Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Nefqa kapitali f'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet in-nefqa kapitali f’Għawdex kull sena mill-1999 sal-2008 tal-entitajiet Governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ tgħid din in-nefqa f’Għawdex kemm kienet bħala persentaġġ tan-nefqa totali tal-istess entitajiet? Tista’ tagħti l-istess tagħrif dwar in-nefqa rikorrenti? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skond l-entità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma narax il-ħtieġa li nuża r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant peress li din trid ammont kbir ta` ħin sabiex tinġabar. Jekk l-Onorevoli Membru jixtieq l-informazzjoni dwar xi proġett partikolari, m'għandix diffikulta’ li niġborlu d-dettalji.

Impjegati sponsorjati fid-dekasteru tal-Edukazzjoni

Question

PQ Text: Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3832 u tgħid kemm ġew sponsorjati mpjegati taċ-ċivil u għalliema li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Liema kienu il-ħaddiema jew għalliema li kienu sponsorjati? F'liema qasam jew speċjalizzazzjoni ingħata l-i sponsorship ? Kemm sewa kull taħriġ jew sponsorship ieħor? Liema kienu l-entitajiet li ipprovdew it-taħriġ? Kif ibbenefika minn dan it-taħriġ il-Ministeru, id-Direttorati tal-Edukazzjoni u dipartimenti jew sezzjonijiet oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Supply Teachers

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija 3835 u tgħid xi ħtiġijiet kien hemm għal supply teachers matul dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena u suġġett suġġett? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal supply teachers li ngħataw il-possibilità li jkunu supply teachers u f'liema suġġetti? Kemm hemm supply teachers f'Għawdex u f'Malta u f'liema skejjel qegħdin? Kemm kienet in-nefqa annwali fuq dawn is-supply teachers sena b'sena matul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — Diretturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma d-diretturi tad-disa’ istituti tal-MCAST f’Malta? Min imexxi ż-żewġ ċentri ta’ Għawdex? F’kull każ, x’inhuma l-ħlasijiet li jieħdu kull wieħed u waħda minn dawn id-diretturi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata hekk: Istitut Direttur Salarju fis-Sena Building and Construction Engineering James Pearsall €27,137.00 Electrical and Electronic Engineering John Sciberras €27,137.00 Art & Design Stephen Vella €25,623.00 Maritime Reuben Lanfranco €27,137.00 Community Services Dorothy Meli €27,137.00 Mechanical Engineering Emmanuel Zahra €27,137.00 Agribusiness Maria Salvina Camilleri €27,137.00 Information and Communications and Technology Juan Borg Manduca €66,492.00 Business and Commerce Yvonne Pulis €27,137.00 Gozo Godwin Grech €27,137.00

MCAST — Programm vokazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal ix-xogħol tal-MCAST biex jintroduċi programm vokazzjonali f'livell ta' degree? F'liema oqsma se jibdaw dawn il-programmi u meta? Ma' liema universitajiet u entitajiet ta' akkreditazzjoni qed jaħdem l-MCAST fit-tfassil ta' dawn il-programmi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST impennja ruħu li joffri l-ewwel degrees vokazzjonali f’Settembru/Ottubru tas-sena 2010. Dawn se jkunu offruti l-ewwel fl-istituti tal-ICT, tal-Arti u d-Disinn, tan-Negozju u l-Kummerċ, u ta’ l-Elettronika u l-Inġinerija Elettrika. Għal dawn l-aħħar xhur l-awtoritajiet tal-MCAST kellhom taħdidiet ma’ ħames istituzzjonijiet f’pajjiżi ewropej u li potenzjalment jistgħu jissieħbu miegħu fl-iżvilupp u għotja ta’ degrees vokazzjonali. Peress li għad m’hemmx ftehim finali, mhux għaqli li jitħabbru l-ismijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

MCAST u l-iskejjel sekondarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal ix-xogħol biex l-MCAST u l-iskejjel sekondarji jdaħħlu programmi vokazzjonali komuni biex ma nibqgħux nitilfu ħafna studenti li fil-programmi edukattivi preżenti mhumiex isibu oqsma vokazzjonali fejn jistgħu jirnexxu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-MCAST diġa’ hu inklussiv u joffri varjeta’ sħiħa ta’ korsijiet f’livelli differenti, fosthom korsijiet bażiċi fuq livell ta’ Foundation f’kull wieħed mid-disa’ Istituti f’Malta u ċ-Ċentri t’Għawdex għal studenti li jtemmu l-kors ta’ edukazzjoni sekondarja mingħajr kwalifiċi formali iżda b’livell ta’ edukazzjoni sekondarja. Ninforma ukoll lill-Onor Interpellant li bħalissa għaddejja reviżjoni tal-kurrikulu Minimu Nazzjonali biex ikun stipulat qafas Nazzjonali ġdid tal-kurrikulu Nazzjonali.

