Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spiżeriji — Ġranet ta’ ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li f’pajjiżna huma verament ftit biss il-farmaċiji li jiftħu nhar ta’ Ħadd u saħansitra għal ftit ħin biss? Jista’ jgħid ukoll jekk jaħsibx li fis-sena 2025 il-poplu għandu jkollu servizz ta’ farmaċija kuljum, irrispettivament jekk hux il-Ħadd jew festa pubblika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li r-regolamenti dwar il-ftuħ tal-ispiżeriji (S.L. 458.28) jistupulaw li fil-Ħdud u festi pubbliċi, għandu jkun hemm roster ta’ spiżeriji li jiftħu. Skond l-istess regolamenti, spiżeriji jistgħu jibqgħu miftuħa għall-ħinijiet itwal. Il-providimenti ta’ dawn ir-regolamenti msemmija ma japplikawx għall-ispiżerija fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.

Settur tas-Saħħa — Ħaddiema ma’ kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-ħaddiema li huma minn pajjiżi terzi u li qed jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa, huma ħaddiema ma’ kuntrattur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fil-kuntratti, jissemma’ in-numru ta’ sigħat meħtieġa u mhux kemm hemm bżonn ħaddiema. Għaldaqstant, in-numru ta’ ħaddiema jista’ jvarja skont is-sigħat kull ħaddiem ikun qed jaħdem.

Settur tas-Saħħa — Ħaddiema minn pajjiżi terzi direttament ingaġġati mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid (f’numri u persentaġġi) kemm hemm ħaddiema minn pajjiżi terzi rġiel, nisa jew ta’ ġeneru ieħor li qed jaħdmu fis-servizz tas-saħħa pubblika f’Malta u li huma direttament ingaġġati mal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 675 ħaddiem minn pajjiżi terzi ingaġġati direttament mal-gvern, li minnhom hemm 441 mara u 234 raġel.

Settur tas-Saħħa — Ħaddiema minn pajjiżi terzi direttament ingaġġati mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid (f’numri u persentaġġi) minn liema pajjiżi ġejjin il-persuni minn pajjiżi terzi li qed jaħdmu fis-servizz tas-saħħa pubblika f’Malta u li huma direttament ingaġġati mal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23609 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 2 entitajiet taħt id-dekasteru tal- Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva li nħarġitilhom card. Il-ħruġ ta’ card jsir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.

Occupational Therapists, Physiotherapists, Speech & Language Therapists, Podiatrists u Radiographers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20361 u jgħid kemm hemm Occupational Therapists, Physiotherapists, Speech & Language Therapists, Podiatrists u Radiographers u kif inhuma mqassmin fis-servizz tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 95 Terapista Okkupazzjonali, 290 Fiżjoterapista, 131 Terapista tad-Diskors u l-Lingwa, 63 Podoloġista u 218 Radjografu.

Persuni b’diżabilità — Djar residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma d-djar residenzjali li huma speċifikament għal persuni anzjani b’diżabilità?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-dħul fid-djar residenzjali tal-anzjani ma jiġix limitat abbażi ta’ diżabilità, iżda l-evalwazzjoni ssir skont il-bżonnijiet mediċi speċifiċi ta’ kull individwu. Dan il-proċess isir sabiex tiġi identifikata d-dar tal-anzjani l-aktar adatta li tista’ toffri l-kura u l-appoġġ meħtieġa b’mod effettiv, skont il-ħtiġijiet tal-persuna. Barra minn hekk, d-djar residenzjali għall-anzjani huma kollha aċċessibbli, u l-kundizzjoni tal-persuna, tiġi indirizzata skont il-pjan ta’ kura personalizzat, li jiġi vvalutat kemm fil-mument tal-applikazzjoni kif ukoll meta jkun hemm tibdil fl-istat ta’ saħħa.

National Diabetes Strategy, 2024-2030

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-National Diabetes Strategy, 2024-2030 li rrefera għaliha l-Gvern fil-Baġit li għadda?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istrateġija nazzjonali dwar id-Dijabete 2025-2030 mistennija tkun ippreżentata għall-konsultazzjoni pubblika aktar tard din is-sena.

CT Scan — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija biex jagħmlu CT Scan, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Ġunju, b’kollox saru 30,480 CT Scan. Minn dawn, 2,961 saru fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u 27,519 saru fl-Isptar Mater Dei.

Operazzjoni ta’ kirurġija plastika — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni relatata ma’ kirurġija plastika sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 169 pazjent li ilhom jistennew intervent fil-kirurġija plastika u ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm diversi raġunijiet għala dan jiġri. Inserraħ ras kulħadd li kull każ urġenti jsir fl-iqsar żmien possibbli.

