika dwar l-Għoti tas-Sentenzi (Sentencing Policy Advisory Board)? Jista' jagħti d-dati ta' meta saret kull laqgħa u jindika l-membri tal-Bord u persuni oħra li kienu preżenti u/jew assenti għal kull waħda mil-laqgħat?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma li l-Onor. Interpellant li l-Bord li kien appuntat nhar il-31 ta’ Mejju 2021 kien kompost mis-segwenti membri:
Chairperson: Dr. Alex Scerri Herrera
Membri: Dr. Hermann Mula, Naomi Baker, Dr. Fleur Abela, Roberta Formosa, Amanda Grech
Segretarju: Dr Gabriel Farruġia
Il-Bord hekk kompost iltaqgħa uffiċjalment f’dawn il-ġranet:
• 27 ta’ Lulju 2021
• 7 ta’ Ottubru 2021
• 16 ta’ Frar 2022
• 9 ta’ Marzu 2022
Il-Bord preżenti, li ġie appuntat nhar l-10 ta’ Ġunju 2022, huwa kompost mis-segwenti membri:
Chairperson: Dr. Alex Scerri Herrera
Membri: Dr. Doreen Parnis, Dr. Stephanie Gatt, Dr. Silvio Brincat, Dr. Martha Mifsud, Dr. Daniel Attard
Segretarju: Dr. Gabriel Farruġia
Il-Bord hekk kompost iltaqgħa fil-ġranet li ġejjin:
• 26 ta’ Lulju 2022
• 7 ta’ Settembru 2022
• 5 ta’ Ottubru 2022
• 14 ta’ Ottubru 2022
• 9 ta’ Novembru 2022
• 13 ta’ Jannar 2023
• 16 ta’ Jannar 2023
• 5 ta’ April 2023.
• 6 ta’ Settembru 2023
Minħabba li l-laqgħat tal-Bord isiru primarjament skont d-disponibilità tal-istakeholders, ħafna mid-drabi ikun hemm xi membri li ma jkunux jistgħu jattendu.
Barra minn hekk, bejn ix-xhur ta’ Marzu 2023 u Ġunju 2023, ic-Chairperson (għan-nom tal-Bord) kellu ħames (5) laqgħat oħra l-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsam din l-informazzjoni skont il-grad tal-impjegati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9844.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq esperti maħtura fil-Qrati Maltin matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema esperti kienu mqabbda jagħmlu dawn l-istudji u għal liema każi saru dawn l-istudji?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2022 in-nefqa fuq esperti kienet ta’ €8,976,706 waqt li fl-2023, sa Settembru 2023, in-nefqa kienet ta’ €5,600,377. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lista ta’ x’tip ta’ esperti ntużaw. Fir-rigward tal-esperti mqabbda f’inkjesti din l-informazzjoni ma tistgħax tingħata skont il-Kodiċi Kriminali Kap. 518.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija mniżżla fir-Reġistru ta’ professjonisti legali u ditti legali bħala li għandha fil-pussess tagħha warrant biex tipprattika bħala avukat skont l-artikolu 88D tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ir-registru jaqa’ taħt ir-responsabilta’ tal-Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali li jaqa fi ħdan il-Kummissjoni għall-Amminstrazzjoni tal-Ġustizzja, tali kummissjoni ma taqax taħt il-mansjoni tal-Ministeru u l-anqas tal-Gvern. Għaldaqstant minix f’pożizzjoni li nirrispondi din il-mistoqsija.
Persuni bil-warrant biex jippratikaw bħala prokuratur legali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija mniżżla fir-Reġistru ta’ professjonisti legali u ditti legali bħala li għandha fil-pussess tagħha warrant biex tipprattika bħala prokuratur legali skont l-artikolu 88D tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12 tal-Liġijiet ta' Malta)?
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ditta legali hija mniżżla fir-Reġistru ta’ professjonisti legali u ditti legali skont l-artikolu 88D tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12 tal-Liġijiet ta' Malta)?