Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol ta' tranġar ta' soqfa u ħitan fil-binja fi Triq l-Argotti kantuniera ma' Triq l-Iljun, il-Furjana? Jidhrilha l-Awtorità tad-Djar li għandha żżomm ma' deċizjonijiet li ttieħdu qabel, partikolarment minħabba l-inkonvenjenza li għaddew minnha l-ġirien għal tant snin u li dawn jingħataw preferenza flimkien mal-kerrejja ġodda fil-kiri ta' garaxxijiet? Kemm hu stmat li sewa dan il-proġett sena b'sena u x'inhi l-istima għal li ġej? Xi prekawzjonijiet ħadet l-Awtorità tad-Djar biex 'il quddiem ma jerġax ikun hemm sitwazzjoni fejn il-kwalità ta' xogħol ta' kuntrattur u/jew il-materjal li juża ma jkunux ta' kwalità mhux skond standards stabbiliti?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li x-xogħol strutturali fuq il-bini imsemmi inbeda 3 xhur ilu u skond it-termini tal-kuntratt għandu jitlesta f'Novembru li ġej. Dwar il-kiri ta' garaxijiet, l-Awtorità timxi dejjem mal-policy li toħroġ dawn il-garaxxijiet b'offerta bi dritt ta' l-ewwel rifjut għal applikanti li jgħixu l-aktar qrib tal-garaxx. In-nefqa tal-Awtorità fuq il-kostruzzjoni ta dan il-proġett s'issa kienet €1,200,000 filwaqt li x-xogħol li fadal, li jinkludi l-finishes ta’ 37 appartament u 33 garaxx kif ukoll it-tlestija tal-blokk minn barra, hu stmat li ser jiswa € 1,130,000. L-Awtorità ħadet ħsieb li l-kundizzjonijiet fil-kuntratti ta' xogħlijieti ikunu aktar riġidi in kwantu ta' kwalità u testing ta' materjal kif ukoll applikazzjoni ta' multi f'każ ta' nuqqas ta' konformita' min-naħa tal-kuntrattur.
Belt Valletta — Triq il-Merkanti - xogħol fuq bini
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol ta' bini fi Triq il-Merkanti, il-Belt? Meta kien inbeda dan ix-xogħol? Tista' l-awtorità tesiġi li l-kuntratturi ma jitlajjawx daqshekk biex isiru x-xogħlijiet fl-ibliet?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm ix-xogħol fuq ir-riabilitazzjoni tal-blokk fi Triq il-Merkanti l-Belt kellu jitlesta aktar kmieni din is-sena, għad baqa’ xi ftit xogħol pendenti qabel mal-postijiet ikunu lesti biex jitqassmu. Diġà saru u qed isiru sforzi min-naħa tal-Awtorità tad-Djar biex tippressa lill-kuntrattur ilesti l-aħħar ftit xogħlijiet mil-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jitlesta x-xogħol fil-fond tal-gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ tibdil ta’ soqfa fl-appartament imsemmi kien tlesta madwar tliet ġimgħat ilu. Dwar ix-xogħol pendenti, li jikkonsisti f’expansion joints fil-kontrabejt, il-kuntrattur għandu jlestihom din il-ġimgħa minħabba li dawn ma setax jgħamilhom qabel għaliex l-inkwilina kienet imsiefra.
Infant Mortality Rate u death rate post-haemorrhagic stroke
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi din l-istatistika għas-sena 2008:
a) IMR -
Infant Mortality Rate
(
per thousand live births
)
b) Kemm mietu persuni b'puplesija minħabba emoraġija (
death rate post-haemorrhagic stroke
)?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-numru ta’ mwiet ta’trabi taħt is-sena irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-Imwiet matul is-sena 2008 huwa ta’ 34 mewt jiġifieri 8.1 mewt kull elf twelid ħaj. In-numru ta’ nies li mietu b’puplesija minħabba emoraġija matul is-sena 2008 huwa ta’ 45 mewt jiġifieri rata ta’ 10.9 kull 100,000 persuna (crude rate). Tajjeb wieħed jinnota li jkun hemm numru ta’mwiet minn puplesija fejn mhiex speċifikata jekk il-kawsa kienitx emoraġija jew trombosi. L-imwiet matul 2008 minn tipi differenti ta’ mard taċ-ċirkulazzjoni tal-moħħ kien hekk :-
Cause of death
ICD-10 code
Number of deaths
Subarachnoid haemorrhage
I60
5
Intracerebral haemorrhage
I61
43
Other non traumatic intracranial haemorrhage
I62
2
Cerebral infarction
I63
35
Stroke, not specified as haemorrhage or infarction
I64
208
Other cerebrovascular diseases
I67
17
Sequelae of cerebrovascular disease
I69
11
Jista' l-Ministru jgħid kif l-armla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, irċeviet żieda fil-kera tal-appartament tagħha ta' aktar minn €48 fis-sena meta ma kenitx infurmata mill-Awtorità tad-Djar b'din iż-żieda jew ir-reviżjoni li saret?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna din is-sena kellha r-reviżjoni tal-kera tagħha li issir kull sentejn. Din il-perusna intalbet tissottometti dokument tad-dħul tagħha u wara li l-Awtorità tad-Djar irċeviet id-dokumenti neċessarji rriżulta li fuq id-dħul tal-persuna in kwestjoni hi tingħata sussidju ta’ 70 fil-mija fuq il-kera. Il-persuna kkonċernata ġiet mgħarrfa b’ittra fit-28 ta’ Mejju 2009 fejn infurmajniha li kellha tibdil fl-ammont tal-ħlas tal-kera.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li hemm ordni ta' żgumbrament min-naħa tal-Awtorità tad-Djar u dawn m'għandhomx post fejn imorru jgħixu?
