Jista' l-Prim Ministru bħala Kap tas-Servizz Ċivili jwieġeb mistoqsija parlamentari 14752 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Contracts of Service, tal-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mill-perjodu tal-1 ta' Mejju 2004 sal-lum?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 14786 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: jekk l-operatur tal-pompa tal-petrol fin-naħa ta’ fuq ta’ Rue D’Argens Sliema/Gżira għandux il-permessi kollha meħtiega biex jopera skond il-liġi?
State of The Environment Report — dewmien fil-pubblikazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu ma jkun ippubblikat l-State of The Environment Report? Fil-każ li dan ir-rapport ilu ma jkun pubblikat, jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn kien hawn daqshekk dewmien fil-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar State of the Environment Report kien ikopri s-sena 2005. Ir-rapport li jmiss ser ikollu l-2008 bħala sena bażi. Ix-xogħol fuqu tlesta u r-rapport mistenni jiġi ppublikat fil-ġranet li ġejjin. Ma kien hemm l-ebda dewmien fil-pubblikazzjoni għaliex il-MEPA toħroġ dan ir-rapport kull 3 snin, b’update reports kull sena. Din il-frekwenza tikkompara tajjeb mal-medja ewropea. Hekk, biex nagħti eżempju, il-European Environment State and Outlook Report jiġi ppublikat kull ħames (5) snin.
MEPA — precipitators taċ-ċmieni tal-Power Station tal-Marsa li tħallew ma jaħdmux
Question
Jista' l-Prim Ministru jispjega kif l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ittolerat li l-precipitators taċ-ċmieni tal-Power Station tal-Marsa tħallew ma jaħdmux għal numru ta' xhur is-sena li għaddiet? Jista' jindika jekk din l-awtorità ma kenitx fl-obbligu li tieħu miżuri fir-rigward tal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kenitx konxja mid-dewmien biex il-precipitators jerġgħu jitħaddmu u x'miżuri ikkontemplat sabiex tkun irranġata s-sitwazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-MEPA tikkonferma li kemm id-deċiżjoni li jintfew il-precipitators (f’Jannar 2009) kif ukoll id-deċiżjoni li jerġgħu jinxteghlu (fl-aħħar ta’ Ottubru 2009) ittieħdu mill-Korporazzjoni Enemalta fil-perjodu qabel ma' l-impjant tal-Marsa kien irregolat mill-permess tal-IPPC li ħareġ tard is-sena li għaddiet. Il-MEPA tikkonferma wkoll li hija avżat uffiċjalment lill-Korporazzjoni Enemalta li skont il-permess tal-IPPC, kull tibdil fl-operat tal-impjant issa jrid jiġi kemm innotifikat lil kif ukoll approvat mill-MEPA.
Jista' l-Prim Ministru jispjega x'inhuma l-obbligi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-Air Quality Plans? Jista' jgħid x'qed tagħmel Malta biex tilqa' dawn l-obbligi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapporti li kienu ippubblikati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-obbligu tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar l-Air Quality Plan joħroġ mid-Direttiva 1996/62/EC dwar Stima u Maniġġar tal-Kwalità ta' l-Arja fl-Ambjent, fost oħrajn. Dawn ir-regolament (wkoll eżistenti fil-liġi Maltija permezz ta' l-Att Legali 216/2001 emendat minn 235/2004), jobbligaw lill-MEPA tipprepara pjan ta' azzjoni fil-każ fejn il-livelli tal-kwalità ta' l-arja jeċċedu dawk stipulati fid-direttiva msemmija hawn fuq, u fid-direttivi li joħorġu minnha.
