Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sewqan taħt l-effett tal-marijuana

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24561, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kemm persuni nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-marijuana mill-1 ta’ Diċembru 2024 sa Jannar 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Diċembru 2024 sas-6 ta' Jannar 2025 kien hemm dsatax (19)-il persuna li nqabdu jsuqu taħt l-effett tax-xorb alkoħoliku u nfurmat li ma kienx hemm persuni li nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-marjuana.

Nawfraġju traġiku — Persuni evakwati

Question

B'referenza għan-nawfraġju traġiku li sar ftit 'il barra minn xtutna fl-aħħar ġranet ta’ Jannar 2025 fejn għadd ta' tfal u nies mietu, jista' l-Ministru jgħid: i. kemm-il persuna ġiet evakwata (airlifted) lejn Malta; ii. x’kienu l-etajiet ta' dawn il-persuni; iii. jekk hemmx familji fosthom; iv. minn fejn qed jgħidu li ġejjin (claimed nationalities); u v. x’sar minnhom? Jista' jgħid ukoll jekk waqt dan il-proċess infirdux xi familji u x’sar minnhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-26 ta’ Jannar il-Forzi Armati ta’ Malta evakwaw żewġ persuni bl-ajru minn fuq vapur li kien jinsab mili 'l barra minn Lampedusa wara li talab l-għajnuna għal dawn il-persuni minħabba l-kundizzjoni medika. Dawk evakwati kienu allegatament ċittadini Niġerjani , mara ta’ erbgħa u tletin sena u raġel ta’ 28 sena. Infurmat li wara li ingħataw il-kura medika li kien hemm bżonn, Il-persuna femminili qiegħda fil-kustodja tal-Aġenzija għal Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, filwaqt li l-persuna l-oħra ġie riferut lill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni.

Nawfraġju tas-27 ta’ Jannar 2025 — Malta RCC - Call logs ta’ telefonati

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi kopja tal-call logs ta' telefonati li saru ma' Malta RCC relatati man-nawfraġju li seħħ fis-27 ta' Jannar 2025 fl-ibħra barra mix-xtut ta’ Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9996.

Ħaż-Żabbar — Inċident li sar fuq il-Monti

Question

Wara l-inċident li seħħ fuq il-Monti ta’ Ħaż-Żabbar f’Diċembru li għadda, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu iktar milli kien hemm sa dakinhar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-pulizija żiedu r-rondi fil-ħinijiet li fihom jarma s-suq u nħarġu taħrikiet lil sidien ta’ vetturi li ma kinux qed isegwu d-direzzjonijiet tat-traffiku. Infurmat ukoll li hemm diskussjonijiet anke mal-Kunsill Lokali bil-għan li jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiżdied is-sigurtà b'mod permanenti.

Cyber bullying — Każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti fuq każijiet ta’ cyber bullying f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena u liema età kienu jinvolvu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-2022 idaħħlet il-kategorija ta’ theddid u vjolenza privata ċibernetika fejn fost reati oħra ġie elenkat ir-reat ta’ fastidju online. It-tagħrif hu kif jidher fit-tabella. Reat ċibernetiku ta’ fastidju online SenaAmmont 202253 202347 202424

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuni li ħarġu mill-Faċilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu persuni mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) fl-2023, fl-2024 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ma kellhomx dar fejn imorru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li mill- 1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023 ġew reġistrati 713-il rilaxx. Mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024 ġew reġistrati 931-il rilaxx. Mill- 1 ta’ Jannar 2025 sat-3 ta’ Frar 2025 ġew reġistrati 87-il rilaxx. Infurmat li l-aġenzija għas-Servizzi Korrettivi taħdem ma’ organizzazzjonijiet varji, fosthom Mid-Dlam għad-Dawl, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Dar Papa Franġisku, Dar Maria Dolores, YMCA, Dar Emmaus, FSWS u AWAS sabiex jiġu akkomodati l-persuni kollha fil-bżonn