Jista' jgħid fiex wasal il-każ ta' din il-familja li ilha titlob akkomodazzjoni alternattiva sa mill-1990?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li qegħda ssir referenza għaliha kienet tgħix ma' ommha (sharing) ġewwa post l-iMsida. Dan il-post jagħmel parti mill-proġett ta’ Slum Clearance ġewwa l-Imsida. Omm il-persuna indikata kienet il-kerreja konoxxuta tal-fond u għalhekk ingħatat post ġdid ġewwa l-Imsida stess, skond il-Policy ta’ l-Awtorità tad-Djar. Il-persuna indikata ma kenetx intitolata għall-post peress li hija ma kenetx il-kerrejja konoxxuta għalhekk intalbet toħroġ mill-istess fond ġewwa l-iMsida u tirritorna ċ-ċwievet ta’ dan il-post lill-Awtorità tad-Djar. Hija ħarġet volontarjament minn dan il-post u marret tgħix ma’ oħtha fl-Imsida stess. Jidher li wara ċertu żmien hija reġgħet marret fil-post l-ieħor. Għal l-Awtorità tad-Djar din il-persuna mhiex evictee u għalhekk ma tistax tingħata post alternattiv jekk tibqa’ tinsisti li qedgħa tgħix f'dan il-post għaliex dan il-post suppost huwa vakant għaliex l-inkwilina (ommha) ingħatat post alternattiv.
Informat ukoll li din il-perusna tidher li qedgħa tgħix l-iMsida fil-post fejn hemm oħtha, fl-applikazzjoni tagħha. L-applikazzjoni qedgħa preżentament magħluqa peress li nstab li mhiex qedgħa tgħix fil-post indikat fl-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex diversi persuni li rrikorrew għand il-customer care tal-Awtorità tad-Djar dwar is-sussidji tal-kera għadhom qed ikunu nformati li din qed titħallas kull sitt xhur mhux skond il-ftehim milħuq bejn is-sid u l-inkwilin?
Jista' jgħid kif meta persuni rreferew it-tweġibiet li ngħataw minnu fil-mistosijiet parlamentari li saru fuq dan is-suġġett ġew infurmati mill-customer care li ma kenux jafu b'din id-deċiżjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar terġa tikkonferma li il-ħlas tas-sussidju fuq il-kera qed jitħallas skond il-ftehim li hemm bejn l-inkwilin u s-sid. L-Awtorità reġgħet ikkomunikat internament mal-customer care din id-deċiżjoni biex tassigura li jkun hemm ċarezza fil-kommunikazzjoni.
Billi ċerti mediċini, fosthom l-Amlodipine u Lisinopril fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex huma out of stock, jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa' jkun hemm stock tagħhom fl-ispiżerija ta' l-isptar?
Kemm ilhom out of stock dawn iż-żewġ mediċini li jingħataw lil min ibati bi pressjoni għolja tad-demm u meta se jerġa' jkun hemm minnhom?
Jikkonsidra l-Ministru li fir-rigward ta' min hu intitolat għal dawn il-pilloli u oħrajn li ilhom out of stock għal żmien twil, l-awtoritajiet ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għandhom jixtru l-mediċina out of stock minn spiżeriji privati u jissuplixxuhom lil min hu intitolat għalihom?
