Legislature:
Category:
Reset
Active:

Teatri – Opri – Baġit allokat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għal din is-sena għal kull opra individwali li ttellgħet jew li għadhom se jittellgħu fit-Teatru Manoel u teatri oħrajn f'Malta?  Jista' jgħid ukoll kemm hu l-baġit allokat għal din is-sena għal kull opra individwali li saru jew li għadhom iridu jsiru ġewwa t-teatri f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex jaħdem dejjem b’mod kontinwu u mill-qrib maż-żewġ teatri ewlenin f’Għawdex, u jassisti permezz ta’ fondi mhux biss għall-produzzjonijiet operistiċi, iżda wkoll għal inizjattivi u avvenimenti kulturali oħrajn matul is-sena. Fir-rigward tal-opri, dawn diġà jaqgħu taħt l-iskema The Gozo Cultural Support Programme, li permezz tagħha l-benefiċjarji jingħataw appoġġ finanzjarju ta’ €80,000 kull sena għal perjodu ta’ tliet snin. Barra minn hekk, matul is-sena, it-teatri jistgħu japplikaw ukoll għal diversi avvenimenti u inizjattivi oħrajn taħt il-Cultural Fund Scheme, fejn l-għajnuna finanzjarja tingħata skont it-talbiet imressqa u skont il-kriterji applikabbli tal-iskema.

Għawdex – Trasport bil-baħar tan-nar pirotekniku – Miżuri t’għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern sabiex jindirizza ż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tat-trasport bil-baħar tan-nar pirotekniku lejn Għawdex u x'miżuri konkreti t'għajnuna, inkluż dik finanzjarja, qed jikkunsidra li jieħu l-Gvern, jekk dejjem huwa l-każ, sabiex itaffi dawn l-ispejjeż u jassigura li t-tradizzjonijiet tal-festi f'Għawdex ma jkunux kompromessi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Iż-Żebbuġ, Għawdex – Triq Għajn Mhelhel – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fi Triq Għajn Mhelhel fiż-Żebbuġ, Għawdex u jispeċifika timeframes ta' meta se jitlestew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ingħatat fil-mistoqsija parlamentari b’numru 1293.

Ċirkewwa Marine Park – Kiri ta’ mobile clinic u mobile office – Spiża

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm qed jiswa l-kiri ta' servizz ta' mobile clinic u ta' mobile office għall-Park taċ-Ċirkewwa lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jew indirettament lill-management taċ-Ċirkewwa Marine Park kull sena billi jagħti rendikont tal-ispejjeż assoċjati / ivvutati għal dawn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Iż-Żebbuġ, Għawdex – Triq Għajn Mhelhel – Prekawzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu sabiex il-parti tat-triq li ċediet fi Triq Għajn Mhelhel fiż-Żebbuġ, Għawdex ma tkunx ta' periklu għal kull min jgħaddi minnha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ħa kull prekawzjoni li kien hemm bżonn - skont il-pariri tekniċi - biex it-triq ma tkunx ta’ periklu għal kull min jgħaddi minnha.

Għawdex – Bini ta’ Qorti ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi t-target date tal-Gvern għat-tlestija u t-tħaddim tal-Qorti l-ġdid f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll x'inhu l-istadju li jinsab fih il-proġett issa u x'passi għad iridu jitlestew qabel jibda jintuża l-bini l-ġdid?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lil Ministeru kkonċernat.

In-Nadur– Torri ta’ Kenuna – Prevenzjoni ta’ tiġrif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu u meta ser jittieħdu, biex it-Torri ta’ Kenuna jiġi salvat qabel ma jkun tard wisq u jiġġarraf?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel referenza għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 1065.

In-Nadur– Torri ta’ Kenuna – Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi studji fuq it-Torri ta’ Kenuna u jekk iva, jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel referenza għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 1065.

In-Nadur– Torri ta’ Kenuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fl-aħħar sena u nofs biex it-Torri ta’ Kenuna fin-Nadur, Għawdex, ma jitkompliex jiġġarraf?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel referenza għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 1065.

Ministeru għal Għawdex – Użu tal-Intelliġenza Artifiċjali – Linji gwida/politika adottata

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 726.

Gozo Channel – Kmamar okkupati

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk il-kmamar okkupati mill-Gozo Channel mingħajr użu partikolari humiex ser jgħaddu għand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fiċ-Ċirkewwa Marine Park u jintużaw bħala kmamar tal-ewwel għajnuna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kmamar in kwistjoni qegħdin jintużaw mill-Kumpanija Gozo Channel, liema użu huwa relatat mal-aspett loġistiku u operattiv.

Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi - Kunsilli lokali - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1106 u jgħid kemm hemm xogħlijiet li ntalbu mill-kunsilli lokali minn Ġunju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma lokalità b’lokalità, u kemm ilhom li ntalbu, inkluż dawk li nbdew u dawk li għadhom ma tlestewx?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet li ntalbu mill-Kunsilli Lokali f’Għawdex minn Ġunju 2024 jammontaw għal 1,762. Minn dawn it-talbiet, 1,164 tlestew, filwaqt li 28 talba jinsabu f’fażi ta’ implimentazzjoni.

