Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #8568 Sitting 192 2019-02-04 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Pariri Legali fuq trasferiment ta’ art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8483 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir legali li l-Gvern ingħata mingħand ditta legali barranija dwar it-trasferiment ta’ art pubblika lill-grupp ta’ kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li pariri legali huma minn natura tagħhom kunfidenzjali u privileġġjati, u għalhekk ma jkunx prudenti jew etikament korrett illi dokumenti ta’ din in-natura jiġu mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra. Madankollu ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ diskussjonijiet relattiv għadu għaddej.
Leg 13 PQ #8271 Sitting 191 2019-01-31 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook li huma amministrati mill-Ministeru għat-Turiżmu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħra jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għat-Turiżmu u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #8255 Sitting 189 2019-01-29 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7528 waqt is-seduta ta' nhar is-27 ta' Novembru 2018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7528.
Leg 13 PQ #8482 Sitting 189 2019-01-29 Oral · Final From: ROSIANNE CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Ħal Qormi — Wied il-Kbir - proġett

Question

Peress li l-ispazji miftuħa f’pajjiżna huma limitati, jista’ l-Ministru jesplora l-possibilità li f’Wied il-Kbir f’Ħal Qormi jsir proġett kapitali li jinkludi t-tindif estensiv tal-Wied, il-ħolqien ta’ picnic area, passaġġi u pontijiet aċċessibbli għan-nies, kif ukoll faċilitajiet għad-dilettanti tal-isports tar-rock climbing biex b’hekk ikollna attrazzjoni ġdida f’pajjiżna kif ukoll post ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Malta Limited dejjem lesta li tilqa’ ideat dwar proġetti ġodda. Dawn l-ideat imbagħad jiġu kkunsidrati, analiżżati u evalwati sabiex ikun stabbilit jekk ikunux vijabbli jew le biex jitwettqu.
Leg 13 PQ #8485 Sitting 189 2019-01-29 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Memorandum of Understanding bejn il-Gvern u kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Memorandum of Understanding li ġie miftiehem bejn il-Gvern u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fit-Tnax-il Leġiżlatura (2013 – 2017) peress li dan kien sar minn Ministru ieħor imma ma kienx ġie mressaq il-Parlament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess dwar ir-riġenerazzjoni tal-peninsula tal-Bajja ta’ San Ġorġ għadu mhux konkluż. Id-dokumentazzjoni relevanti tiġi ppublikata aktar tard.
Leg 13 PQ #8383 Sitting 185 2019-01-21 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – shore to vessel supply

