Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — konsulenti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 294 u tgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Rilokazzjoni tal-faċilità tat-tankijiet taż-żejt

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 301, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid jekk il-pjan għar-rilokazzjoni tal-faċilità tat-tankijiet taż-żejt lejn il-Marsa, għadux il-pjan tal-Gvern? Jekk iva, sa meta se jsir dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Gvern għaddej b'konsultazzjoni, inkluż dik inter-ministerjali.

Marsaxlokk – proġett fuq art tal-Gvern

Question

Dwar il-proġett li qed jiġi propost li jsir ġewwa Marsaxlokk fuq art tal-Gvern/car park u l-binja ta’ Home u mass project, tista’ l-Ministru tgħid x’impatt jista’ jkollu fuq ir-residenti li jgħixu fl-akkwati fejn jidħol ambjent/light pollution u sound pollution? Huwa minnu li dan ikun qed imur kontra dak li l-Gvern ippropona fil-Manifest Elettorali tiegħu fejn jidħol ambjent aħjar għaċ-ċittadini? Saru studji f’dan ir-rigward? U jekk iva, tista’ tippubblikahom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġiet ikkonsultata dwar l-applikazzjonijiet li ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar. L-ERA, bħala r-Regolatur Ambjentali, għamlet l-iscreening tagħha skont ir-Regolament eżistenti. Id-dokumentazzjoni rispettivi qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Moll tal-Veċċja – arblu tad-dawl

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1303 u tieħu l-passi neċessarji biex l-arblu tad-dawl (li r-ritratt tiegħu jinsab anness) li jinsab fin-nofs ta’ żona ffrekwentata mill-vetturi ħdejn il-moll tal-Veċċja jitneħħa minn fejn qiegħed, minħabba l-periklu li qed joħloq għal dawk li jkunu fl-inħawi, peress li kif jien infurmata, dan l-arblu kien twaħħal għal użu temporanju sakemm saru xogħlijiet fuq binja privata fl-istess żona, liema xogħlijiet issa jidher li tlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mir-rekords tal-Enemalta ma jirriżultax li l-arblu twaħħal minnha, imma twaħħal minn terzi sakemm isir ix-xogħol.

Birkirkara: Fleur-de-Lys – Dawl fi Triq il-Madonna ta’ Pompej

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk saritx applikazzjoni biex jiżdied id-dawl fi Triq il-Madonna ta' Pompej (Triq ġdida fi Triq Brighella), Fleur-de-Lys, Birkirkara peress li l-bini l-ġdid jinsab fi dlam ċappa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta m’għandha ebda applikazzjoni pendenti għal Street Lighting mill-Kunsill Lokali ta’ B’Kara biex jiżdied id-dawl fi Triq il-Madonna ta’ Pompei.

Cables tad-dawl u telefown taħt l-art

Question

Tista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjan li l-cables kollha tad-dawl u tat-telefon isiru taħt l-art? Jekk iva, sa meta hu ppjanat li jsir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul is-snin intużat il-prassi li l-linji tad-distribuzzjoni tal-elettriku kif ukoll dawn tat-telefonija u l-Internet, jgħaddu minn mal-faċċata tal-bini. Fl-aħħar snin l-Enemalta wettqet proġetti pilota f’lokalitajiet bħall-Mdina u Ħad-Dingli. Iżda mhux dejjem possibbli li cables jgħaddu minn taħt l-art. F'każijiet fejn is-sid jew l-iżviluppatur jipprovdi culvert, per eżempju fi żvilupp ta' bini ta' ċertu daqs, l-Enemalta tgħaddi s-servizzi tagħha minn ġol culvert minflok mal-faċċata. Rigward servizzi ta' kumpaniji oħra, tajjeb li wieħed jikkuntattja lill-operaturi konċernati.

Kottonera – Ġnien Kottoner

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex l-akbar żona mħaddra fil-Kottonera, ċjoè Ġnien Kottoner, tkun tista' tinbidel u titgawda minn aktar familji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Parks Malta bdew it-tħejjijiet sabiex fiż-żmien li ġej jiġi riġenerat Ġnien il-Kottonera. Fil-fatt, id-Diviżjoni msemmija ngħatat it-titlu tal-art u, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, ġie maqbul li f’din iż-żona jkun hemm spazju rikreattiv b’faċilitajiet sportivi varji. Is-sit se jiddawwar b’ilqugħ għal sigurtà ikbar u, filwaqt li f’parti minnu se tiġi żviluppata picnic area, il-parti l-oħra se tkun mgħammra b’diversi faċilitajiet għall-eżerċizzju fiżiku. Fid-disinn ġiet inkluża wkoll trakka tar-roti. Dawn l-iżviluppi se jkunu qed isiru b’attenzjoni biex jinżamm l-istat naturali tal-ġnien u titħares ukoll il-biodiversità eżistenti. Ix-xogħlijiet se jinqasmu f’fażijiet differenti u l-proġett għandu jitlesta sal-2024.

Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – Lapsi – periklu minn barriera

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni ħadet jew qed tieħu l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi fir-rigward il-periklu li jeżisti lis-sewwieqa fit-triq tan-niżla ta’ Lapsi minn barriera fil-biswit?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ERA investigat din il-barriera partikolari fuq l-aspetti li l-ERA tista’ tinvestiga fuqhom bħala parti mill-irwol regolatorju tagħha, li jinkludi l-konformita mal-permess ambjentali fuq din il-barriera ghall-immaniġġjar ta’ skart tal-kostruzzjoni, immaniġġjar ta’ fuels li jinżammu fuq is-sit, emissjonijiet ta’ trab u aspetti ambjentali oħra. Infakkar lill-Onor. Interpellant dwar id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-Awtorita tal-Ambjent u r-Riżorsi fejn tkellimt dwar din it-triq. Spjegajt kif l-ERA hija waħda biss mill-awtoritajiet responsabbli fir-regolazzjoni ta’ din il-barriera. Il-punti ta’ tħassib li tqajmu mhux neċċessarjament kollha jaqaw taħt ir-responsabilta tal-ERA, iżda l-Ministeru talab li dan it-tħassib jiġi indirizzat mill-awtoritajiet kollha involuti.

Delimara – xiri ta’ unit ta’ enerġija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1304, tista' l-Ministru tispjega kif il-proċess tad-dispatch optimisation li qed issemmi, huwa affettwat mill-fatt li tippubblika l-prezzijiet ta' ħames snin ilu, li rrifjutat li tagħmel f'mistoqsija parlamentari 910, imma fl-istess ħin mhuwiex affettwat mill-fatt li ppubblikat il-prezzijiet ta' xahar ilu f'mistoqsija parlamentari 317?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm differenza bażika bejn il-pubblikazzjoni ta’ prezz medju ta’ xahar wieħed biss versu l-pubblikazzjoni ta’ volumi u prezzijiet dettaljati xahar b’xahar fuq medda ta’ numru ta’ snin, kif intalab. Informazzjoni dettaljata tista’ tippreġudika kull xiri ta’ prodott f’suq li jaħdem b’irkant.

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — bozoz

Question

Tista’ l-Ministru taċċerta li d-dawl pubbliku kollu li hemm fiż-żona ta’ Dawret in-Nawfraġju, inkluż iż-żona tal-boathouses, qiegħed jaħdem kif suppost u li allura li l-bozoz kollha, inkluż dawk fuq arbli, (inkluż il-bozza fuq l-arblu li r-ritratt tiegħu qed jiġi mibgħut separatament) ikunu mixgħula bħall-bqija tat-toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? F’każ li hemm xi bozza/bozoz jew arblu/arbli li l-bozoz tagħhom mhux jixegħlu, x’inhi r-raġuni għal dan u meta hu mistenni li dan id-dawl jerġa’ jixgħel? Billi hemm ħtieġa ta’ iktar dawl fiż-żona kif ser jiġi assigurat li dan id-dawl jiġi installat u jixgħel minħabba d-dlam li wieħed isib f’din iż-żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tekniċi tal-Enemalta għamlu spezzjoni f’Dawret in-Nawfraġju u biddlu l-bozoz li ma kinux jixegħlu għal bozoz LED. Madankollu hemm dwal dekorattivi li wkoll mhux mixgħula. Dawn ma jaqgħux fir-responsabbiltà tal-Enemalta iżda tal-kunsill lokali.

Birkirkara – Triq Karm Zerafa – problema frekwenti ta’ bdil fil-vultaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid hemmx xi pjan biex tissolva l-problema frekwenti ta' bdil fil-vultaġġ li qed jesperjenzaw ta' sikwit ir-residenti fi Triq Karm Zerafa, Birkirkara, u meta għandhom jistennew li din tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ma kellhiex ilmenti mir-residenti dwar problema ta’ vultaġġ fi triq imsemmija. L-uniku ilment li l-Enemalta rciviet kien fis-7 ta’ Ġunju 2022, fejn marru t-tekniċi tal-Enemalta għand il-klijent dakinhar stess u nstab li l-problema kienet fl-OVR tal-klijent.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Taħriġ lill-ħaddiema fil-kura ta' saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata taħriġ fuq il-Kura fis-Saħħa Mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid, lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taħriġ relatat hu mifrux u disponibbli fuq is-Servizz Pubbliku kollu u mhux xi dipartiment singolari tal-Gvern. L-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li sa mill-2017 diġà ġew imħarrġin 260 uffiċjal pubbliku fil-Mental First Aid, f’kors li hu akkreditat mir-Richmond Foundation. Taħriġ simili sar kull sena, bl-eċċezzjoni tal-2020 kawża tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Fil-fatt diġà hu ppjanat ukoll li f’Ottubru li ġej isir it-taħriġ lil 80 uffiċjal ieħor. Fis-Servizz Pubbliku tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.

