Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #19249 Sitting 254 2010-07-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għases li talbu li jiġu refurbished

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-għases tal-pulizija li għandna f'Malta talbu li jkun hemm refurbishing tagħhom (naturlament it-talba tkun saret minn dawk responsabbli li jmexxu l-għassa partikolari)? Kemm minn dawn l-għases hu mistenni li jiġu refurbished din is-sena? Liema huma dawn l-għases?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni nispjega, ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-għasses huwa proċess kontinwu u għaldaqstant isiru dawk ix-xogħolijiet li jkun hemm bżonn minn żmien għal-żmien. Ninsab infurmat illi fost l-Għasses li matul din is-sena saru jew huwa maħsub li ser isiru xogħolijiet, hemm dik ta’ Pinto Wharf, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbug, Fgura, M’Scala, Sliema, San Ġwann, Mtarfa, Marsa, Qawra, Mosta, Għadira, Mellieħa, Kemmuna, Xewkija, Xlendi u Rabat (Għawdex).
Leg 11 PQ #18952 Sitting 253 2010-07-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Involviment ta' retailers fil-qasam tas-sistemi fotovoltajiċi

Question

Jista' l-Ministru jikkoferma li fl-investigazzjonijiet li qed tagħmel il-pulizija dwar allegat involviment ta' retailers fil-qasam tas-sistemi fotovoltajiċi residenzjali hemm ukoll allegat involviment ta' xi kunsilli lokali bħala ko-ordinaturi ta' dan l-abbuż, fosthom kunsill lokali partikolari Għawdxi? Jista' jikkonferma lill-Kamra dwar l-eżitu tal-investigazzjonijiet kif ukoll tar-rapporti li saru lill-pulizija kemm mill-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta kif ukoll minn-naħa ta' xi retailers oħrajn li ħassew li dan esponihom għal kompettizjoni inġusta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tinvestiga rapporti li waslulha dwar allegati abbużi.
Leg 11 PQ #19211 Sitting 253 2010-07-12 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każijiet ta' stupru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ stupru rapportati lill-pulizija mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena? Kemm kien hemm każijiet ta’ tfajliet u nisa li daħlu l-isptar għall-kura wara li esperjenzaw stupru mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena? Kemm kien hemm każijiet ta’ tfajliet u nisa li daħlu fi sptarijiet/kliniċi privati jew marru għand tabib/speċjalista għall-kura wara li esperjenzaw stupru mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena? Kemm-il każ ta’ allegat stupru ittella’ l-qorti mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena? Kemm minn dawn ingħalqet il-kawża tagħhom u x’sentenzi ingħataw mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Għall-ewwel parti tad-domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija Parlamentari numru 15969, filwaqt għat-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija nitlob li jirreferiha lill-Ministru kkonċernat. Ninsab infurmat li l-informazzjoni kif mitluba għall-aħħar żewġ domandi tirrikjedi ħafna żmien sabiex tinġabar billi ma hux disponibbli taħt forma ta' statistika u trid issir manwalment każ, każ.
Leg 11 PQ #19212 Sitting 253 2010-07-12 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika rapportati lill-pulizija mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena? Kemm kien hemm każijiet ta’ vittmi li daħlu l-isptar għall-kura wara li esperjenzaw vjolenza domestika mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena? Kemm kien hemm każijiet ta’ vittmi li daħlu fi sptaijiet/kliniċi privati jew marru għand tabib/speċjalista għall-kura wara li esperjenzaw vjolenza domestika mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena? Kemm-il każ ittella’ l-qorti mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena? Kemm minn dawn ingħalqet il-kawża tagħhom u x’sentenzi ingħataw mis-sena 2000 sal-lum sena b’sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-każijiet ta' vjolenza domestika rrapurtati lill-Pulizija mill-2000 sa Ġunju ta' din is-sena kienu kif ġej:- Għar-rigward it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru kkonċernat. Infurmat ukoll li l-informazzjoni kif mitluba għall-aħħar żewġ domandi tirrikjedi ħafna żmien sabiex tinġabar billi ma hux disponibbli taħt forma ta' statistika u trid issir manwalment każ, każ.
Leg 11 PQ #19232 Sitting 253 2010-07-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Aggressjoni waqt laqgħa pubblika

