Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #13304 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet miċħuda

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont sena b'sena ta' kemm applikazzjonijiet għall-permessi ta' żvilupp ġew miċħuda mill-Aworità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-2006 sal-gurnata tar-risposta u jagħti r-raġunijiet li għalihom ġew miċħuda tali applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli nipprovdu raġuni għal kull rifjut ta' applikazzjoni meta din l-informazzjoni tinsab ġewwa 1100 paġna b'aktar minn 12793 raġuni ta' rifjut.
Leg 11 PQ #13305 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — każijiet ta' enforcement

Question

Jista' l-Prim Ministru permezz tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjnet u l-Ippjanar jagħti rendikont sena b'sena ta' kemm-il każ ta' enforcement sar fejn seħħew irregolaritajiet fl-iżvilupp ta' bini mill- 2006 sal-gurnata tar-risposta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-2006, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet dan l-għadd ta' enforcements minħabba irregolaritajiet ta' żvilupp: 2006 - 949 2007 - 781 2008 - 878 2009 (sat-30 ta' Novembru): - 1079
Leg 11 PQ #13306 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — permessi pendenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għall-permessi ta' żvilupp hemm pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjnet u l-Ippjanar? Kemm ilhom pendenti sena b'sena u jekk neċessarju xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Din il-lista ma tinkludux applikazzjonijiet pendenti li mhumiex attivi għax huma sospiżi, qed jistennew il-konklużjoni ta' Draft Policy jew Pjan Lokali jew qed jistennew l-eżitu ta' Planning Control Application jew Environmental Impact Assessment.
Leg 11 PQ #13307 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — permessi fin-naħa ta' fuq ta' Malta - għerien

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il permess ħarġet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fin-naħa ta' fuq ta' Malta fejn ippermettiet tqattiegħ u tifrik f'għerien u żvilupp fil-viċinanzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dettalji bħal dawk imsemmija ma jinżammux fis-sistema informatika tagħna għax dak li jitniżżel bħala riferenza tkun kif hekk deskritta mill-applikant fuq l-applikazzjoni u mhux neċessarjament kif dak speċifikat fl-interpellanza.
Leg 11 PQ #13318 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Transport Planning Unit u l-Minerals Planning Unit - trasferiment

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li t-Transport Planning Unit u l-Minerals Planning Unit fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar se jkunu trasferiti ma' awtoritajiet oħra minkejja li fil-Konferenza Nazzjonali dwar ir-Riforma tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kien tħabbar li dawn se jibqgħu hemmhekk?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-dokument tar-riforma jispeċifika li ċertu funzjonijiet li m’humiex core functions għal dak tal-MEPA, jiġu integrati ma’ entitajiet/awtoritajiet oħra u ma jirriżultax li kien hemm diverġenza minn din il-pożizzjoni.
Leg 11 PQ #13323 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' MIDI f'Tigne — rapport

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13060 u ċioe: B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9128, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi r-rapport li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati nhar it-8 ta’ Novembru 2009, sabiex minn naħa tiegħu iressqu quddiem il-Kumitati għall-Kontijiet Pubbliċi.
Leg 11 PQ #13453 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: PHILIP MIFSUD To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Pjan lokali

Question

B’referenza għall-Policy SMCM 05 fil-Pjan Lokali għan-Nofisinhar ta’ Malta hekk kif approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-2006, jista' l-Prim Ministru jgħid fuq kemm mill-15-il sit imsemmi ġie finalizzat il-pjan (speċifiku għal kull sit) indikat fl-istess policy? Jista' jgħid liema huma dawk is-siti li ġie approvat il-pjan speċifiku tagħhom u meta ġie approvat? Jista' jagħti terminu ta’ meta ser jiġu l-pjani li fadal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li b’kollox fil-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta’ Malta (2006) hemm 23-il sit individwali identifikat bħala ‘Area of Containment’ u li jaqgħu taħt il-parametri tal-Policy SMCM05 kif approvata fil-Pjan Lokali. Il-MEPA għamlet eżerċizzju sabiex tistabbilixxi liema minn dawn is-siti identifikati bħala ‘ Areas of Containment ’ fil- Policy SMCM05 għandhom bżonn reviżjoni tal-Pjan ta’ Struttura u liema jistgħu jiġu ppjanati skont il-parametri tal-imsemmija policy . Minn dan l-eżerċizzju rriżulta li numru minnhom jeħtieġu bidla fil-Pjan ta’ Struttura filwaqt li oħrajn ikunu jistgħu jiġu determinati permezz tat-tħaddim tal- policy SMCM 05. Minħabba li hemm diffikulta dwar aspetti legali fuq numru minn dawn is-siti, f’dan l-istadju huwa prematur li jingħataw dettalji ta’ kull sit kif rikjest fil-Mistoqsija Parlamentari. Minkejja dan, huwa mistenna li l-pożizzjoni tiġi iċċarata fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 11 PQ #13489 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tenders fuq xogħlijiet f'San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-tenders dwar ix-xogħol maħsub fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, min-naħa tat-turiżmu li fil-fatt għalqu? Kemm kien hemm kuntratturi li ssottomettew it-tender tagħhom? Fiex wasal il-proċess tal-aġġudikazzjoni ta' dawn it-tenders?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-proġetti maħsuba għaż-żona ta’ San Pawl il-Baħar mill-Awtorità tat-Turiżmu huma kif ġej: · Żvilupp ta’ Attrazzjoni għall-viżitaturi fiż-żona tal-Qawra (Akkwarju Pubbliku). Tender b’metodu ta’ Competitive Dialogue li għadu għaddej u li ġew short-listed żewġ kuntratturi. · Tisbiħ fil- promenade ta’ San Pawl bejn l-iskola primarja u l-Menqa. Tender li għalaq fl-20 ta’ Ottubru u li daħlu għalih 4 tenderers . Il-proċess tal-aġġudikazzjoni għadu għaddej. Tenders għat-titjieb tal-aċċessibiltà għal fuq il-bajja u għal ġewwa l-baħar għall-għawwiema u għaddasa. Tenders ħarġu u ġew aġġudikati. Ix-xogħol beda u mistenni jitlesta sa qabel is-sajf 2010. Biex isir dan ix-xogħol l-MTA ħarġet 3 tenders li għalihom daħlu 24 tenderer u kollha ġew aġġudikati.