Meta se tidħol is-sistema tal-Ispiżjar tal-Għazla Tiegħek f'Ghawdex biex il-pubbliku Għawdxi jkun moqdi aħjar u ma jħabbatx wiċċu iktar ma' problemi li ċerti medicini fl-isptar ikunu out of stock?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Care workers u part-time social assistants — Dipartiment tas-Saħħa
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9945 u 9788 u jgħid kemm hemm postijiet ta' care workers vakanti mal-Gvern fid-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm hemm part-time social assistants li qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol minflokhom, u dan b'paga ta' part-timers? Jista' jikkonferma li dan qed isir kemm fir-residenza ta' San Vinċenz de Paule kif ukoll f'għadd ta' djar tal-anzjani tal-gvern? Huwa minnu li meta jkun hemm care workers u part-time social assistants bi leave jew sick leave qed jiġi ingaġġat wkoll kuntrattur/i privat? Jista' jinvestiga u jiċħad u/jew jikkonferma rapporti li waslu li d-Dipartiment qed jippermetti kemm care workers kif ukoll part-time social assistants li jaħdmu 24 siegħa jew f'ċerti kazi anki 36 siegħa bla waqfien u biex ma jidhrux li qegħdin jaħdmu dawn is-sigħat twal f'dan il-mod qegħdin ibiddlu l-post fejn dawn jaħdmu, daqqa fir-residenza ta' San Vinċenz de Paule u daqqa f' Mount Carmel u daqqa fid-djar tal-Gvern għall-anzjani?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha sal-lum minghajr Children's Allowance?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm li jħaffef il-proċess tal-persuna li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, li hija single parent bi problemi ta' żewġt itfal ta' tmienja u erba' snin rispettivament tal-applikazzjoni tagħha sabiex tingħata akkomodazzjoni soċjali?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna in kwestjoni qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa għalkemm fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m’għandhiex postijiet addattati għal din il-familja fil-lokalità ppreferuta minn din l-applikanta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8780 u jgħid jekk teżistix statistika fuq dawn l-aħħar 20 sena ta’ kemm żdied il-mard respiratorju u t-tipi ta' cancer fin-naħa ta' isfel ta' Malta b’riferenza speċifika għal Marsaxlokk, Birżebbuġa, Żurrieq u Żejtun? Jista' jagħti din l-informazzjoni u informazzjoni oħra relevanti għal dawn il-każi?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li matul is-snin ma kien hemm l-ebda xejra ‘il fuq jew ‘l isfel ta’ inċidenza ta’ kanċer tal-pulmun jew mwiet minn mard respiratorju kroniku. Meta tikkompara r-rati ta’ mwiet respiratorju bejn l-erba’ rħula u r-rata nazzjonali, r-rata f’Marsaxlokk u Birżebbuġia kienet inqas mir-rata nazzjonali, u ir-rata fiż-Żurrieq u ż-Żejtun kienet simili għar-rata nazzjonali.
Ninsab informat ukoll li meta tikkompara l-inċidenza ta’ kanċer fil-pulmun, iż-Żejtun kellha rata għola minn dik nazzjonali. Ir-rata fl-irħula l-oħrajn kienet simili għal dik nazzjonali. L-aktar fattur importanti li hu magħruf li hu relatat mal-kanċer fil-pulmun u mard respiratorju kroniku huwa it-tipjip.
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Persuni b'diżabilità — sussidju fuq trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuni b'diżabilità ma jingħatawx sussidju fuq it-trasport pubbliku, bħalma jingħata lill-anzjani? Huwa ppjanat li dan jingħata? Jekk iva, meta?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel l-Awtorità tad-Djar dwar il-każ ta' familja b'żewġt itfal li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li l-unika dħul li għandhom huwa ta' €113.69 fil-ġimgħa u li għandhom kera ta' €279 fix-xahar u li hija ssussidjata b'€270.47 kull sitt xhur, biex tingħata akkommodazzjoni soċjali u dan għaliex prattikament qed jgħixu fil-faqar? Din mhix familja fejn il-ġenituri ma jridux jaħdmu, anzi l-ġenituri xebgħu jħabbtu l-bibien biex isibu opportunità ta' xogħol, iżda sfortunatament ma jirnexxilhomx.
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni in kwestjoni fil-ġimgħat li għaddew ġew offruti post ġdid fjamant ġewwa l-Imġarr però s’issa l-Awtorità tad-Djar qed tistenna risposta mingħandhom jew aċċettawhx jew le.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — Training Aid Framework
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
a) Meta tnediet l-iskema
Training Aid Framework
mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?
b) Kemm huwa n-numru ta’
staff
li bħalissa qed imexxi din l-iskema ?