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8212, jista’ l-Ministru jgħid jekk sakemm Malta Freeport Corporation taġġorna ruħha fuq l-iżviluppi tax-shore to vessel supply u l-istallazzjoni tagħha fil-Port Ħieles, hux jikkunsidra li jwaqqaf l-operat tal-Freeport matul is-sigħat tal-lejl sabiex il-poplu ta' Birżebbuġa jkun jista’ jorqod bil-kwiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru flimkien mal-imsieħba kollha, jinsab impenjat bis-sħiħ sabiex jimminimizza u jekk huwa possibbli jelimina kwalunkwe inkonvenjent li l-operat tal-Port Ħieles jista' jikkawża. Ittieħdu diversi miżuri u qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati diversi miżuri sabiex il-ħsejjes li jistgħu jiġu kkawżati mill-operat tal-Port Ħieles jiġu mnaqqsa, liema miżuri jinkludu: · tnaqqas il-ħoss tas-sistemi tal- alarms mal-krejnijiet li jimxu bir-roti (RTG’s) skont l-istandard EN I20 7731; · ġiet installata s-sistema crane slow down feature s’issa f’65% tal-Quay Cranes biex ma jkunx hemm tisbita finali meta l- container jitniżżel fuq it-trakk; · din is-sena nġabu seba' krejnijiet RTG ġodda li għandhom sistema ta’ white noise biex b’hekk jonqsu l-ħsejjes waqt li jkunu qed jgħabbu jew iħottu l- containers . Tmienja oħra se jiġu installati sa Marzu. Il-50 krejn eżistenti se jiġu retro-fitted biex inaqqsu l-inkonvenjent tal-istorbju; · saru xogħlijiet fuq 107,000sqm ta’ toroq fiż-żona tal-Freeport; · għaddej tibdil ta’ uċuħ tat-toroq li kienet magħmula minn cobbled blocks u li issa qed jingħataw it-tarmak. Inbidlet ukoll art li kienet miksija bil-pjanċi tal-ħadid fejn flokhom ingħata l-konkrit; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta u l-Malta Freeport Terminal dwar attività ta’ refuelling ta’ vapuri sabiex ma jsirx daqq ta’ ħornijiet mill-vapuri; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Korporazzjoni sabiex is-South Road tingħata t-tarmak. Din it-triq jgħaddu madwar 310 vettura kuljum. Il-Port Ħieles mhuwiex biss mezz li jiffaċċilita t-trasport ta’ prodotti iżda huwa element kruċjali fl-ekonomija Maltija. Huwa biżejjed li jingħad li matul is-sena li għaddiet il-Port Ħieles Malti kien it-tielet l-aktar port attiv fil-Mediterran. Dan magħdud mal-fatt li l-akbar operatur fi ħdan l-istess port, Malta Freeport Terminals Limited jikontribwixxi għal 2.1% tal-ekonomija Maltija u dan mingħajr ma nsemmgħu n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fl-istess port grazzi għal din l-attività. Il-Gvern se jkompli jaħdem biex jimplimenta x-short, medium u long-term plan biex jitnaqqsu l-ħsejjes ġejjin mill-Port Ħieles. Ta’ min wieħed isemmi ukoll li l-Ministeru qiegħed ifassal proġett għar-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa.
Leg 13 PQ #8171 Sitting 183 2019-01-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Projects Malta ltd – Proġetti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti saru minn Projects Malta Ltd ġewwa Għawdex sena b'sena minn kemm ilha kostitwita Projects Malta sal-lum? Jista' jgħid xi proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Projects Malta matul is-sena 2019 f'Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5051. Projects Malta Ltd qed tevalwa wkoll il-possibilità li twettaq proġett għall-komunità Għawdxija. Intant il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiki qegħdha tikkolabora mal-Ministeru għal Għawdex fuq ir-riġenerazzjoni tax-Xlendi u titjieb fuq il-bajjiet.
Leg 13 PQ #8170 Sitting 182 2019-01-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex – films/produzzjonijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'films/produzzjonijiet ġodda nġibdu ġewwa Għawdex u x'impatt ħallew fuq l-ekonomija Għawdxija matul is-sena 2017 u 2018 u x'produzzjonijiet/films hemm ippjanati li jinġibdu ġewwa Għawdex matul is-sena 2019 u kemm hu l-valur fi flus ta’ dawn il-produzzjonijiet/films?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2017 inġibdet il-produzzjoni Head ġewwa San Lawrenz u fis-sena 2018 inġibdet il-produzzjoni One Breath ġewwa r-Ramla l-Ħamra, id-Dwejra u x-Xatt l-Aħmar. Għas-sena 2019, il-Kummissjoni tal-Films għaddejja b’diskussjonijiet ma’ producers u studios barranin sabiex dawn jiġu jiffilmjaw f’pajjiżna, inkluż f’Għawdex.
Leg 13 PQ #8189 Sitting 182 2019-01-14 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta India Film Festival – rwol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tad-ditta u tal-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fil-Malta India Film Festival? Fuq liema bażi ntgħażel dan l-individwu/ditta sabiex imexxi workshop dwar l-inċentivi f’Malta fil-qasam tal-films? X’esperjenza għandha fil-qasam tal-films? Saret sejħa jew kompetizzjoni biex tintgħażel qabel sar dan l-avveniment?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lil-Malta India Film Festival ġie organiżżat minn kumpanija privata u mhux mill-Ministeru.
Leg 13 PQ #8212 Sitting 182 2019-01-14 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – shore to vessel supply

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 8168, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali u ċjoè jekk il-Port Ħieles hux se jistalla x-shore to vessel supply?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat li l-Malta Freeport Corporation qiegħdha taġġorna ruħha fuq żviluppi li jista’ jkun hemm fuq ix-shore to vessel supply permezz tal-MedPorts Association li tagħha hija membru.
Leg 13 PQ #8168 Sitting 181 2018-12-12 Oral · Final From: HERMANN SCHIAVONE To: Ministeru għat-Turiżmu

