Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuniet finanzjarji lill-atleti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali f’għajnuniet finanzjarji li ngħataw lill-atleti u lill-assoċjazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ammont totali f'għajnuniet finanzjarji li ngħataw lill-assoċjazzjonijiet sportivi u atleti fl-2017, inkluż salarji ta’ ħaddiema seconded minn ma’ SportMalta għal ma’ assoċjazzjonijiet sportivi, kienet ta' €1,645,443.52.

Qasam tal-Isport – Vot Kapitali — żieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda fl-ammont tal-Vot Kapitali għall-2018 fil-qasam tal-isport u, jekk hu l-każ, x’kienet ir-raġuni għal dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Vot Kapitali fl-2017 kien jammonta għal €2,712,000.00 filwaqt li dak tal-2018 jammonta għal €7,900,000.00 b’żieda ta’ aktar minn €5 miljuni. Din iż-żieda fl-2018 ser tiġi investita f’dawn il-proġetti: · Proġett tal-Imtaħleb Hill Climb · Ta’ Kandja Shooting Range · Il-bini ta’ pixxina magħluqa fil-Kumpless tal-Kottonera · It-tkomplija ta’ tibdil tas- syntethic turf fil- pitches tal-futbol f’Malta u Għawdex · Bidu tax-xogħol fuq il-Pixxina ta’ Marsascala · Jitkompla x-xogħol fuq il-proġett tal-grawnd tal-futboll f’Marsascala

Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi – għan ewlieni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-għan ewlieni tal-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-għan ewlieni tal-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi huwa li tilqa' l-applikazzjonijiet mingħand l-għaqdiet sportivi li huma eliġibbli taħt il-liġi biex iwettqu proġetti ta' natura kummerċjali fl-impjanti sportivi tagħhom. Wara li tagħmel ċert li tali proġetti ser ikunu ta' benefiċċju kemm finanzjarju u sportiv għal dawn l-għaqdiet sportivi, u li permezz tagħhom il-faċilitajiet sportivi ser jiġu upgraded b'tali mod li jgawdu l-atleti kollha li jitħarrġu f'dawn il-faċilitajiet, tati l-permess sabiex isir tali proġett. Wara dan, u meta l-proġett iseħħ, il-kummissjoni trid tagħmel il-monitoring tal-proġetti sabiex tara li dawn jilħqu l-għanijiet li jkunu ġew stabbiliti mill-kummissjoni meta din tkun tat il-permess.

Wied il-Għajn – Proġett ta’ football pitch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun jiswa l-proġett tal-football pitch f’Wied il-Għajn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-proġett huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar żewġ miljun ewro (€2,000,000) u ser jagħti dar denja u professjonali lil Klabb ta’ M’Scala FC.

Kors tal-Volontarjat Sportiv – persuni li temmew il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li temmew b’suċċess il-Kors għall-Volontarjat Sportiv?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li temmew b’suċċess il-Kors għall-Volontarjat Sportiv kien ta’ għoxrin. Din kienet l-ewwel darba li sar dan il-kors, bl-għan li l-volontarjat sportiv jingħata valur.

Aġenzija Żgħażagħ – skema ta’ għajnuna lill-kunsilli lokali taż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kunsilli lokali taż-żgħażagħ li bbenefikaw minn skema ta' għajnuna li toffri l-Aġenzija Żgħażagħ fl-2017? Jista’ jgħid ukoll liema kienu s-servizzi offruti mill-Aġenzija Żgħażagħ matul l-2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni dwar liema kienu l-programmi u servizzi offruti mill-Aġenzija Żgħażagħ matul l-2017, u l-kunsilli lokali taż-żgħażagħ li fl-2017 ibbenefikaw minn skema ta' għajnuna li toffri l-istess Aġenzija, qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fondazzjoni Skejjel t’Għada – perit – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-pakkett finanzjarju li għandu l-perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, tal-Fondazzjoni Skejjel t’Għada?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pakkett finanzjarju hu kif ġej: · Paga bażika: €39,100 · Car Allowance : €4,658 fis-sena · Communication Allowance : €1,600 fis-sena · Disturbance Allowance : €5,745 fis-sena · Market Corrector : €2,500 fis-sena · Fuel Allowance : 150 Litru fuel fix-xahar wara l-preżentazzjoni tal-irċevuti · Performance Bonus : Sa massimu ta' 15% tal-paga bażika