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18165, jikkonferma l-Ministru li għal dik il-laqgħa pubblika kien hemm preżenti uffiċjali tal-Pulizija biex tinżamm l-ordni? La darba xi ġurnalisti preżenti rrappurtaw fl-istampa l-inċidenti li fih il-persuna msemmija ġiet aggredita fil-pubbliku waqt il-laqgħa, il-pulizija ma kellhiex tieħu passi minn jeddha, mingħajr ma toqgħod tistenna rapport?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18165.

faċilitajiet ta' ħabs għaż-żagħżagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn hemm faċilitajiet ta' ħabs għaż-żagħzagħ ta' 18-il sena li jeħlu l-ħabs u li jkollhom sentenza ta' ħabs xi jsegwu? Jista' jgħid jekk hemmx diviżjoni għalihom u x'taħriġ isir fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin biex dawn iż-żgħażagħ ma jerġgħux jispiċċaw hemm wara li jiskontaw is-sentenza li jkunu ingħataw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi żgħażagħ ta’ 18-il-sena iservu s-sentenza tagħhom fit-Taqsima tal-YOURS (Young Offenders Unit for Rehabilitation Services). Din it-taqsima, għalkemm tinstab ġol-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, hija apparti mill-bqija tat-taqsimiet l-oħra. Infurmat ukoll li fil-YOURS, barra li wieħed jista’ jieħu tagħlim u taħriġ fit-taqsima stess, jista’ jkollu l-opportunita’ li jmur għal korsijiet li huma organizzati mill-ITS, ETC, MCAST u istituzzjoni oħrajn edukativi. Barra minnhekk f'din it-taqsima jsir ukoll xogħol volontarju fil-kommunita’.
Leg 11 PQ #18861 Sitting 252 2010-07-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

kontroll fuq ħinijiet ta' kostruzzjoni

Question

Minħabba li x-xogħol ta' kostruzzjoni f'ħin bikri joħloq inkonvenjent u noise pollution għan-nies f'żoni residenzjali, jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar kontroll fuq il-ħin li fih jista' jsir dan ix-xogħol filgħodu? X'inhuma l-ħinijiet permessi mil-liġi bħalissa u kif jistgħu jiġu mtejba?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17181.
Leg 11 PQ #18673 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

nies reliġjużi akkużati fil-qorti li abbużaw mit-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi kontra qassisin/ nies reliġjużi akkużati fil-qorti li abbużaw mit-tfal? F’liema stadju waslu dawn il-każi differenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba numru 18672, ninsab infurmat illi quddiem il-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali hemm kawża waħda pendenti.
Leg 11 PQ #18674 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kiosks — liġijiet imħarsa

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar sentejn x’passi ttieħdu mill-pulizija biex jaraw humiex jitħarsu l-liġijiet mis-sidien tal-kiosks li jarmaw fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, Sliema u Gżira? X'irriżulta minn dawn il-passi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull fejn ikun osservat li jkun qed iseħħ xi ksur tar-Regolamenti minn sidien ta’ kiosks, il-Pulizija tieħu passi skont il-liġi. Infurmat ukoll illi fil-postijiet imsemmija mill-Onoervoli Interpellant kien hemm tliet okkazzjonijiet fejn il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti.
Leg 11 PQ #18827 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kummissjoni Ewropeja u Libja — workshop fuq ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

Question

Billi ġie rrapurtat li fil-21 ta' Ġunju 2010, il-Libja u l-Kummissjoni Ewropea għamlu workshop bejniethom dwar il-ġlieda kontra il-kriminalità organizzata, li għaliha attendew diversi esperti minn għadd ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea fejn ġew diskussi fost affarijiet oħra t-transational crime, border issues, drug and human trafficking fi Tripli, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk Malta kenitx rappreżentata f’din il-laqgħa, u jekk iva min kien preżenti min-naħa Maltija, fosthom min kienu l-esperti Maltin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi skont rapport li deher fil-media, esperti mill-Greċja, il-Ġermanja, il-Litwanja u mill-Kummissjoni Ewropea kienu fost il-parteċipanti tal-workshop li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #19124 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Toroq li jseħħu inċidenti fihom