Il-MEPA ħejjiet pjan ta' azzjoni għat-trab fin (
Particulate matter - PM10
) minħabba l-fatt li din is-sustanza ta' tniġġiż qed teċċedi l-livell stipulat fid-direttiva, speċjalment f'siti fejn jgħaddi ħafna traffiku. Il-MEPA bdiet ix-xogħol ma’ l-Awtorità tat-Trasport Pubbliku u ħejjiet l-abbozz f'Diċembru ta l-2008. Dan l-abbozz żviluppa fi pjan ta' azzjoni li għadda minn eżerċizzju ta' konsultazzjoni mal-pubbliku (permezz tal-
website
tal-MEPA u l-MITC u wkoll laqgħa mal-MEUSAC) u wkoll mal-Ministeri kollha konċernati. Il-pjan jinkludi miżuri bbażati l-iktar fuq immaniġjar tat-traffiku, filwaqt li jinkludi wkoll oħrajn relatati mat-trab ġenerat mis-settur tal-kostruzzjoni u miżuri eżistenti fl-industrija permezz tal-permessi ambjentali (IPPC).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan ta' azzjoni finali hekk kif intbagħat lill-Kummissjoni fit-12 ta' Frar 2010 (REF_2).
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14129, jista' l-Prim Ministru jwieġeb ukoll it-tieni, it-tielet u r-raba parti tal-mistoqsija u possibilment jannetti pjanta bit-toroq indikati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14129, il-Kunsill Lokali Mqabba qed jippjana illi jibda x-xogħol fuq dawn it-toroq f’Marzu 2010. Dan ix-xogħol huwa mistenni jdum sena, sa Marzu 2011.
Il-Gvern ċentrali ser jgħaddi lill-Kunsill Lokali l-ammont ta’ € 300,000 bħala parti mill-Proġett Pilota fi tliet lokalitajiet sabiex it-toroq kollha li għad fadal isiru f’dawn il-lokalitajiet jitlestew fi żmien qasir minflok fuq medda ta’ snin. Il-kumplament ser joħorġu mill-flus tal-Kunsill bi ftehim mal-kuntrattur f’pagementi ta’ kull xahar sa Marzu 2014. L-ammont li ser joħroġ il-Kunsill mhux mistenni jaqbeż it-€ 300,000.
F’dan l-istadju il-pjanti mhumiex finalizzati.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14571 u ċioe: peress li rwejjaħ ta' bajd qares (Hydrogen Sulphide) reġgħu nxtammu bejn il-25 u s-26 ta' Jannar, 2010 fl-inħawi ta' Triq il-Kbira San Ġużepp, Blata l-Bajda, Ħamrun, jista' l-Prim Ministru jara jistgħux ikomplu jsiru spezzjonijiet regolarment bil-għan li jiġi aċċertat li l-Waste Oils Co. Ltd. ma tkomplix twaddab żjut tossiċi fis-sistema tad-drenaġġ? Kemm-il spezzjoni saret minn environmental inspectors fis-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi matul l-2009 u x'kien l-eżitu każ b'każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kompitu tal-MEPA f’dan ir-rigward ma jinkludix spezzjonijiet tad-dranaġġ, peress li dan il-qasam jaqa’ taħt il-kompitu tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma. L-ispezzjonijiet li fihom kienu involuti Spetturi tal-Ambjent tal-MEPA fejn infetħu spralli tad-dranaġġ u sar magħruf li l-ilma kontaminat biż-żejt kien qed jintefa’ f’wieħed minn dawn l-ispralli, kienet spezzjoni konġunta ma’ uffiċjal mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma u spettur mid-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali. Din l-ispezzjoni saret fit-2 t’April 2009 u kienet waħda mill-ispezzjonijiet li saru fl-inħawi ta’ l-Għolja ta’ Spencer u li ġew instigati minn inċident ta’ riħa eċċessiva li rriżultat fl-evakwazzjoni ta’ Hexagon House.