Għawdex - Dwejra - Żona tal-Inland Sea

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1035 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u jgħid x’titjib huwa ppjanat li jsir fid-Dwejra f’Għawdex, b’mod partikolari fiż-żona tal-Inland Sea, fid-dawl tal-fatt li fis-Seduta tat-Tnejn 6 ta’ Lulju, 2026 intqal li d-diving se jkun wieħed min-niċeċ għat-turiżmu ta’ kwalità? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex ippjanat titjib fit-triq dilapidata li mill-pjazza twassal għall-Inland Sea, sabiex din iż-żona tkun aktar aċċessibbli u attraenti għall-għaddasa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bejn Frar u Marzu 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet konsultazzjoni pubblika dwar id-‘Dwejra Protection and Management Regulations, 2026’. Kull intervent propost f’din iż-żona għandu jkun konformi mal-qafas regolatorju applikabbli u jrid isir b’konsultazzjoni mal-entitajiet kompetenti, fid-dawl tal-importanza ambjentali u ekoloġika tas-sit. Proposti għal titjib fiż-żona tad-Dwejra, inkluż fit-triq li mill-pjazza twassal għall-Inland Sea, għandhom jiġu kkunsidrati fil-qafas tad-Dwejra Management Committee u f’konsultazzjoni mal-entitajiet kompetenti. Kull intervent ikun suġġett għall-istudji tekniċi, għall-permessi regolatorji u għall-allokazzjoni tal-fondi meħtieġa.

Marsalforn – Tneħħija ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-siġar li nqalgħu mit-triq ta’ Marsalforn mietu wara li ġew rilokati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel inbeda l-progett tat-Triq ta’ Marsalforn saru diversi laqgħat u diskussjonijiet mal-ERA u ma’ Din l-Art Ħelwa sabiex nassiguraw li jiġu ssalvagwardjati l-akbar ammont ta’ siġar u arbuxxelli possibli. Għalkemm kien hemm numru ta’ siġar li kienu koperti bil-permess tal-ERA biex jinqalgħu, wara qbil ma’ Din l-Art Ħelwa, il-Ministeru ddeċieda li għalkemm ċertu tipi ta’ siġar huwa diffiċli li jiġu rikolati, jingħata ċans iehor lil dawn is-siġar u jiġu rilokati minkejja l-fatt li possibilment dawn is-siġar ma jirkuprawx. Filwaqt li dawn is-siġar qed jiġu assessjati minn arborista u għaddejja l-ħidma biex dawn is-siġar jiġu mgħejjuna ibex jaqbdu, fil-każ li dawn is-siġar ma jirkuprawx, hemm diġa ftehim ma’ Din l-Art Ħelwa kif ukoll proposta maqbula, fejn kull siġra li possibilment se tiġi affetwata, tiġi mibdula b’siġra oħra matura.

Marsalforn – Tneħħija ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli għall-kura tas-siġar li nqalgħu mit-triq ta’ Marsalforn, inkluż it-tisqija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex huwa responsabbli għall-kura, inkluż it-tisqija.

Marsalforn – Tneħħija ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’liema stat ta’ saħħa jinsabu bħalissa s-siġar li nqalgħu mit-triq ta’ Marsalforn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-siġar, li huma maturi, qegħdin jissaqqew b’mod regolari sakemm jerġgħu jiksbu lura saħħithom peress li fl-istaġun tas-sajf dawn is-siġar ibatu bħal kwalunkwe siġra oħra.

Marsalforn – Tneħħija ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn ġew rilokati s-siġar li nqalgħu mit-triq ta’ Marsalforn sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fl-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-siġar li nqalgħu ġew rilokati fid-Dawwara Nursery u fil-Gozo Experimental Farm.

Marsalforn – Tneħħija ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew maqlugħa siġar mit-triq ta’ Marsalforn fejn bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat twegiba li tajt fil-mistqosija parlamentari b’numru 823.

Ministeru għal Għawdex – Tneħħija ta’ siġar tal-palm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-bitħa interna tal-bini tal-Ministeru għal Għawdex kienx hemm żewġ siġar tal-palm (Washingtonia)? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kienu ilhom imħawla dawn is-siġriet? Jista' jgħid ukoll jekk dawn is-siġar tneħħewx u jekk iva, meta u fi x'ħin tneħħew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ siġriet tal-palm li kien hemm fil-bitħa tal-ilvant tal-Ministeru għal Għawdex u li għandha entratura minn Pjazza San Franġisk, Victoria Għawdex, ġew maqtugħa nhar it-Tlieta, 9 ta’ Ġunju, 2026 bejn is-1.00 p.m u l-5.00 p.m. Id-data tat-tħawwil taż-żewġ siġar tal-palm mhix magħrufa.