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iktar għaxar toroq f’Malta fejn bejn is-sena 2000 u llum, seħħew l-ikbar numru ta’ inċidenti tat-traffiku? Kemm kienu l-inċidenti li seħħew matul dan il-perjodu f’kull waħda minn dawn it-toroq, sena b’sena, b’mod separat? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu ta’ natura fatali? X’passi ttieħdu biex jitnaqqsu l-perikli u biex jitnaqqsu l-inċidenti f’kull waħda minn dawn l-għaxar toroq?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija Parlamentari numru 16547.
Leg 11 PQ #18672 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każijiet ta' nies reliġjużi li abbużaw bi tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-qrati qed idumu ma jipproċedu bil-każi kontra qassisin/nies reliġjużi akkużati li abbużaw bi tfal fdati f’idejhom? Għaliex dawn il-każi qed jitħallew ikarkru snin twal?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi din il-kawża bdiet fit-28 ta’ Ottubru 2003 u ilha fi stadju ta’ difiża mill-2006 u minn dak iż-żmien l-hawn, saret il-kontro-eżami ta’ xhieda tal-prosekuzzjoni, saret ix-xhieda tal-akkużati u nstemgħu xi xhieda tad-difiża. Infurmat ukoll li kien hemm xi diffikultà li tipprocedi l-kawża minħabba l-istat mediku ta’ wieħed mill-akkużati iżda wara li ngħata xi kura, l-kondizzjoni tiegħu ġiet ameljorata u huwa kapaċi jattendi għas-seduti tal-kawża. Ninab infurmat illi bħalissa l-kawża għadha fi stadju tad-difiża li qegħdin iressqu diversi xhieda biex isostnu l-każ tagħhom. Il-modalità dwar kif titmexxa kawża u s-seduti tagħha huma prerogattiva tal-Ġudikant sedenti.
Leg 11 PQ #18854 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — ilmenti f'isem il-kostitwenti

Question

Peress li fost il-ħidmiet tal-membri parlamentari hemm li jiltaqgħu, jisimgħu u jitkellmu f'isem il-kostitwenti tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti dipartimenti jirrifjutaw li jirrispondu għal talbiet, ilmenti, u mistoqsijiet li jsiru minn żmien għal żmien minn deputati f'isem il-kostitwenti? Ma jikkunsidrax li jinħoloq punt ta' referenza f'kull dipartiment, fejn id-deputat ikun jista' jitkellem f'isem u għall-kostitwent?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex il-każijiet li jkollu jirreferihom lis-sezzjonijiet tal-Customer Care li hemm f’kull Ministeru.
Leg 11 PQ #18890 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — Spetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-applikazzjonijiet ta’ spettur fil-Korp tal-Pulizija kienu tassew eliġibbli fir-rigward tal-kwalifiki meħtieġa skont kif kienu mħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern? Jekk kien hemm nies mhux hekk eliġibbli, x’kienet ir-raguni li dawn qed jigu kkonsidrati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-proċess tal-għażla fl-applikazzjonijiet msemmija mill-Onorevoli Interpellant isir taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 11 PQ #19081 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija on light duty

