Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ delitti reġistrati fl-Għassa tal-Fgura tul is-sena li għaddiet u kemm kien hemm rapporti ta’ serq fl-istess lokalità?
Response (CAMILLERI, BYRON)
‘Ninsab infurmat illi n-numru ta’ delitti li seħħew u ġew reġistrati mal-Pulizija għal-lokalità tal-Fgura fis-sena 2019 kien ta’ tliet mija u tmienja u tletin (338) każ. Minn dawn mija u sebgħa u ħamsin (157) kienu każijiet ta’ serq.’
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li permezz tagħha l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe ittra jew dokument li ntbagħtet minnu u/jew mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi bi tweġiba jew b'rabta mal-imsemmija riżenja?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra tar-riżenja tas-Sur Lawrence Cutajar.
Permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru ħabbar dakinhar stess li rċieva l-ittra li r-riżenja tas-Sur Cutajar kienet intlaqgħet u li l-Kabinett tal-Ministri kien se jiddiskuti proċess ġdid ta’ kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.
Dak li qal il-Prim Ministru kien ikkomunikat ukoll fi stqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni u li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll.
Minn dakinhar il-Gvern ħabbar ukoll il-proposta tiegħu għall-bidla fil-ħatra ta’ Kummissarju. Proposta, li kif jgħidu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, titlob li jkun hemm sejħa pubblika u li tinvolvi wkoll lill-Parlament fl-għażla, anke jekk il-Kummissjoni Venezja ma talbitx dan.
Il-Prim Ministru mhux se jkun qed iżomm lanqas id-dritt tal-Veto anke jekk il-Kummissjoni Venezja ssuġġeriet li jkollu dan id-dritt.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – ċelel li fihom aktar minn priġunier wieħed
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċelel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li bħalissa qed jinżammu fihom iktar minn priġunier wieħed?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bħalissa hemm madwar 200 ċella li qed jinżammu fihom iktar minn priġunier wieħed.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċelel fil-ħabs ta’ Kordin li fihom qed jinżammu aktar minn priġunier wieħed u jagħti d-daqs (f’metri kwadri) ta’ dawn iċ-ċelel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant hemm 200 ċella fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn fihom qed jinżammu aktar minn priġunier wieħed. Il-qisien taċ-celel huma 3 metri bi 3 metri u 3 metri b’2 metri u 2 pulzieri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metal barriers inxtraw għall-Korp tal-Pulizija, meta u kemm kienet in-nefqa? Jista' jgħid x’proċedura ntużat u minn min inxtraw?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema snin qed jirreferi.
Għawdex — Rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan l-AFM
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid fiex waslu t-taħdidiet bejn l-Forzi Armati ta’ Malta, Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Ministeru għal Għawdex għar-rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan l-AFM ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-imsemmija taħdidiet għadhom għaddejjin bil-għan li tinstab l-aħjar soluzzjoni għal kulhadd.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Bord tal-Gvernaturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx Bord tal-Gvernaturi għall-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jekk iva, min huma l-membri u meta ġew appuntati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Bord tal-Gvernaturi fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, illum l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, se jinħatar fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ delitti reġistrati fl-Għassa tal-Gudja tul is-sena li għaddiet u kemm kien hemm rapporti ta’ serq fl-istess lokalità?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ delitti li seħħew u ġew reġistrati fl-Għassa tal-Gudja fis-sena 2019 kien ta’ mitejn u ħdax (211)-il każ. Minn dawn mija u għaxra (110) kienu każijiet ta’ serq.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investiment infrastrutturali sar fil-Barracks tal-Forzi Armati fin-Nadur u f'postijiet oħra li għandha l-AFM ġewwa Għawdex matul is-sena 2019 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża xahar b'xahar u x’proġetti infrastrutturali hemm ippjanati minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena u matul is-sena 2020 fis-siti tal-Forzi Armati f'Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12277, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li prinċipalment sar xogħol ta' manutenzjoni matul il-perjodu msemmi. L-iktar xogħol sinifikanti kien il-bdil tal-mains tal-ilma, bidu tas-sostituzzjoni tal-fence tal-perimetru u x-xatba tal-bażi. L-ispejjeż xahar b'xahar huma kif ġej:
Frar €187.97
Marzu €426.84
April €149.00
Mejju €1,289.00
Ġunju €620.20
Lulju €1,458.70
Awwissu €1,091.50
Settembru €739.67
Ottubru €4,864.16
Novembru €1,888.54
Għas-sena 2020, minbarra xogħlijiet ta' manutenzjoni, huwa maħsub li tinbidel l-għamara, jitlesta l-fence tal-perimetru u jitkabar il-helipad.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — safar, fuel u hospitality - nefqa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12096, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f’kull Dipartiment, Awtorità jew fil-Ministeru stess minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality minn Jannar 2019 lil hawn hija kif tidher fit-tabella hawn taħt:
Dipartiment/Entità
Safar
Fuel
Hospitality
Pulizija
€322,603.00
€761,593.00
€7,931.00
Protezzjoni Ċivili
€48,461.75
€137,420.71
€977.32
AWAS
€2,309.30
€12097.30
€251.20
Correctional Services Agency
€12,045.00
€96,475.00
€7,546.00
AFM
€920,539.00
€1,656,913.00
€8,289.00
Probation & Parole
€4,087.08
€4,211.62
€198.00
Aviation Security
€5,311.00
€461.00
€0.00
Detention Services
€0.00
€16,610.00
€0.00
Refugee Commissioner
€42,259.00
€808.00
€670.00
Academy
€0.00
€1,806.00
€167.00
CIPD
€0.00
€741.00
€0.00
Malta Security Services
€90,963.00
€31,101.00
€12,939.00
Permanent Secretary
€87,445.00
€9,527.00
€1,039.00
Ministry
€57,111.00
€4,802.00
€57,520.00
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — impjieg lill-individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità li hija fid-dekasteru tiegħu tatx impjieg taħt kwalsiasi titlu (inkluż part-time, position of trust, temporanju eċċ) wara Jannar 2017 lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li reċentement ingħata Maħfra Presidenzjali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf illi ma ngħata ebda impjieg taħt kwalsiasi titlu (inkluż part-time, position of trust, temporanju eċċ) wara Jannar 2017 lill-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament u li reċentement ngħata Maħfra Presidenzjali, mill-ebda entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — sponsorships
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 12377, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — investigazzjoni fuq manipulazzjoni ta’ Wikipedia page
Question
Fid-dawl tal-fatt li l-IP Address li ntuża biex fit-3 u s-6 ta' Ottubru 2019 ġiet immanipulata l-Wikipedia page tar-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa Peter Omtzigt kien minn uffiċċju tal-Gvern, u li skont ir-regoli tad-Data Retention, tali informazzjoni tinżamm għal sitt xhur, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni? Jekk iva, minn liema uffiċċju saret din il-manipulazzjoni u x'passi ttieħdu? Jekk le, meta se ssir tali investigazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
‘Ninsab infurmat illi mill-istħarriġ li sar mill-Pulizija dwar il-każ inkwistjoni, ma jirriżultax li hemm elementi li jikkostitwixxu reat kriminali. Stħarriġ intern ieħor ma jaqax taħt dan id-dekasteru.’