Kura tas-saħħa bla ħlas — Persuni minn pajjiżi terzi - Kontijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni minn pajjiżi terzi li għandhom kontijiet pendenti relatati mas-servizzi tas-saħħa, li huma dwar servizzi li ngħataw mill-Isptar Mater Dei, mis-SAMOC jew mill-Isptar Mount Carmel u jaqsam din l-istatistika skont l-isptarijiet imsemmija?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għar-rigward tal-Isptar Mater Dei u SAMOC jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27318. Għar-rigward tal-Isptar Monte Carmeli ninsab infurmat li hemm 30 kont pendenti.

Persuni minn pajjiżi terzi — Kura tas-saħħa ma’ assikurazzjoni privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’jiġri jekk persuna minn pajjiż terz irċeviet jew qed tirċievi kura tas-saħħa ma’ assikurazzjoni privata, u m’għandhiex mezzi biex tħallas għall-kura li qed tirċievi jew irċeviet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-ebda ħin l-Isptar Mater Dei ma jinnega trattament li huwa meqjus ta' emerġenza lil kwalunkwe pazjent. It-trattament jingħata sħiħ sakemm il-pazjent ikun meqjus medikament imfejjaq. Wara, jiġi rriservat id-dritt li l-ħlas tas-servizz jinġabar, għalkemm dan isir wara li tittieħed inkonsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

Persuni minn pajjiżi terzi — Kura tas-saħħa speċjalizzata barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’jiġri f’ċirkustanzi fejn persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi li mhumiex koperti b’assikurazzjoni tas-saħħa u li m’humiex intitolati għal kura tas-saħħa bla ħlas, ikollhom bżonn kura speċjalizzata barra minn Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi u li jgħixu legalment f’Malta huma intitolati għal kura tas-saħħa bla ħlas, kif wkoll għal kura speċjalizzata barra minn Malta.

Persuni minn pajjiżi terzi — Kura tas-saħħa speċjalizzata barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti minn pajjiżi terzi li kellhom bżonn kura speċjalizzata barra minn xtutna u li mhumiex koperti b’assikurazzjoni tas-saħħa u ma kenux intitolati għall-kura bla ħlas?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sal-lum ma kellniex pazjenti minn pajjiżi terzi li kellhom bżonn kura speċjalizzata barra minn xtutna u ma kienux intitolati għal kura bla ħlas.

Persuni minn pajjiżi terzi — Kura tas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ċirkustanzi fejn persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi li mhumiex koperti b’assikurazzjoni tas-saħħa u li mhumiex intitolati għal kura tas-saħħa b’xejn, ingħataw inqas kura, kura inferjuri jew saħansitra ma ngħatawx il-kura meħtieġa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27322.

Settur tas-Saħħa — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema rġiel, nisa jew ta’ ġeneru ieħor li qed jaħdmu fis-servizz tas-saħħa pubblika f’Malta u f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 5971 mara u 3838 raġel li qed jaħdmu fis-servizz tas-saħħa pubblika f’Malta u f’Għawdex.

MRI – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija biex jagħmlu MRI sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-10 ta’ Ġunju, b’kollox saru 24,106 MRI. Minn dawn, 3,695 saru fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex; 16,535 saru fl-Isptar Mater Dei; 929 saru f’Paola Hub u 2,947 ġew outsourced.

Operazzjoni ta’ knee replacement — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni ta’ knee replacement sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li minn Lulju ’l hawn bdew isiru extra sessions għall-knee replacements. Apparti dawk li normalment isiru fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali t’ Għawdex, extra sessions qed isiru kull nhar ta’ Ħamis u kull nhar ta’ Ħadd fi sptar privat u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Filwaqt li f’Marzu li għandu infurmajt lill-Kamra li kien hemm 1,249 pazjent li qed jistennew total knee replacement, dan l-ammont niżel għal 1,054 li ilhom jistennew aktar minn dak stipulate fic-Charter tal-Pazjenti. Ikun hemm ħafna raġunijiet għala din l-istennija tkun daqshekk twila. Nassigura lill-Onor. Interpellant li f’każijiet ta’ urġenza tittieħed azzjoni immedjata.

Operazzjoni ta’ hip replacement — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni ta’ hip replacement sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 296 pazjent li qed jistennew l-operazzjoni ta’ hip replacement u ilhom aktar minn dak stipulate fiċ-Charter tal-Pazjenti. Ikun hemm ħafna raġunijiet għala din l-istennija tkun daqshekk twila. Nassigura lill-Onor. Interpellant li f’każijiet ta’ urġenza tittieħed azzjoni immedjata.