kunsilli lokali — għajnuna lill-ekonomija tal-pajjiż
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif jemmen il-Gvern li l-kunsilli lokali għandhom jgħinu lill-ekonomija tal-pajjiż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant japprezza li kull attività, inizzjattiva jew proġett magħmul mill-Kunsill Lokali tkun qed tgħin b’mod dirett jew indirett lill-ekonomija tal-pajjiż. Eżempju ta’ dawn:
- Proġetti tal-Unjoni Ewropea fejn, fost l-oħrajn l-istess proġett jiffinanzja
Project Manager
;
- Skemi dwar attivitajiet kulturali li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ għaqdiet mhux governattivi kif ukoll b’mod indirett il-ġenerazzjoni ta’ bejgħ mill-istabbilimenti kummerċjali lokali;
- Skemi dwar Enerġija Alternattiva fejn fost l-oħrajn il-Kunsill jinvesti fi stallazzjoni ta’ apparat li jkun
energy saving
;
- Skemi dwar attivitajiet sportivi li jinvolvu attivitiajiet speċifiċi li b’mod indirett jiġġeneraw bejgħ minn stabblimenti kummerċjali fil-lokalitajiet;
- L-għoti ta’ kuntratti lill-kuntratturi privati biex jiġu mwettqa l-funzjonijiet kollha staturorji tal-Kunsilli, fosthom;
· żamma u manutenzjoni tat-toroq urbani u mhux urbani;
· tindif tat-toroq;
· ġbir ta’ skart imħallat u dak separat;
· żamma u manutenzjoni ta’ ġonna u
parks;
· żamma u manutenzjoni ta’ latrini pubbliċi;
· żamma ta’ sinjali u marki tat-traffiku; u
· servizzi permezz ta’ aġenziji ta’ Gwardjani Lokali
Kif jaf, l-Onorevoli Interpellant hemm diversi inizzjattivi, attivitajiet u proġetti oħra tal-Kunsilli Lokali li b’mod dirett jew indirett jgħinu lill-ekonomija tal-pajjiż.
kunsilli lokali — xogħlijiet fuq toroq residenzjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux veru li ftit żmien ilu ġie rrappurtat li l-kunsilli lokali ingħataw €4.8 miljun biex jagħmlu xogħlijiet fuq toroq residenzjali, jista' jgħid liema huma dawn it-toroq? F'liema lokalità qegħdin, kemm ġiet tiswa kull triq u fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'kull triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-€ 4.8 miljun li qed isemmi huwa l-ammont allokat lill-Kunsilli Lokali għas-sena finanzjarja 2009-10 għal manutenzjoni tat-toroq. Dan l-ammont huwa parti mill-€ 27,010,000 li tqassam skont il-formula ta’ finanzjament li tinsab fl-Att dwar Kunsilli Lokali.
Għall-ewwel darba l-Kunsilli Lokali ġew obbligati illi jonfqu l-ammont li ngħatalhom għal manutenzjoni tat-toroq kollu għal dan l-iskop u ma setgħux jutilzzaw dawn il-fondi għal xi skop ieħor.
Il-Kunsilli kienu mitluba jinfurmaw lid-Dipartiment għal Gvern Lokali liema kienu dawk it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tagħhom li saru jew kienu ser jagħmlu xogħol fuqhom. Ġew identifikati 162 triq li dawn kellhom jitlestew sa l-aħħar ta’ din is-sena.
Fil-fatt, f’Settembru 2009 kien deher avviż fil-gazzetti lokali kollha bit-toroq li l-Kunsilli Lokali kienu ser jagħmlu xogħol fuqhom matul din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-avviż fejn juri l-lokalità u t-toroq.
L-informazzjoni dwar l-infiq fuq kull triq tingħata fl-aħħar tas-sena meta l-Kunsilli jkunu jridu jissottomettu statement li l-flus allokati għaż-żamma u manutenzjoni tat-toroq ma ntużawx fuq xi funzjoni oħra.
kunsilli lokali — ħidma mal-Gvern Ċentrali - laqgħat/ diskussjonijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn meta daħlet fis-seħħ il-Liġi tal-Kunsilli Lokali, kemm saru laqgħat/diskussjonijiet/konsultazzjonijiet mal-presidenti eletti tar-reġjuni dwar il-qafas regolatorju ta' kif se jaħdmu mal-Gvern Ċentrali? Min kienu r-rappreżentant tal-Gvern f'dawn il-laqgħat? Meta saret kull laqgħa? X'kienet l-aġenda ta' kull laqgħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ewwel laqgħa mal-Presidenti tar-Reġjuni saret waqt il-laqgħa tas-Sindki li saret fis-6 u 7 ta’ Novembru 2009. F’din il-laqgħa l-Presidenti tar-Reġjuni ngħataw informazzjoni u direzzjoni b’mod ġenerali dwar id-delega li kienet ser tgħaddi lill-istess kumitati reġjonali, filwaqt li saru ħames workshops, wieħed għal kull reġjun, li fihom ġew mgħoddija l-proposti mir-rappreżentanti tal-Kunsilli f’kull reġjun.