MCAST — Tracer studies

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal ix-xogħol ta’ tracer studies li kellu jagħmel l-MCAST biex jara f’liema oqsma qed jaħdmu l-istudenti li jagħmlu korsijiet fil-kulleġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sas-sena d-dieħla l-MCAST se tkun f’pożizzjoni sabiex tkun tista’ tagħmel tracer study wara li tkun kisbet is-software neċessarju ħalli dan l-eżerċizzju jkun jista’ jsir b’mod li jħalli r-riżultati mixtieqa.

films miġbudin Malta — budget

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inġibdu films f'Malta sena b'sena mill-1999 sal-lum? Kemm hu prospettat li jinġibdu films fil-bqija tas-sena? X'se jkun il-budget tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — kuntrattur tal-konstruzzjoni - ndafa

Question

Tista' l-Ministru tara li l-kuntrattur li qed jibni t-tined fuq it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra jżomm il-post nadif għax sal-lum dan il-post hu mimli skart tal-kostruzzjoni li qegħda ssir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux korrett li wieħed jgħid li ż-żona fejn qegħdin jintramaw l-istrutturi protettivi hija ‘mimlija skart tal-kostruzzjoni’, kif qiegħed jgħid l-Onor. Interpellant. Il-kuntrattur li qiegħed jinstalla t-tined huwa marbut li jisbarazza il-materjal kollu ġenerat matul il-jum. Il-materjal li wieħed jara fiż-żona huwa kollu materjal meħtieġ għall-proċess ta’ kostruzzjoni. Wieħed għandu jżid li qegħdin isiru sforzi kbar minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-kuntrattur, sabiex l-inkonvenjent għall-pubbliku jkun il-minimu possibli. Tant hu hekk, li minkejja il-kumplessita’ ta’ dan ix-xogħol, minn meta beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni s-sajf li għadda, Ħagar Qim s’issa ingħalaq għal pubbliku għal total ta’ għaxart’ijiem biss.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — permessi u pjanta

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess u l-pjanta approvata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal bini tat-tined fuq it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — xogħol tat-tined

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu l-kuntrattur li rebaħ it-tender għal bini tat-tined fuq it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra? Kemm hu l-valur tal-kuntratt? Meta beda x-xogħol u kemm suppost se jieħu żmien sabiex jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kuntrattur li rebaħ it-tender li ġie mogħti fit-30 ta’ Marzu 2007 għal dan il-proġett huwa Canobbio SpA, Via Roma 3, 15053 Castelnuovo Scrivia, Alessandria (AL), Italja. Il-valur tal-kuntratt huwa € 2,525,227 (VAT mhux inkluż), li qegħdin jitħallsu permezz ta’ Fondi Strutturali taħt il-Programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEZR) 2004-6. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq is-sit beda f’Ġunju tal-2008. Skond l-aħħar programm tal-kuntrattur, ix-xogħol għandu jitlesta sa l-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena.

Haġar Qim/Imnajdra

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu l-perit inkarigat mill-proġett tat-tined fuq it-tempji ta' Haġar Qim u l-Imnajdra? Min hu l-perit Malti rappreżentant ta' dan il-perit?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Inġiniera Strutturali responsabbli għall-manifattura u installazzjoni tal-istrutturi protettivi għal Ħaġar Qim u għall-Imnajdra huma Bernd Stimpfle (Ġermanja) u Andrea Angeleri (Italja). Huma rappreżentati f’Malta minn Martin Xuereb & Associates (MXA). It-tender ġie mogħti fit-30 ta’ Marzu 2007.

Wardija — skola speċjali - etajiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni dwar kemm hu n-numru ta' persuni li jattendu l-iskola speċjali tal-Wardija? Minn liema lokalitajiet huma dawk li jattendu din l-iskola u x'inhuma l-etajiet ta' dawk li jattendu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm 51 student li jattendu l-iskola speċjali tal-Wardija. Lokalitajiet: Sliema Żejtun San Pawl il-Baħar Għaxaq Tarxien Żabbar Rabat Mqabba San Ġwann Gżira Valletta Mellieħa Dingli San Ġiljan Qormi Balzan Msida Żurrieq Żebbuġ Siġġiewi Mosta Birkirkara Birżebbuġa Mtarfa Lija Pembroke Ħamrun Naxxar Attard L-eta’ tagħhom tvarja bejn l-10 snin u 23 sena.