Persuni li japplikaw biex jiġu re-instated fis-Servizz Pubbliku

Question

B’referenza għall-Public Service Management Code kif emendat f’Ġunju 2008, klawsola numru 1.4.3.1., jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Uffiċjali Pubbliċi li kienu rtiraw mis-Servizz Pubbilku bil-bord mediku, u li kienu jirċievu pensjoni mit-Teżor u Pensjoni tal-Invalidità, li applikaw biex jiġu re-instated fis-Servizz Pubbliku fl-aħħar 16-il xahar, u ċioe minn meta l-emendi tal-Management Code daħlu fis-seħħ f’Ġunju 2008? Kemm minn dawn reġgħu ġew aċċettati lura mas-Servizz Pubbliku u bdew jaħdmu? Xi proċedura tkun applikabbli f’każijiet fejn ex-impjegati jkunu jirċievu żewġ pensjonijiet, dik tat-Teżor u dik tal-Invalidità, meta dawn japplikaw biex jiġu re-instated fis-Servizz Pubbliku? F’dawn il-każijiet meta jieqfu l-pensjonijiet tat-Teżor u tal-Invalidità, meta l-persuna tapplika jew meta l-persuna terġa' tidħol lura għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dawn l-aħħar sittax-il xahar, ma kien hemm l-ebda talba għal re-instatement minn ex-impjegati pubbliċi, li kienu jieħdu żewġ pensjonijiet, jiġifieri l-pensjoni tat-Teżor u l-pensjoni tal-invalidità. Kien hemm tlett talbiet minn persuni li kienu jieħdu l-pensjoni tat-Teżor biss. Minn dawn it-tlett talbiet, tnejn ġew aċċettati u l-impjegati reġgħu lura fil-grad li kellhom qabel. F’dawn il-każijiet, il-pensjoni tat-Teżor tieqaf mid-data li l-applikanti jidħlu għax-xogħol. L-impjegati jkunu marbutin li jħallsu persentaġġ fuq is-somma li jkunu ħadu meta rtiraw. Għalkemm ma kien hemm ebda każ li jinvolvi persuni li jirċievu pensjoni tal-invalidità għandu jingħad li din il-pensjoni tkun riveduta minn żmien għal żmien u għalhekk jista’ jkun li tieqaf qabel ma’ l-impjegat jidħol lura għax-xogħol, skont kif jiddeċiedi d-Direttur tas-Sigurtà Soċjali. Iżda f’każ li l-impjegat ikun għadu jieħu l-pesjoni tal-invalidità din tieqaf meta l-impjegat jidħol għax-xogħol.

Awtoritá tat-Turiżmu għal Għawdex

Question

Jikkonsidra l-Prim Ministru li għandha tinħoloq Awtoritá tat-Turiżmu għal Għawdex komposta minn Għawdxin li joqogħdu f`Għawdex u li jkunu jafu bil-problemi tal-Gżira?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Uffiċċju wieħed għal Għawdxin li jridu liċenzja fil-qasam turistiku

Question

Billi Għawdex għandu bżonnijiet speċjali anke fil-qasam turistiku, jikkonsidra l-Prim Ministru li minn uffiċċju wieħed għandu jinqeda kull min jitlob liċenzja biex jopera f`dan il-qasam, u dan għaliex fil-preżent anke biex toħroġ mejda quddiem restaurant mill-inqas trid tagħmel applikazzjoni għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, id-Dipartiment tal-Artijiet, l-Uffiċċju tal-Pulizija u l-Uffiċċju tat-Turiżmu? Jaħseb li dan it-tul ta' żmien qiegħed jaqta' qalb min bis-serjetà jkun tħajjar li jiftaħ f`dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex reklamat bħala destinazzjoni turistika separata