Is-Segretarju Parlamentari sejjaħ laqgħa għall-Presidenti tar-Reġjuni fl-10 ta’ Novembru fejn ġew diskussi b’mod ġenerali t-twaqqif tal-imsemmija kumitati reġjonali u talab lil kull President biex jibgħat ir-rapporti tal-
workshops
li saru waqt il-laqgħa tas-Sindki.
Dawn ir-rapporti issa waslu u qed jiġu evalwati biex jitħejjew ir-regolamenti relevanti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn Jannar 2008 sal-lum kemm investa l-Gvern fi flus fil-politika sportiva tiegħu
vis-a-vis
l-kunsilli lokali ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għas-sena 2009, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali nieda l-iskema dwar inizjattivi sportivi illi permezz tagħha il-Kunsilli Lokali ingħataw € 30,000.
Dan apparti inizjattivi oħrajn li setgħu ittieħdu tul l-istess perjodu minn Ministeri differenti.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6177 u 5761 u jgħid kemm hemm flus allokati għal Għawdex u x’inhu maħsub li jsir f’Għawdex taħt l-Operational Programme I Project Ref No 33 – Tourism Zone Upgrade with landscaped urban spaces and other facilities?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalma diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6177, il-proġett ‘Tourism Zone Upgrade with landscaped urban spaces and other facilities’ [Ref No 33] jiffoka fuq tlett żoni turistiċi f’pajjiżna: il-Qawra, San Pawl il-Baħar u Pembroke.
Madankollu, ser isir proġett simili f’Għawdex. Dan hu l-proġett ‘
Upgrading of Zewwieqa Waterfront
’ [Ref No 31] u għalih hemm allokat l-ammont inidikattiv ta’ €5,173,092.
Kunsilli Lokali — delega għal-librerija lokali u reġjonali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għandhom delega għal-librerija lokali jew reġjonali fil-belt jew raħal tagħhom? Fiex tikkonsisti kull delega li daħlu għaliha? B’din id-delega għalxiex kull kunsill lokali qed jagħmel tajjeb s’issa u x’kienet l-ispiża għat-twettiq ta’ tali delega? X’kien is-self ta’ kotba minn kull librerija lokali jew reġjonali qabel saret id-delega u llum? Jikkonsidrax sistema ta’ informatika biex kull ċittadin ikollu aċċess għal-libreriji fil-belt jew raħal tiegħu mid-dar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-Kunsilli Lokali li għandhom delega għal-librerija lokali jew reġjonali fil-belt jew raħal tagħhom.
Id-delega tikkonsisti fl-amministrazzjoni tal-imsemmija librerija fergħa (
branch
) jew reġjonali, inkluż l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani (librar) u l-immaniġġjar tal-librerija nfisha (inkluż ix-xiri ta’ kotba).
Dwar kemm kienet l-ispiża għat-twettiq tad-delega u kemm qed ikun is-self ta’ kotba, l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra. Sadanittant qed inpoġġi lista oħra li turi s-self ta’ kotba li sar mill-librerija matul is-sena 2008.
Dwar kemm kien is-self ta’ kotba qabel id-delega, nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. (Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura Żgħażagħ u Sport).
Dwar is-sistema ta’ informatika, peress li l-amministrazzjoni tal-libreriji pubbliċi, inklużi dawk amministrati mill-Kunsilli Lokali, taqà taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Librerija, iridu isiru l-arranġamenti bejn l-imsemmi Dipartiment u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali dwar dan, wara konsultazzjoni mal-entitajiet kollha konċernati.
Tenut kont li l-Jerma Palace Hotel kienet inbniet fuq proprjetà tal-Gvern, liema proprjetà kienet għaddiet lil terzi b'titolu ta' ċens perpetwu taħt numru ta' kundizzjonijiet, fosthom illi l-art de quo tintuża biex fuqha tinbena lukanda, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jirriprendi lura s-sit li fuqha nbniet il-Jerma Palace Hotel peress li l-lukanda ilha għadd kbir ta' xhur magħluqa, mitluqa u fi stat ta' abbandun?