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex persuni li kienu fuq light duty fil-Korp tal-Pulizija ġew mitluba illi, jew jilbsu l-uniformi u jagħmlu taħriġ fiżiku jew jirrikunsidraw l-pożizzjoni tagħhom fil-pulizija? X'assessment sar li dawn fil-fatt kienu fi stat ta' saħħa li jagħmlu dan it-taħriġ fiżiku u minn min sar tali assessment?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija ħasset il-ħtieġa li tadotta proċedura fir-rigward ta’ dawk il-membri tal-Korp li minħabba l-istat ta’ saħħithom, ma jkunx jippermetti li dawn jaqdu il-firxa sħiħa tad-doveri rikjesti minn membru tal-Korp. Dan sar sabiex minflok ma jibqgħu barra bis-sick leave, fejn jista’ ukoll ikun hemm konsegwenzi finanzjarji, dawn ikunu jistgħu jidħlu għax-xogħol u jkunu assenjati doveri kompatibbli mal-istat ta’ saħħa tagħhom skont il-parir mediku. Għaldaqstant kemm l-ilbies tal-uniformi kif ukoll it-taħriġ fiżiku isir skont kif ikun jimmerita l-każ u mhux fuq regola ġenerali.
Leg 11 PQ #19082 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — pocket uffiċjali għall-ID

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-pulizija jiġu provduti b'pocket uffiċjali sabiex il-pulizija pajżana jkunu jistgħu jpoġġu l-ID uffiċjali tal-pulizija fih u b'hekk tkun ħaġa aktar preżentabbli waqt il-qadi ta' dmirijithom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp huma diġà attrezzati b'pocket book uffiċjali fejn fuq naħa minnhom dan għandu post li jista' jintuża biex tinżamm il-karta tal-identità tas-servizz.
Leg 11 PQ #19096 Sitting 250 2010-07-05 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Cameras fis-sezzjoni tal-forensika

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm biss tmien cameras tar-ritratti available fis-sezzjoni tal-forensika tal-pulizija, meta fil-fatt hemm bżonn ta' għaxra? Jidhirlu li mhix professjonalità illi cameras jiġu mislufa minn id għal oħra? Jekk dan hu dovut għall-fatt illi l-fondi tal-Unjoni Ewropea swew biss għal tmien cameras, ma jidhirlux illi setgħu instabu fondi minn pajjiżna biex inxtraw it-tnejn l-oħra? Jista' jgħid jekk dan hux il-mod kif qed jitmexxa l-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima tal-Forensika tal-Korp tal-Pulizija għandha għad-dispozizzjoni tagħha biżżejjed kameras tar-ritratti sabiex taqdi il-ħtiġijiet li jinqalgħu. Infurmat ukoll illi l-mod ta’ kif u meta jinbidel l-apparat li jagħmel użu minnu l-Korp, huwa materja amministrattiva.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — devoluzzjoni lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-ġurnata tal-lum x'ġie devolut minn dawk id-dipartimenti, aġenzji, entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu lill-kunsilli lokali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li ma ġie xejn devolut lill-kunsilli lokali minn naħa tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u mid-dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu.
Leg 11 PQ #18662 Sitting 249 2010-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

passi kontra persuni taħt is-17-il sena

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18099, jista’ l-Ministru jgħid kontra kemm-il persuna taħt l-età ta’ 17-il sena ttieħdu l-passi kollha kif previst mil-liġi? X’kienu dawn il-każi u f’liema lokalitajiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, kien hemm 25 persuna taħt is-17-il sena li l-Pulizija ħadet passi kontra tagħhom fuq il-konsum ta’ alcohol – 7 waqt li kienu fi ħwienet u 18 kienu fit-toroq. Infurmat ukoll illi dawn iż-żgħażagħ kienu f'Paceville, fil-Floriana, f'B’Bugia, fil-Ħamrun, u fis-Siggiewi.
Leg 11 PQ #18663 Sitting 249 2010-06-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

serq minn fabbriki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kemm ġie rrapurtat serq minn fabbriki? Kemm-il każ ġie solvut? X’kienu l-aktar affarijiet li nsterqu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 9 serqiet minn fabbriki, ħames minn dawn is-serqiet kienu jikkonsistu f'serq ta’ għodda, waħda ta' fittings tad-dawl, waħda ta' materjal tal-bini, waħda credit cards u flus ta’ impjegat, u oħra ta' domestic appliances. Infurmat ukoll li minn dawn is-serqiet waħda ġiet solvuta filwaqt li l-oħrajn għadhom qed jiġu nvestigati.