Okkorenza oħra fejn spezzjoni tas-sistema tad-dranaġġ fl-inħawi ta’ l-Għolja ta’ Spencer saret ukoll b’mod konġunt bejn Spetturi tal-Ambjent u uffiċjali mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma, kienet fis-26 ta’ Marzu 2009 fejn ġew investigati l-ispralli li jilqgħu l-ilma tax-xita f’dawn l-inħawi, li huwa wkoll kompitu tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma. F’din l-ispezzjoni rriżulta li f’wieħed minn dawn l-ispralli li jinsab ġo sit li jaħżen
fuels
u żjut kien kontaminat biż-żejt. Wara istruzzjoni verbali, l-operaturi ta’ dan is-sit naddfu l-isprall imsemmi miż-żjut, fejn minn spezzjonijiet li saru wara ġie konfermat li dan l-isprall tnaddaf.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb 14784 u jgħid, f'każ ta' applikazzjoni għall-bini ta' stalel għaż-żwiemel, kif l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiddefinixxi d-development boundary li minnha trid titkejjel id-distanza skond il-policy tal-istalel? Il-boundary ta' rural settlement hu meqjus bħala development boundary għal dan il-għan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Policy 4.3B tal-Policy and Design Guidance: Agriculture, Farm Diversification and Stables (2007) tesiġi li bini ta’ stalel ġodda għandhom jinbnew f'distanza ta' mhux aktar minn 300 metru miż-żona ta’ l-iżvilupp (li tirreferi għal dik l-area urbana imdawwra b'linja revista mill-Parlament permezz tar-riżoluzzjoni parlamentari ta’ Lulju 2006) - u f'distanza ta' mhux inqas minn 100 metru minn residenzi, żoni abitabbli, jew żoni ppjanati għall-użu residenzjali (li jinkludu l-imsemmija żoni ta' żvilupp imsemmija qabel kif ukoll designated areas bħal rural settlements). Dawn iż-żewġ distanzi għandhom dejjem jiġu meqjusa f'daqqa.
Sentenzi tal-Bord tal-Appell tal-Ippjanar dwar l-Iżvilupp
Question
Jista' l-Prim Ministru jindika fuq liema sit jew siti elettroniċi wieħed jista' jaqra s-sentenzi tal-Bord tal-Appell tal-Ippjanar dwar l-Iżvilupp?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-deċiżjonijiet tal-bord tal-Appell tal-Ippjanar huma ppublikati fuq is-sit www.mepa.org.mt. Wieħed jista’ ifittex deċiżjoni billi jikteb in-numru ta’ referenza tal-appell jew inkella billi jdaħħal xi dettall fuq il-każ. Il-'links' biex wieħed jagħmel dan huma:
http://www.mepa.org.mt/main?CaseType=AP
http://www.mepa.org.mt/fulltextsearchappeals
Heritage Malta — Tenders għal servizz ta' securities
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13503 fejn il-Ministru tal-Edukazzjoni fir-risposta tagħha kienet qalet li "sa mit-23 ta' Settembru 2009 ingħataw struzzjonijiet biex nipproċedu bil-ħruġ ta' tenders għall-vetturi, tindif, sigurtà u pest control", jista' l-Prim Ministru jagħti indikazzjoni meta se jinħarġu dawn it-tenders billi kollox għadu kif kien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tenders għal vetturi, tindif u sigurtà intbgħatu lid-Dipartiment tal-Kuntratti u qed jiġu ippoċessati. L-indikazzjoni hi li jinħarġu fi żmien ftit ġimgħat oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex l-avviż tal-infurzar tal-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ECF/730/2007 għadu ma wasalx biex ineħħi l-istat ta' illegalità li jeżisti fis-sit in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l- ECF 730/07, li kien inħareġ fl-inħawi Tal-Ħlas fil-limiti ta' Ħaż-Żebbuġ għax instab li kien hemm żvilupp mingħajr permess li jikkonsisti minn bini ta' parti mill-ħajt tal-madwar bil-kantun, żewġ strutturi mibnija għaż-żamma ta' l-annimali, xatba tal-metall, kif ukoll struttura oħra tal-bricks li mhux skont il-permess approvat ta' l-2006 (DN662/06), jinsab riferut biex tittieħed Azzjoni Diretta fuqu. L-Awtorità tintervjeni fi żmien opportun f'kunsiderazzjoni ukoll ta' illegalitajiet oħrajn milquta b'azzjoni ta' infurzar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-carnet du chasse, li huwa neċessarju sabiex tiġi mġedda l-liċenzja tal-kaċċa, sal-lum għadu ma ntbagħatx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-MEPA qiegħda tiffinalizza l-Carnet de Chasse ta' l-2010, sabiex dan ikun għand l-applikanti sa Marzu 2010, u għalhekk dawn ikunu jistgħu japplikaw għat-tiġdid tal-liċenzja tagħhom fi żmien xieraq qabel ma jinfetħu l-istaġuni tal-kaċċa u/jew insib.