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuni li ħarġu mill-Faċilità - Appoġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tappoġġja lill-persuni, kemm ċittadini Maltin kif ukoll barranin, qabel ma joħorġu mill-Faċilità? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' tħejjija tingħatalhom b'mod ġenerali, u speċifikament fir-rigward tal-akkomodazzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li kull persuna li tkun qiegħda fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, kemm fuq sentenza jew arrest, ikollha pjan ta’ kura, sakemm il-persuna nnifisha ma tirrifjutax tali sapport, f’liema każ xorta jinżamm kuntatt mal-priġunier/a. Dan is-sapport, jingħata primarjament minn professjonisti fit-taqsima ta’ Kura, Rintegrazzjoni u Edukazzjoni (CREU- Care, Reintegration and Education Unit) u minn professjonisti u Uffiċjala Korrettivi inkarigati minn oqsma varji ġewwa l-ħabs sabiex b’hekk il-priġuniera jkollhom pjan ħolistiku. Ninsab infurmat li mad-dħul ta’ persuna ġewwa l-ħabs, isir assessjar minn tobba, ħaddiema soċjali u psikologi, fejn jiġu identifikati l-bżonnijiet u r-riskji li l-persuna tidħol bihom. Il-komunikazzjoni, assessjar u interventi mal-priġuniera jibqgħu fis-seħħ sad-data tar-rilaxx mill-Faċilita’, jistgħu jinbidlu skont il-bżonn jew sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu u li ma jkunux fil-kontroll tal-priġuniera jew professjonisti li jkunu qed jaħdmu magħhom. Dan kollu huwa proċess kontinwu li jkun rivedut matul iż-żmien li persuna tkun fil-ħabs, b’mod speċifiku fil-bidu u fl-aħħar sitt xhur mir-rilaxx jekk persuna tkun b’sentenza. Meta persuna tkun għadha taħt arrest, l-interventi jsiru skont il-bżonn u mhux skont il-perjodu li persuna ser tkun il-ħabs peress li tali perjodu mhuwiex stipulat u jista’ jingħata l-liberta’ proviżorja mill-Qrati. Il-perjodu ta’ riferimenti lejn servizzi fil-komunita’ huwa dipendenti wkoll mill-kriterji u diskussjonijiet ma’ tali servizzi skont il-proċeduri ta’ min joffrihom. Is-servizzi kollha u oħrajn, imsemmija hawn isfel, jattendu ġewwa l-ħabs b’mod regolari u skont il-bżonn. Servizzi bħal ma huma l-Awtorita’ tad-Djar, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali; is-Sigurta’ Soċjali u Identita’ Malta jattendu minn ta’ l-inqas darba fix-xahar sabiex il-priġuniera jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ rappreżentanti minn tali entitajiet u jissotomettu mistoqsijiet li jkollhom bżonn. Servizzi oħra bħal ma huma Sedqa u Caritas iżommu kuntatt mal-priġuniera u l-professjonisti kemm b’sessjonijiet ġewwa l-ħabs, laqgħat onlajn jew bit-telefown u permezz ta’ programmi residenzjali. Servizzi tal-familji u tfal jattendu skont il-bżonn u ma hemmx limitu ta’ kemm-il darba jsir kuntatt mal-professjonisti inkarigati minn tali servizzi. Filwaqt li hemm lista twila ta’ inizjattivi li jittieħdu waqt li persuna tkun fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin, il-finalizzazzjoni tal-pjan tar-rilaxx ikun ibbażżat fuq dawn is-suġġetti: 1. Akkomodazzjoni 2. Dokumenti – karta ta’ l-identita jew stat ta’ protezzjoni (t-talba tkun saret qabel jew waqt li persuna tkun il-ħabs); liċenzji ta’ vetturi; passaporti 3. Xogħol - kuntatt u sessjonijiet mal- Jobsplus 4. Applikazzjonijiet mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jekk persuna ma tkunx sabet impjieg jew jekk persuna tkun penzjonanta jew ma tistax taħdem minħabba raġunijiet ta’ saħħa 5. Kuntatt ma’ Aġenziji fil-komunità (skont il-bżonn - jistgħu jkunu ġeneriċi jew speċjalizzati) 6. Ħwejjeġ 7. Appuntamenti mediċi fil-komunita’ u appuntamenti sabiex tinġabar mediċina 8. Trasport - arranġamenti sabiex persuna li tkun ħierġa mill-ħabs ikollha mezzi biex tasal id-dar jew fl-akkomodazzjoni misjuba mill-professjonisti tal- CREU bħal ma huma residenzi mhux governattivi għal persuni li m’għandhomx fejn joqgħodu 9. Finanzi - jekk persuna ma jkolliex flus, isiru arranġamenti sabiex ikollha ta’ l-inqas Tal-Linja Card sabiex tasal fl-akkomodazzjoni meħtieġa 10. Basktijiet jew bagalji sabiex persuna tkun tista’ ġġorr l-affarijiet tagħha meta toħroġ mill-ħabs 11. Kuntatt ma’ persuni ta’ sapport għall-priġuniera, sew jekk familja jew ħbieb li jistgħu joffru sapport u għajnuna ġenwina u li ma jkunux f’riskju tal-priġuniera 12. Kuntatt ma’ l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali; it-taqsima ta’ l-Immigrazzjoni tal-Pulizija kif ukoll entitajiet oħra li joffru sapport lil persuni barranin 13. Ktejjeb tar-rilaxx b’informazzjoni ġenerika u speċifika ta’ servizzi fil-komunita’ f’kull qasam Tintbagħat korrispondenza elettronika lill-professjonisti u servizzi nvoluti li ser ikunu qegħdin ikomplu l-ħidma mal-priġuniera sabiex il-pjan ta’ kura tal-priġuniera jitkompla fil-komunita’. Ta’ min isemmi wkoll numru ta’ servizzi oħra li huma aċċessibli għall-persuni li jkunu ħerġin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u dan bi sħab bejn il-Gvern u għaqdiet li jaħdmu fis-settur. Hawnhekk irid insemmi s-servizz ta’ after-care offrut mill-Fondazzjoni RiSe fejn eks-priġunieri jkunu jistgħu jfittxu għajnuna professjonali sabiex il-qabża lura fil-komunità tkun waħda mgħejuna. Teżisti wkoll għajnuna mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, fejn ukoll joffru assistenza lil dawk l-eks-priġunieri, fejn ġieli anke offrew post alternattiv fejn wieħed joqgħod kemm il-darba l-eks-priġunier ma jkollux fejn imur. Wieħed irid ifakkar ukoll li ż-żewġ għaqdiet inkiwtsjoni joffru wkoll programmi ta’ rijabilitazzjoni u reintegrazzjoni lura fis-soċjetà fl-aħħar sena jew 9 xhur tas-sentenza, fejn hemmhekk isegwu programm li jiggwidahom għat-triq ‘il quddiem. Il-gvern jinvesti ħafna ma’ dawn l-għaqdiet għax jemmen tabilħaqq li din l-għajnuna hija imprezzabli sabiex dak li jkun ma jerġax jaqa’ fiċ-ċirku tal-kriminalità.