Boroż tal-plastik griżi jew ħodor għall-ġbir tar-riċiklaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il tunnellata ta’ boroż tal-plastik griżi jew ħodor qed jintużaw għall-ġbir tar-riċiklaġġ fis-sena? X’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex jinċentiva l-użu aħjar tal-kaxxi tal-kartun vojta li jkollhom il-ħwienet bħala kontenituri ta’ skart ieħor fl-iskema tar-riċiklaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Fgura -Triq il-Kampanella – żbroff ta’ drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk fil-Ministeru waslux ilmenti ta’ numru ta’ familji fi Triq il-Kampanella, Fgura fil-parti t’isfel tagħha, senjatament ma’ żbroff ta’ drenaġġ fi proprjetà privata u jekk humiex se jsiru x-xogħlijiet neċessarji biex tiġi solvuta l-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Frar 2022, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġiet infurmata b’istanzi fejn l-influss tal-ilma tax-xita wassal għal problemi fis-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi indikati. Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għaddejja b’taħdidiet ma’ entitajiet oħra għal-tħejjija ta’ pjan li permezz tiegħu jiġu indirizzati problemi kkawżati minn influss qawwi tal-ilma tax-xita li jispiċċa fis-sistema tad-drenaġġ.

San Pawl il-Baħar — Moll tal-Veċċja – arblu tad-dawl

Question

Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex l-arblu tad-dawl (li r-ritratt tiegħu jinsab anness) li jinsab fin-nofs ta’ żona ffrekwentata mill-vetturi ħdejn il-moll tal-Veċċja jitneħħa minn fejn qiegħed, minħabba l-periklu li qed joħloq għal dawk li jkunu fl-inħawi, peress li kif jien infurmata, dan l-arblu kien twaħħal għal użu temporanju sakemm saru xogħlijiet fuq binja privata fl-istess żona, liema xogħlijiet issa jidher li tlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — impjegati li daħlu mal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-Gvern fil-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt l-istess Ministeru minn Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. interpellanta biex tirreferi lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel

Question

Tista’ l-Ministru telenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtha mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Marsaxlokk – Żona tas-Silġ – new water

Question

Peress li l-infrastruttura neċessarja ta’ taħt l-art diġà hija lesta, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-bdiewa taż-żona tas-Silġ f’Marsaxlokk għadhom ma bdewx jiġu provduti bin-'new water' biex jużawh għat-tisqija tar-raba’ tagħhom? Meta tali provvista ser tkun disponibbli għal dawn il-bdiewa? Ser ikun hemm xi ħlas biex bdiewa jużaw in-‘new water’?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-infrastruttura taħt wiċċ it-triq fil-proġett indikat hija kważi kollha lesta. Fadal xi xogħol fil-ġibjuni u pompi li se jkunu qed iqabbdu din il-parti tan-network mal-kumplament tas-sistema tan-New Water. Dawn ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew din is-sena biex il-bdiewa jkunu jistgħu jibdew jibbenefikaw minn dan l-investiment innovattiv b’valur ambjentali.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-bord

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 822 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 308 li l-Ministru wieġbet biex nirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari 22505, 22827 u 23696 tat-XIII-il Leġiżlatura li qed tikkwota, tista' għaldaqstant il-Ministru tagħti rendikont tal-proċedura li użat biex ħatret lil kull wieħed u waħda mill-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u ċjoè skont l-artikolu 3(6) tal-Kap. 545, x'kienet il-"proċedura indipendenti u imparzjali" li użat biex żgurat li għandhom il-"ħiliet u l-esperjenza meħtieġa", x'kienu l-"kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati" li bbażat fuqhom, u fejn u meta kienu pubblikati dawn il-kriterji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-artiklu li qed jirreferi għalih iddaħħal fil-liġi permezz tal-Att XLIX tal-2021, kif ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-23 ta’ Lulju 2021. Minn wara din id-data, fuq il-Bord tar-Regolatur, kienet saret biss ħatra waħda fejn persuna mill-kamp legali kienet inħatret biex tissostitwixxi membru preċedenti li wkoll kienet ġejja mill-kamp legali u li sfortunatament kienet ġiet nieqsa ħesrem. Sadanittant din il-persuna ma setgħetx tkompli bħala membru tal-Bord u allura illum hemm vakanza li trid timtela skont il-kriterji li hemm stabbiliti fil-liġi kif emendata f’Lulju 2021.