Port Ħieles – shore to vessel supply

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8087 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, Investimenti u Negozji Żgħar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jew meta, il-Port Ħieles ser jinstalla x-shore to vessel supply tal-enerġija għal vapuri sabiex tibda tiġi mmitigata l-problema ta’ ħsejjes enormi li qed ikunu ġġenerati minħabba l-ġeneraturi u li minħabba fihom ir-residenti ta’ Birżebbuġa qed ibatu ħafna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern u l-Ministeru tat-Turiżmu permezz tal-Malta Freeport Corporation u l-ERA, b’mod kostanti baqa’ jagħmel moniteraġġ fuq il-Malta Freeport Terminal. Saru studji u rapporti li minnhom ħareġ x’miżuri trid taddotta l-Malta Freeport Terminals sabiex tiġi mitigata din il-problema. Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li: · tnaqqas il-ħoss tas-sistemi tal-alarms mal-krejnijiet li jimxu bir-roti (RTG’s) skont l-istandard EN I20 7731; · ġiet installata s-sistema crane slow down feature s’issa f’65% tal-Quay Cranes biex ma jkunx hemm tiżbita finali meta l-container jitniżżel fuq it-trakk; · din is-sena inġabu 7 krejnijiet RTG ġodda li għandhom sistema ta’ white noise biex b’hekk jonqsu l-ħsejjes waqt li jkunu qed jgħabbu jew iħottu l-containers; · saru xogħlijiet fuq 107,000sqm ta’ toroq fiż-żona tal-Freeport; · Għadu għaddej tibdil ta’ uċuħ tat-toroq li kienet magħmula minn cobbled blocks u li issa qed jingħataw it-tarmac. Inbidlet ukoll art li kienet miksija bil-pjanċi tal-ħadid fejn flokhom ingħata l-konkrit; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta u l-Malta Freeport Terminal dwar attivita ta’ refuelling ta’ vapuri sabiex ma jsirx daqq ta’ ħornijiet mill-vapuri; · Saret konsultazzjoni bejn Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Korporazzjoni sabiex is-South Road tingħata t-tarmak. Din it-triq jgħaddu madwar 310 vettura kuljum; · Il-Malta Freeport Terminal kontinwament tagħmel upgrades fl-appart li tuża’ sabiex tnaqqas l-istorbju; · Il-Malta Freeport Terminal intrabtet ukoll li tagħmel tisbieħ tal-ġnien ta’ Birżebbuġa maġenb Triq San Patrizju. Dan ser jieħu inkonsiderazzjoni pjanar biex jitnaqqsu l-ħsejjes iġġenerati mill-Freeport; · l-Awtorita’ tal-Freeport ser tiffinanzja Multi-storey car park li ser ikun għal-użu tar-residenti ta’ Birżebbuġa.
Leg 13 PQ #7866 Sitting 180 2018-12-11 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — trasferimenti/pagamenti f’bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsijia parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saru l-ebda trasferimenti u/jew pagamenti f’kontijiet li jinsabu fil-bank imsemmi.
Leg 13 PQ #7830 Sitting 178 2018-12-06 Oral · Final From: KAROL AQUILINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – servizzi ta’ konsulenza minn individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7383 waqt is-seduta ta' nhar it-2 ta' Novembru 2018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament? Jista' l-Ministru, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm tħallas l-istess individwu għas-servizzi tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kuntratt standard li fuqu jiġu fformulati kuntratti ta’ persuni ngaġġati fuq bażi part-time.
Leg 13 PQ #7932 Sitting 175 2018-12-03 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Foundation for Tourism Development Zones — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu impjegati fil-Foundation for Tourism Development Zones minn Lulju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin dawn l-impjegati? Jista’ jgħid xi proċess ta' għażla ntuża, biex ġew impjegati dawn il-persuni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mil-Lulju 2017 ’l hawn ġew impjegati 4 persuni mal-Fondazzjoni fuq kuntratt definit. Dawn ġejjin mil-lokalita’ ta’ Ħal-Qormi, M’Scala, Sta Luċija u tas-Sliema.
Leg 13 PQ #7933 Sitting 175 2018-12-03 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jinħatar il-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbilta’ bħalissa qed tkun assunta minn żewġ Deputy CEOs flimkien ma’ Chairman.
Leg 13 PQ #8031 Sitting 175 2018-12-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għat-Turiżmu

Dwejra Għawdex – Inland Sea — Rifjut ta’ permessi għal ftuħ ta’ ħwienet tal-artiġjanat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li, għalkemm il-Kunsill Lokali tal-Munxar ma’ jsib l-ebda oġġezzjoni, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rrifjutat li tagħti permess lill-applikanti mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-ftuħ ta’ ħwienet li jbiegħu oġġetti ta’ artiġjanat Malti fl-imħażen li hemm l-Inland Sea fil-bajja tad-Dwejra, limiti ta’ San Lawrenz, Għawdex u dan meta ngħataw permessi għal diversi attivitajiet kummerċjali fl-istess akkwati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma toħroġx permessi għal ħwienet li jbiegħu souvernirs, iżda hija konsultata mill-Awtorità tal-Ipjannar fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp bħal ħafna stakeholders oħra.
Leg 13 PQ #5750 Sitting 174 2018-11-28 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – għajnuna lil stabbiliment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fondi, sponsorships jew għajnuna mod ieħor, li l-Ministeru tiegħu, inkluż il-Malta Tourism Authority, tat l-istabbilimenti li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-2013 ‘l hawn, maqsuma sena b’sena?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħti support lil diversi attivitajiet skont il-kriterji stabbiliti minnha. L-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali u għaldaqstant ma tistax tingħata.
Leg 13 PQ #6393 Sitting 174 2018-11-28 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Chairman tal-Airmalta – salarji, perkaċċi u pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu s-salarju, il-perkaċċi u l-pakkett finanzjarju taċ-Chairman tal-Airmalta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Air Malta hija kumpanija kummerċjali u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.
Leg 13 PQ #7928 Sitting 174 2018-11-28 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet għajnuna l-Air Malta mill-Awtorità għat-Turiżmu fis-snin 2015, 2016, 2017 u 2018 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu ma tassistix lill-Air Malta.
Leg 13 PQ #7929 Sitting 174 2018-11-28 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Bajja tal-Balluta – Sand replenishing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proġett tas-sand replenishing fil-Bajja tal-Balluta? Jista’ jgħid jekk kellux pariri kontra li jsir dan is-sand replenishing fil-Bajja tal-Balluta u minn min?

Response (MIZZI, KONRAD)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7073, ninfurmah li le l-Awtorità ma kellhiex pariri formali li kienu kontra li jsir dan is-sand replenishment.