Work Permits maħruġa lil Ċittadini Barranin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24918 u jgħid kemm inħarġu work permits lil ċittadini barranin u ta' pajjiżi terzi minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Korp tal-Pulizija — Riżenji ta’ spetturi u membri fi gradi ogħla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw spetturi jew membri fi gradi ogħla mill-Korp tal-Pulizija minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ uffiċjali fir-rank ta’ Spettur u ogħla li rriżenjaw mill-Korp tal-Pulizija kien ta’ tlieta.

Korp tal-Pulizija — Etajiet tal-Membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-età medja tal-membri tal-Korp tal-Pulizija u jagħti l-età f’termini ta’ mean, median u mode, u skont il-ġeneru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Membru fil-mistoqsija tagħha tinsab fit-tabella hawn taħt. Police Officers including recruitsMales & FemalesMalesFemales Average / Mean36.0736.335.4 Median35.003535 Mode35.002837

Attentati ta’ suwiċidji

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11994 u 12721 dwar attentati ta’ suwiċidji, jista’ l-Ministru jispjega d-diskrepanza fiċ-ċifri bejn iż-żewġ tweġibiet? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li ċ-ċifri ma jaqblux u jagħti ċifri definittivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi ċ-cifri li jirrigwardaw attentati ta’ suwiċidji kif indikati mill-Pulizija, huma dawk li jitniżżlu fis-sistema elettronika tal-Korp, sussegwentament għar-rapporti li jsiru fuq dawn l-inċidenti, meta jiġi rrapurtat jew il-Pulizija tiġi għal konjizzjoni tal-każ.