Question

Jikkonsidra l-Prim Ministru li Għawdex għandu jkun reklamat bħala destinazzjoni turistika separata aktar bis-serjetà u li għal dan il-għan għandu jkun hemm vot ta' flus aktar adegwat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

pontoons qrib il-portijiet Għawdxin

Question

Jikkonsidra l-Prim Ministru li għandhom isiru pontoons qrib il-portijiet Għawdxin biex il-cruiseliners ikunu jistgħu iniżżlu t-turisti bil-kumdità fil-bajjiet f`Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Imġarr Għawdex — Yacht Marinas

Question

Jikkonsidra l-Prim Ministru li għandha tiġi mkabbra l-Yacht Marina fl-Imġarr Għawdex u li jinħolqu Yacht Marinas oħra f`Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan Lokali ta’ Għawdex u Kemmuna (Approvat 2006) jikkunsidra t-tkabbir tal-Yacht Marina fl-Imġarr skony il-provvedimenti ta' Policy GZ-TRAN-11. Policy GZ-TRAN-13 tikkontempla Destination Ports li tikkonsisti f’faċilitajiet aħjar għal dgħajjes u yachts biex issaħħaħ il-prodott turistiku u suġġett għall-Studju tal-Impatt Ambjentali. Is-siti identifikati huma Marsalforn u Ħondoq ir-Rummien ġewwa Għawdex, kif ukoll il-Bajja ta’ San Niklaw u dik ta’ Blue Lagoon ġewwa Kemmuna.
Leg 11 PQ #13538 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Interim From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Bini ta' Airstrip

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #13633 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — family friendly measures

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10796 u 13139 u jgħid x'family friendly measures qed jitħaddmu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid hemmx faċilità ta' childcare fl-istess dipartimenti għat-tfal tal-ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-ewwel parti tal-mistoqsija. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward it-tieni parti tal-mistoqsija fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru m’hemmx faċilitajiet ta’ childcare għat-tfal tal-ħaddiema.
Leg 11 PQ #13634 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — riċevimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13138 u 10806 u jgħid kemm saru riċevimenti f'dawn l-aħħar ħames xhur organizzati jew kordinati mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? X'kienet l-okkazjoni? Kemm kien hemm persuni mistiedna għal kull riċeviment? Kemm attendew? Kemm swiet l-okkażjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #13635 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — materjal stampat

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13137 u 11141 u jgħid kemm intbagħat materjal stampat f'din l-aħħar sena mid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru kollu tiegħu ġod-djar tan-nies? Jista' jgħid x'kien is-suġġett jew tema tal-karti li ntbagħtu? Kemm minn dan il-materjal kien fuq karta reċiklabbli jew reċiklata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni tal-materjal stampat li ntbagħat ġod-djar bieb bieb u l-edizzjonijiet ta’ PAJJIJŻNA.
Leg 11 PQ #13647 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema full-time, part-time u bil-kuntratt mal-Gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien it-total ta' nies full-time mal-Gvern fl-aħħar għaxar snin sal-lum? Kemm kien it-total ta' nies part-time mal-Gvern fl-aħħar għaxar snin sena b'sena sal-lum? Kemm kien hemm nies full-time u part-time mal-korporazzjonijiet fl-aħħar għaxar snin sal-lum? Jista' jelenkahom korporazzjoni, korporazzjoni? Kemm kien hemm nies impjegati mal-Gvern b'kuntratt fl-aħħar għaxar snin sal-lum sena b'sena? Kemm kien hemm nies impjegati mas-segretarjat tal-ministeri u segretarji parlamentari kull sena fl-aħħar 20 sena sal-lum? X'kienet l-ispiża totali kull sena ta' dawn in-nies f'pagi, overtime u allowances?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba li l-ġbir ta’ l-informazzjoni mitluba teħtieġ ammont konsiderevoli ta’ xogħol, qiegħed nillimita l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għas-snin 2008 u 2009 biss. Dwar persuni part-time f’entitajiet/awtoritajiet pubbliċi, il-figuri tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma jiddistingwux bejn persuni part-time tas-Settur Pubbliku u dak privat. Għalhekk dan it-total ma jistax jingħata. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-informazzjoni mitluba għal dawn is-sentejn. Minħabba n-natura tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispjega għaliex jeħtieġ din l-informazzjoni f’daqshekk dettall.
Leg 11 PQ #13648 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema assenjati mal-kunsilli lokali u mħallsa mill-Gvern Ċentrali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ ħaddiema assenjati mal-Kunsilli Lokali u li huma mħallsa mill-Gvern Ċentrali hu kif ġej: Ħaddiema tal-IPSL 146 Ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet 25 Ħaddiema tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali 32 Ħaddiema tal-ETC – (community workers) 93 Total: 296