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 13974 u 14486, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dawk l-applikanti li kienet saritilhom il-wegħda li se jitħallsu, humiex se jdumu ħafna biex jitħallsu, ġaladarba l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'għandom l-ebda problema ta' flus? Hemm data fissa ta' ħlas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli li fil-waqt li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiskuża ruħa minħabba d-dewmien fil-ħlasijiet tal-applikazzjoni li saru taħt din l-iskema, l-Awtorità ser tagħmel dawn il-ħlasijiet favur l-applikazzjonijiet approvati sat-3 ġimgħa ta' Marzu 2010.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13782 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jekk it-Tribunal Industrijali huwiex wieqaf? Jekk fl-affermativ, meta waqaf? Hemm xi ħjiel meta dan se jerġa' jibda jiffunzjona?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-Tribunal Industrijali qatt ma waqaf jiffunzjona u s-seduti baqgħu jinżammu regolarment peress li l-Artikolu 73(6) tal-Kap. 452 (Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali) tal-Liġijiet ta’ Malta jipprovdi li persuna li tkun qed isservi ta’ chairperson tat-Tribunal għandha tibqa’ hekk isservi fil-proċeduri li tkun qed isservi bħala chairperson sakemm jintemmu dawk il-proċeduri u għall-fini ta’ l-interpretazzjoni ta’ kull sentenza mogħtija fihom.
Ninsab infurmat li, wara li saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali kif rikjest mill-liġi, iċ-
Chairpersons
ġew maħtura mill-Onorevoli Prim Ministru biex iservu għal perjodu ta’ 3 snin oħra b’effett mit-12 ta’ Novembru 2009.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13538 u jgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet għal turbini tar-riħ
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għal turbini tar-riħ ġew proċessati fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-1999 sal-lum?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet għat-turbini tar-riħ
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mill-applikazzjonijiet għat-turbini tar-riħ ġew aċċettati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ma ġewx aċċettati?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11643 u jgħid minn kienu s-sindki u l-viċi sindki li servew kemm ilhom li ġew imwaqqfa l-kunsilli lokali, lokal b'lokal?
Kunsilli Lokali — impjegati full-time, part-time jew on-contract basis
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-impjegati kollha f'kull kunsill lokali sa l-aħħar ta' Novembru 2009? Kif ġew impjegati ċioe full-time, part-time jew on-contract basis? X'kariga għandhom, x'inhi l-iskala u meta bdew jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-impjegati kollha (minbarra s-Segretarju Eżekuttiv) f’kull Kunsill Lokali sal-aħħar ta’ Novembru 2009. Fil-lista hemm ukoll jekk humiex full-time jew part time, x’kariga għandhom, l-iskala u meta bdew jaħdmu.
Liġi ġdida tal-Kunsilli Lokali — Sejħa għall-offerti
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn meta daħħlet fis-seħħ il-Liġi l-ġdida tal-Kunsilli Lokali liema huma l-kunsilli lokali li ippublikaw f'gazzetta ta' kuljum is-sejħiet għall-offerti u kif ukoll il-kwotazzjonijiet? Fuq liema ġurnali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida tal-Kunsilli Lokali, kważi l-Kunsilli kollha ippublikaw is-sejħiet għall-offerti u kwotazzjonijiet. Il-Kunsilli li għadhom m’għamlux avviż huma:
Il-Birgu, Ħaż-Żebbuġ, Ħ’Attard, Il-Gudja, Il-Gżira, L-Iklin, Ħal-Lija, Paola, Il-Qala, Il-Qrendi, San Lawrenz, Ix-Xgħajra, Iż-Żebbuġ u l-Imtarfa.
Il-liġi tobbliga li l-Kunsilli jippublikaw is-sejħiet għall-Offerti u kwotazzjonijiet f’gazzetta waħda ta’ kuljum skont kif inidkat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Il-gazzetta magħżula għal dan il-għan, li saret wara sejħa għall-kwotazzjonijiet lill-gazzetti kollha ta’ kuljum, hi ‘The Malta Independent’. Barra dan, hemm l-obbligu li l-avviż jinġib ukoll fil-Gazzetta tal-Gvern.