Eżamijiet għall-Uffiċjali Eżekuttivi fis-Servizz Pubbliku — riżultati

Question

Jista' l-Ministru jispjega għalfejn wara li fis-27 ta' Diċembru 2017 ġew ippubblikati r-riżultati tal-Eżamijiet għall-Uffiċjali Eżekuttivi fis-Servizz Pubbliku, li kienet ħarġet is-sejħa għalihom f'Ġunju 2017, dawn ir-riżultat ġew irtirati u reviżi, bir-riżultati finali jiġu ppubblikati f'Marzu 2018 fejn juru differenzi kbar fil-pożizzjoni li spiċċaw fiha ċertu applikanti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Precincts Management Unit – ħlas ta’ allowance addizzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jingħataw allowance addizzjonali fil-Precincts Management Unit fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-Precincts Management Unit fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hemm erbatax (14)-il persuna li jingħataw allowance addizzjonali.

Università ta’ Malta – modernizzar tat-track u l-ground tal-ġiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-track u l-ground tal-ġiri li jinsabu fl-Università ta’ Malta jiġu modernizzati, fi sfond ta’ proġett ikbar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Università għandha pjanijiet imminenti biex tagħmel upgrading tal-faċilitajiet sportivi inkluż il-football pitch u l-athletics track.

Campus ta’ Barts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għas-sena skolastika li jmiss, il-Campus ta’ Barts hux ser jibqa’ s-Sixth Form ta’ Għawdex jew inkella hux ħa jiġi trasferit x’imkien ieħor? Jista' jgħid kemm ser jiżdiedu studenti fis-sena skolastika li jmiss u kemm hu maħsub li jkunu qed jintużaw klassijiet mill-iskola Medika ta' Barts fis-Sixth Form ta' Għawdex matul is-sena skolastika li jmiss?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola Medika ta' Barts ser tibqa' tagħmel użu minn partijiet mis-Sixth Form ta' Għawdex għas-sena akkademika li jmiss. Rigward il-mistoqsija dwar kemm ser jiżdiedu studenti fis-sena skolastika li jmiss, ninforma lill-Onor. interpellant li minkejja li n-numru għadu mhux magħruf, nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4317.

Wied il-Għajn – Skola Primarja — Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn matul din is-sena? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien? Kemm minn dawn l-istudenti huma barranin u min liema pajjiż ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn matul din is-sena (skont il-figuri tal-20 ta' Marzu 2018) huwa ta' 822 li minnhom 405 huma bniet u 417 subien. Mit-total ta' 822 student, 544 huma Maltin, 32 għandhom nazzjonalità Maltija u ta' pajjiż ieħor, filwaqt li 246 huma barranin. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi n-numru ta' studenti f'din l-iskola skont in-nazzjonalità, maqsuma bejn bniet u subien.

Skejjel tal-Istat – studenti bl-awtiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti bil-kundizzjoni tal-awtiżmu fl-iskejjel tal-Istat? Fiex jikkonsisti s-servizz mogħti mill-Autism Spectrum Disorder Support Team?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 666 studenti b’awtizmu fl-iskejjel ta’ l-Istat. L-għan tal-Autism Spectrum Support Team huwa li jsaħħaħ il-ħiliet tal-edukaturi u tal-ġenituri biex jaffaċċjaw il-bżonnijiet edukattivi individwali tat-tfal b’awtiżmu, li jiffaċilita t-tagħlim, li jgħin fl-iżvilupp soċjali u ta’ mġiba, u li jkabbar l-abbiltajiet tal-istudenti fl-ambjenti tal-mainstream.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hu responsabbli, għandha? Jista' jgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1077.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Direct orders bejn l-2008 u l-2013