Santa Luċija — Gender-based u domestic violence hub tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li l-Gender-Based and Domestic Violence Hub tal-Pulizija sar f’Santa Luċija, post li mhux ċentrali u li għalih il-vittmi jkollhom jaqbdu żewġ karozzi tal-linja jekk ma jkunux isuqu? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ trasport jiġi pprovdut lill-vittmi u jekk il-vittmi jkunux infurmati li jistgħu jitwasslu bil-vetturi tal-pulizija? Huwa sigur li l-vittmi ta’ vjolenza jkollhom jistennew tal-linja wara li jlestu mill-assessment?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gender-Based and Domestic Violence hub li l-Korp tal-Pulizija issa għandu f’Santa Luċija huwa l-ewwel hub tax-xorta tiegħu f'Malta li fetaħ il-bibien tiegħu fis-sena 2024, wara li għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra specjali il-Gender based and domestic violence unit għall-ewwel darba lura fis-sena 2020 sabiex jagħti servizz aħjar u aktar speċjalizzat lil vittmi ta' vjolenza domestika. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif intqal kemm il-darba kemm f'dan il-Parlament u anke fil-media, l-Gender-Based and Domestic Violence hub li l-Korp tal-Pulizija issa għandu f’Santa Luċija mhux se tkun l-uniku waħda. Fil-fatt, filwaqt li bħalissa apparti dawk ta’ Santa Luċija, hemm timijiet minn din it-taqsima, li ma kinitx teżisti qabel introduċiha l-Korp tal-Pulizija taħt din l-amministrazzjoni, jaħdmu mid-depot tal-pulizija fil-Floriana, fiż-żmien li ġej se tinfetaħ hub oħra fl-Imtarfa. Dawn huma postijiet f’żoni relattivament kwieti, b’binjiet li sar xogħol fihom biex ikollhom il-faċilitajiet kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħtu appoġġ u l-privatezza meħtieġa lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Jien infurmat ukoll li jekk vittma ma jkolliex mezz ta’ trasport din tiġi akkumpanjata lejn il-hub, kif isir ukoll wara l-evalwazzjoni tal-każ, meta u jekk is-severità titlob hekk. Meta l-vittma tagħżel li tmur ġo xelter, din dejjem tiġi akkumpanjata minn uffiċjali li jservu fl-istess hub. Dan barra li kif inhu rifless b’mod ċar fil-proċeduri standard tal-operat, il-pulizija fid-distrett ukoll huma obbligati jakkumpanjaw u jipprovdu trasport lill-vittmi, għal hubs ta’ vjolenza domestika.

Għases tal-pulizija – Każijiet ta’ Vjolenza domestika — Linji gwida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-linji gwida li l-pulizija fl-għases jużaw fuq każijiet ta’ vjolenza domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2472. Qiegħed nerġa’ npoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra stqarrija li kienet ġiet ippubblikata mill-Korp tal-Pulizija dwar is-suġġett li tinkludi d-dettalji dwar il-Proċeduri Operattivi Standard li kienu ħarġu.

Ħal Luqa — TCNs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm Third Country Nationals reġistrati li qed jgħixu Ħal Luqa f'Ottubru 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Mill-informazzjoni mibgħuta jirriżulta li f’ Ottubru tas-sena 2024 kien hemm total ta’ 1,445 permessi ta’ residenza validi ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi reġistrati li qed jgħixu Ħal Luqa.

Ir-Rabat — TCNs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm Third Country Nationals reġistrati li qed jgħixu r-Rabat f'Ottubru 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li f’Ottubru tas-sena 2024 kien hemm total ta’ 824 permessi ta’ residenza validi ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi reġistrati li qed jgħixu r-Rabat Malta.

Ħad-Dingli — TCNs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm Third Country Nationals reġistrati li qed jgħixu Ħad-Dingli f'Ottubru 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li f’Ottubru tas-sena 2024 kien hemm total ta’ 109 permessi ta’ residenza validi ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi reġistrati li qed jgħixu Ħad-Dingli.

Għawdex — Maritime Squadron - Rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet ir-rilokazzjoni tal-Maritime Squadron ġewwa Għawdex għal post aktar adegwat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien ma’ dipartimenti oħra, għaddejja bl-ippjanar u l-proċessi meħtieġa ta’ permessi biex tinbena binja. Intant, se jitpoġġew numru ta’ mobile offices bil-faċilitajiet meħtieġa f’post viċin il-Gozo Channel, għal użu temporanju sakemm dan ix-xogħol isir. Infurmat li wkoll hemm skedat laqgħat mal-Awtorità kompetenti li għandha t-titlu tal-art.

Marsascala – rapporti ta’ delitti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità ta’ Marsaskala u kemm kienu marbuta ma’ serq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 f’Marsaskala kien hemm erba’ mija u tlieta u għoxrin (423) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom mija u ħdax (111) kienu każi ta’ serq, u erba’ każi (4) ta’ attentat ta serq.

Marsxlokk – rapporti ta’ delitti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti tul is-sena 2024 fil-lokalità ta’ Marsaxlokk u kemm kienu marbuta ma’ serq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2024 f’Marsaxlokk kien hemm mija u sebgħa u għoxrin (127) reat irrapurtat mal-pulizija, li minnhom tnejn u erbgħin (42) kienu każi ta’ serq, u każ (1) ta’ attentat ta’ serq.