Huwa aċċettabbli għall-Prim Ministru li l-post li qabel kien jokkupa lukanda ewlenija fin-Nofsinhar ta' Malta issa huwa żdingat u mitluq? Tenut kont li fil-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista kien tħabbar li minflok il-Lukanda Jerma kienu se jinbnew appartamenti lussużi u anke lukanda żgħira u issa jidher ċar li l-iżviluppatur għal raġunijiet tiegħu mhux se jagħmel dan, x'pożizzjoni qed jieħu l-Gvern dwar dan?
X'laqgħat kellu l-Prim Ministru, jekk kellu, mal-emfitewta l-ġodda tal-lok li fuqu kienet inbniet il-Jerma Palace Hotel? X'ġie diskuss? Kien hemm Ministri oħra li attendew għal dawn il-laqgħat? Jekk iva, min kienu? Għaliex saru dawn il-laqgħat, jekk saru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-art msemmija hija parti minn art akbar li kienet ingħatat b’titolu ta’ ċensu perpetwu permezz ta’ kuntratt magħmul quddiem in-Nutar John Micallef Trigona fil-21 ta’ Ottubru 1965. F’dan il-kuntratt ma hemm ebda kundizzjoni li l-art trid tintuża biex fuqha tinbena lukanda. Jiena ma ltqajtx mal-emfitetwa l-ġodda tal-lok.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokail li qed jagħmlu proġetti u iniżjattivi li jvarjaw minn sistemi ta' enerġija rinnovabbli ta' effiċjenza għolja sa istallazzjoni ta' solar water heaters fuq il-bini tal-istess kunsilli lokali?
Kunsilli Lokali — skema għall-użu effiċjenti tal-enerġija
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-kunsilli lokali li bbenefikaw mill-iskema għall-użu effiċjenti tal-enerġija? Kemm ibbenefika kull kunsill lokali? Kif saret l-għażla biex il-kunsilli setgħu jibbenefikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm 41 Kunsill li ibbenefikaw mill-iskema għall-użu effiċjenti tal-enerġija. Ħmistax minn dawn kienu jiffurmaw konsorzju. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ħa kull Kunsill.
L-għażla saret minn Bord ta’ evalwazzjoni magħmul minn rappreżentanti mis-Segretarjat għal-Konsultazzjoni Pubblika u Informażżjoni, l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li organizzaw attivitajiet kulturali b'kollaborazzjoni mas-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni fix-xhur ta' Settembru, Ottubru u Novembru? Kemm ġew mogħtija flus mis-Segretarju Parlamentari għal kull attività? kemm ħarġu flus il-kunsilli lokali għal kull attività
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinbnew biċċeriji (slaughter houses)? Jekk iva, f'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha applikazzjoni waħda fir-Rabat Malta għal sanzjonar ta' estensjoni u żidiet ma’ biċċerija eżistenti.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "biċċerija" jew "
slaughter house
".
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' impjegati fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent l-Ippjanar li fil-fatt jagħmlu xogħol marbut mal-ippjanar u kemm hu n-numru ta' persuni li jagħmlu xogħol marbut mal-ambjent? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhu l-ammont ta' flus li ddaħħal l-Awtorità mix-xogħol tagħha relatat mal-ambjent?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ impjegati li jagħmlu xogħol marbut ma’ l-ippjanar hu ta' 207, dawk li jagħmlu xogħol marbut ma’ l-ambjent hu ta' 91, fil-waqt li n-numru ta’ impjegati li jagħmlu xogħol marbut kemm ma’ l-ambjent kif ukoll ma’ l-ippjanar hu ta' 25.
B'referenza għat-tieni mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li daħħlet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, mix-xogħol tagħha relatat mal-ambjent, għall-perjodu finanzjaru ta' 15-il xahar li ntemm fil-31 ta' Diċembru 2008, huwa ta' €1,877,650. Għall-ewwel 9 xhur tas-sena finanzjarja li ħa tintemm fil-31 ta' Diċembru 2009, id-dħul relatat mal-ambjent jammonta għal €316,604.
applikazzjonijiet pendenti biex jinfetħu public service garages
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinfetħu public service garages? Fejn jinsabu dawn l-applikazzjonijiet li hemm pendenti ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha ħamsa u tletin (35) applikazzjoni għal "public service garages" madwar Malta u Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "
towing
", "
chauffeur
", "
taxi
", "
bus
", "xarabank", "
coach
", "
public service
", "servizz pubbliku", "
hire
" jew "kiri".