Skejjel tal-Istat — Studenti li huma dyslexic

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn studenti fl-iskejjel tal-Istat li huma dyslexic, skola b'skola? Kemm minnhom huma bniet u kemm minnhom huma subien? X'tip ta' support qed jingħata lil dawn l-istudenti mis-support unit tal-SPLD? Kemm għandna għalliema speċjalizzati fil-qasam tad-dyslexia? Kemm minnhom ħadu it-taħriġ tagħhom barra minn Malta u fejn, għalliem b'għalliem? Kull meta jmorru fl-iskejjel rispettivi, skola b'skola? Kemm għamlu żjarat fl-iskejjel tal-knisja u privati matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena u skola b'skola? Meta l-unit tal-SPLD ser jinstablu post xieraq biex ikun jista' jagħti servizz aħjar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorati tal-Edukazzjoni — Nies imwiddba li jitkeċċew

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex diversi membri sew mis-sezzjoni tal-manutenzjoni kif ukoll mis-sezzjoni tal-ġardinara qed jiġu mwiddba li se jitkeċċew minn direttur partikolari li jaqa' taħt id-Direttorati tal-Edukazzjoni għalkemm dawn qed jipprovaw jagħmlu xogħolhom għalkemm ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom huma limitati għall-aħħar? Ma jidhirlux li dan joħloq tensjoni kbira u jista' wkoll ikun ta' periklu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol? Ta' min jgħid li dawn il-ħaddiema għandhom id-dinjità tagħhom u jixirqilhom rispett u mhux theddid?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultax li d-Direttur responsabbli mill-ġardinara, kif ukoll mis-Sezzjoni tal-Manutenzjoni, qatt ma ta xi twiddiba tax-xorta li hemm riferenza għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari.

Librerija Nazzjonali — Restawr ta' kotba

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kotba mil-Librerija Nazzjonali ġew restawrati professjonalment matul dawn l-aħħar ħames snin? X'kienu t-titoli tagħhom, l-awturi u l-età ta' kull volum? Kemm man hours ħadet kull restawrazzjoni? Kemm ġiet tiswa kull restawrazzjoni? Tista' tagħti lista ta' restawrazzjonijiet li hu maħsub li se jsiru fl-2009? Kemm fondi ġew allokati għal dan ix-xogħol tant importanti mill-budgetgħall-2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Nefqa fuq proġetti kulturali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet in-nefqa matul dawn l-aħħar ħames snin fuq proġetti konnessi mal-kultura f'Għawdex sena b'sena? X'kienet in-nefqa fuq kull proġett? Liema kienu l-proġetti wieħed b'wieħed? Kemm ħaddiema kienu nvoluti f'kull proġett wieħed b'wieħed? Liema minn dawn il-proġetti kienu konklużi on schedule u liema ma kenux? Jekk ma kienux, x'kienet ir-raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li l-vot konness mal-proġetti kulturali f'Għawdex huwa amministrat mill-Ministeru għal Għawdex, ikun xieraq li d-domanda tiġi ndirizzata lill-Ministru konċernat.

Kulleġġ ta' Għawdex — Proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid wieħed b'wieħed xi proġetti hemm il-ħsieb li jwettaq il-Kulleġġ ta' Għawdex biex itejjeb il-kwalità u l-image tal-edukazzjoni f'Għawdex fl-2009? Meta huwa maħsub li jitwettqu dawn il-proġetti wieħed b'wieħed matul is-sena? Kemm hemm fondi allokati għal kull proġett? Min se ikunu l-individwi li se jmexxu dawn il-proġetti? Ma' liema suġġetti li jiġu mgħallma fl-iskejjel huma konnessi dawn il-proġetti wieħed b'wieħed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Attivitajiet sportivi wara l-ħin tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-iskejjel li ntużaw għal attivitajiet sportivi jew komunitarji wara l-ħin tal-iskola waħda b'waħda matul dawn l-aħħar ħames snin? X'kienu dawn l-attivitajiet waħda b'waħda u l-entitajiet li organizzawhom waħda b'waħda u xahar b'xahar? Kemm ħallew flus fl-ischool fund ta' kull skola, attività b'attività?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

każ ta' studenti fi skola

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk is-saqaf tal-klassijiet tal-year 1 u year 2 tal-iskola Primarja ta' Ħal Tarxien huwiex kkundannat? Jekk iva, x'se jsir? Tista' l-Ministru tara li jsir xi rimedju minħabba li tfal tal-year 1-2 ta' l-istess skola biex imorru għall-klassi jridu jgħaddu mil-bitħa b'detriment li meta tkun ix-xita, t-tfal ta' din l-età żgħira jibqgħu imxarbin il-ġurnata kollha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara spezzjoni li saret ma jirriżultax li hemm xi saqaf fl-iskola primarja ta’ Ħal Tarxien li hu kkundannat. Il-Kapijiet ta’ l-Iskejjel għandhom struzzjonijiet li meta tkun ix-xita ma jħallux it-tfal joħorġu jixxarrbu, la ġo l-iskola u l-anqas barra, imma jistennew sa ma tieqaf.