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders mogħtija mid-dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu (inkluż fejn japplika dawk li jaqgħu taħt is-Segretarji Parlamentari fid-dekasteru tiegħu) sena b’sena, bejn Marzu 2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data meta ngħatat kull direct order, l-ispiża ta’ kull direct order u lil min ingħatat kull direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif li ngħatajt bi tweġiba għal din il-mistoqsija huwa kif muri fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi: Lista ‘A’ – Dipartiment Strateġija u Sapport Lista ‘B’ - Università ta’ Malta Lista ‘C’ – l-Entitajiet fi ħdan il-MEDE (minbarra l-UoM)

Università ta’ Malta — Kmamar tal-Banju għall-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li tul din is-sena, il-kmamar tal-banju li jinsabu fil-librerija tal-Università u li huma aċċessibbli għall-istudenti, jiġu rranġati u possibbilment sostitwiti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-librerija tal-Università hemm diversi kmamar tal-banju li huma aċċessibbli għall-istudenti. F’ċirkustanzi fejn ikun hemm xi ħsarat, dawn jiġu immedjatament irrappurtati lill-Uffiċċju tal-Estates, Facilities and Capital Development sabiex tittieħed azzjoni biex dawn il-ħsarat jiġu rranġati minnufih. Infurmat ukoll li hemm pjan li dawn l-istess kmamar tal-banju jiġu sostitwiti fis-sajf tal-2019.

Ir-Rabat Għawdex – bini ta’ skola primarja ġdida

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2822, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-applikazzjoni sottomessa quddiem l-Awtorità għall-Ippjanar għall-estensjoni tal-kumpless edukattiv fi Triq l-Ewropa, biex tilqa’ wkoll l-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex? Min hu l-perit inkarigat minn dan il-proġett? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati ma’ dan il-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru tal-applikazzjoni sottomessa quddiem l-Awtorità għall-Ippjanar għall-estensjoni tal-kumpless edukattiv fi Triq l-Ewropa, biex tilqa’ wkoll l-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex, hu PA/01717/18. Il-perit inkarigat minn dan il-proġett hu l-Perit Joe Cassar. Il-pjanti relatati ma' dan il-proġett għadhom mhumiex finali peress li għaddejjin xi diskussjonijiet dwarhom.

Skola Medika ta’ Barts f’Għawdex — studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jattendu l-Iskola Medika ta' Barts f'Għawdex? F’liema fażi tal-kors qegħdin dawn l-istudenti u mil-liema pajjiżi ġejjin? Kemm hemm studenti Maltin jattendu fl-Iskola Medika ta' Barts? Jista' jgħid mit-total ta' studenti li qed jattendu f' din l-iskola, kemm minnhom għandhom scholarship u minn min ingħata dan l-ischolarship?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla mhijiex f’pożizzjoni li tagħti l-informazzjoni mitluba għaliex din hija informazzjoni ta' entità privata, għandha sensittività kummerċjali u hija miksuba b’mod kunfidenzjali.

FTS – uffiċċju f’Għawdex — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'Għawdex hemmx uffiċċju tal-Foundation for Tomorrow’s School (FTS)? Jista' jgħid fejn jinsab dan l-uffiċċju, kemm ilu miftuħ u kemm hemm ħaddiema jaħdmu fih? Jista’ jgħid kemm ilhom jaħdmu hemm il-ħaddiema li ġew ingaġġati f'dan l-uffiċċju, x’inhu l-grad tagħhom u fejn ħarġu s-sejħiet għal dawn il-postijiet? Jista' jgħid mil-liema Ministeru qed jiġu mħallsa dawn il-ħaddiema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada jinsabu fi Triq Sir Adrian Dingli, Pembroke. Minn hemm isir ix-xogħol relatat mal-ippjanar tal-proġetti li tmexxi l-istess Fondazzjoni, kemm dawk li jsiru f'Malta, kif ukoll dawk li jsiru f'Għawdex.

Institute of Education — korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min bħala persuna jew entità ħadem fuq it-tfassil tal-korsijiet li se jiġu offruti din is-sena mill-Institute of Education?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korsijiet kollha mogħtija mill-Institute for Education ġew żviluppati mill-Institute for Education b'kollaborazzjoni mad-Dipartimenti konċernati fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.