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema hazardous wastes ġew esportati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-aħħar tliet snin ġie esportat dan l-iskart perikoluż:
§
Lead acid batteries
§
Solvent mixtures haloginated
§
Solvent mixture non haloginated
§
Waste ink containing dangerous substances
§
Organic solvents, washing liquids and mother liquors
§
Batteries and accumulators not completely sorted
§
Construction materials containing asbestos
§
Insulation materials containing asbestos
§
Solid combustible wastes containing dangerous substances
§
Aqueous washing liquids and mother liquors
§
Miscellaneous expired medicines (excluding pyschotropics) in bottles blister packs and aerosols
Solid production waste - Tablets/Granules/Raw Material Samples
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm, fil-preżent, huwa n-numru ta' applikazzjonijiet li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha għall-iżvilupp ta' pompi tal-fuel f'Malta u Għawdex separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha dsatax-(19) il applikazzjoni għall-iżvilupp ta' pompi tal-"fuel", sittax (16) f'Malta u tlieta (3) f'Għawdex.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "pump", "pompa", "
fuel
", "
diesel
", "
petrol
" jew "
station
".
Jista' l-Prim Ministru jivverifika għaliex il-bankina bl-indirizz u skond ir-ritratt li qed jintbagħat separatament, għadha fi stat perikoluż minkejja li ġiet informata l-Enforcement Unit tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sena u erba' xhur ilu, minbarra l-Awtorità dwar it-Trasport u diversi dipartimenti governattivi u l-kunsill lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabilità tal-bankini hija tal-Kunsilli Lokali. Dwar il-każ riferut mill-Onorevoli Interpellant, wara investigazzjoni iżjed profonda li għamlet l-Awtorità, u irriżulta li l-permess oriġinali tal-garaxx ħareġ fl-1987. Il-bini sar il-ġewwa mill-bankina b'mod irregolari peress li l-entratura tal-garaxx ma ġietx irtirata lura skont kemm indikat fil-pjanti approvati. Ir-riżultat kien illi r-rampa li tagħti għal ġol-garaxx sporġiet il-barra mill-linja uffiċjali tat-triq u fuq il-bankina. Kieku l-entratura tal-garaxx ġiet irtirata skont il-permess, ir-rampa kienet tiġi l-ġewwa mill-bankina u allura kienet tiġi evitata il-problema.
Għaldaqstant l-Awtorità bdiet proċeduri t'infurzar kontra s-sid skont ECF 1050/09 fejn is-sid ġie mitlub jirregolarizza l-bini skont il-pjanti approvati. L-Awtorità ser tibqa’ ssegwi l-każ skont il-proċedura.
Peress li jidher li hemm aktar minn verżjoni waħda ta' kif inhu kompost l-MCESD u kemm kull parti rappreżentata f'dan il-kunsill għandha voti, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il vot għandhom fl-MCESD kull entità rappreżentata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-Att XV tal-2001 li tirregola sija l-kompożizzjoni kif ukoll l-andament tax-xogħol tal-Kunsill Malti għall-Iżvillupp Soċjali u Ekonomiku.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12488 u ċioe:Nixtieq ġentilment nirreferi lill-Prim Ministru għall-iskema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar 'Money for Parking' li permezz tagħha żvilupp ġdid irid ikun marbut mal-ħruġ ta’ permess fejn biex jiżdiedu l-għadd ta’ dwellings jew inkella jinbnew oħrajn irid bilfors jinħoloq parkeġġ jew garaxxijiet għas-sidien ta’ dawn l-appartamenti. Meta jirriżulta li xi propjetarji jew żviluppaturi ma jkunux jistgħu jagħmlu dan jew ma jkunux iridu jibnu garaxxijiet, nifhem li hija l-prassi li jħallsu somma flus lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex ipattu għal dan in-nuqqas ta’ parking space. Nifhem ukoll li dawn il-flus suppost imorru ġo fond biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu ndirizzati l-problemi tal-karozzi u tal-parking.
Jikkonferma l-Prim Ministru li dawn il-flus minflok intużaw għall-iskop oriġinali tagħhom, parti minnhom intużaw biex tinxtara Hexagon House għat-taqsima ambjentali tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Kemm inġabru flus taħt din l-iskema madwar Malta u Għawdex kemm ilha teżisti l-iskema sena b’sena?
Kemm minnhom inġabru minn tas-Sliema biss?
Kemm mis-somma miġbura marret fuq ix-xiri ta’ Hexagon House?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-MEPA sselfet €3.09 miljun mill-Commuted Parking Scheme liema somma ser titħallas lura fuq medda ta’ erba’ snin.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji tal-flus li nġabru taħt din l-iskema madwar Malta u Għawdex kemm ilha teżisti din l-iskema, sena b’sena sat-30 ta’ Settembru 2009.
Sat-30 ta’ Settembru 2009 mill-lokalità ta’ Tas-Sliema nġabru €3,115,304.