ċ) Għad jonqos iktar nies li jridu jiġu impjegati biex jintlaħaq il-
full complement
?
d) Kemm intlaqgħu b’kollox applikazzjonijiet taħt din l-iskeda?
e) Jikkonferma li biex applikazzjoni tkun meqjusa bħala valida trid tkun ippreżentata mill-inqas tliet ġimgħat qabel ma jibda t-taħriġ?
f) Kien hemm applikazzjonijiet li minkejja li ma ġewx ipprezentati mill-inqas tliet ġimgħat qabel ma beda t-taħriġ, xorta waħda kienu aċċettati ?
g) Kemm-il applikazzjoni ġiet approvata?
ġ) Kemm saru ħlasijiet s’issa taħt din l-iskema?
h) Jikkonferma li sal-lum l-applikazzjonijiet qed jiġu pproċessati b’mod manwali u mhux b'mod kompjuterizzat ?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (KXT) nediet l-iskema Training Aid Framework fl-20 ta’ Frar 2009. Bħalissa, hemm ħames persuni jaħdmu fuq din l-iskema u m’hemmx il-ħsieb li jiġu ngaġġati aktar impjegati. Sal-5 t’Awwissu 2009, intlaqgħu erba’ mija u ħamsin applikazzjoni. Il-KXT tikkonferma li l-Linji Gwida ta’ l-Iskema jgħidu li applikazzjonijiet taħt it-Training Aid Framework iridu jiġu sottomessi mhux aktar tard minn tliet ġimgħat qabel ma jibda t-taħriġ. Filwaqt li l-ETC ġieli rċeviet applikazzjonijiet inqas minn tliet ġimgħat qabel ma kellu jibda t-taħriġ ikkonċernat, l-ebda waħda minn dawn l-applikazzjonijiet ma ġiet approvata mill-ETC u għalhekk dan it-taħriġ mhux ser jiġi ssussidjat taħt it-Training Aid Framework. Sa l-5 t’Awwissu, sittin applikazzjoni ġew approvati, u s’issa ma sar l-ebda ħlas għax il-proċess għadu għaddej. Il-proċess fih żewg stadji: l-azjenda tapplika għal għotja ta’ taħriġ taħt l-iskema qabel ma jsir it-taħriġ. Jekk l-applikazzjoni tiġi approvata, u t-taħriġ isir, imbagħad jibda l-ipproċessar tal-ħlas dovut. Il-KXT tikkonferma li sal-lum, is-software għal din l-iskema qiegħed jiġi ttestjat (quality assuranċe stage) u għalhekk l-ipproċessar qed ikun manwali.
Jista' l-Ministru jara li l-kera tal-fond tal-Gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, torħos minħabba li din il-famlija tgħix bir-relief u m'għandhiex il-mezzi finanzjarji biex tħallasha?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni li għalihom qegħda ssir referenza ġew mitluba sabiex jipproduċu d-dokumenti neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi kkalkulat is-sussidju fuq il-kera. Din il-familja tiġi nfurmata kemm huwa l-ammont ġdid tal-kera ssussidjata meta jtuna il-dokumenti mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir spezzjoni fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li fih tgħix persuna b'diżabilità?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuni in kwestjoni ġiet ikkanċellata fit-23/07/2009 peress li d-dħul tagħhom jeċċedi l-massimu tad-dħul biex ikunu jistgħu japplikaw għall-post alternattiv
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir l-ispezzjoni fil-fond tal-Gvern li dettalji dwaru qed jinbagħtu separatament, wara li din il-familja għamlet applikazzjoni fl-2003 biex tieħu post tal-Gvern?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuni in kwestjoni ġiet ikkanċellata peress li d-dħul tagħhom jeċċedi l-massimu tad-dħul biex ikunu jistgħu japplikaw għall-post alternattiv u għalhekk jistgħu faċilment jikru mis-settur privat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9137, jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni minn perit qabel ma jgħid li ma jidhirx li hemm każ ta' soqfa perikoluzi?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif tista’ tikkonfirma l-inkwilina stess, kienet saret spezzjoni minn Perit tal-Awtorità f’Marzu 2009 inkonnessjoni ma' għajnuna li ngħatat biex tinbidel il-kamra tal-banju, fejn ma jidhirx li qamet il-kwistjoni tas-saqaf perikoluż. Madanakollu, l-Awtorità se terġa tibgħat Perit biex jagħmel spezzjoni oħra.
persuni li jirċievu xi forma ta' benefiċċju jew għajnuna soċjali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9313 u jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin (2004, 2005, 2006, 2007 u 2008) x'kien in-numru ta' persuni li kienu jirċievu xi forma ta' benefiċċju jew għajnuna soċjali, allowances, eċċ. kull sena u x'kienu l-benefiċċji, għajnuna soċjali, allowances, eċċ. li kienu jirċievu?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.