Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #13342 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — ħidma mal-Gvern Ċentrali - laqgħat/ diskussjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12432 u jgħid minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi tal-kunsilli lokali, kemm saru laqgħat/diskussjonijiet/konsultazzjonijiet mal-presidenti eletti tar-reġjuni dwar il-qafas regolatorju ta' kif se jaħdmu mal-Gvern Ċentrali? Min kienu r-rappreżentant tal-Gvern f'dawn il-laqgħat? Meta saret kull laqgħa? X'kienet l-aġenda ta' kull laqgħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12432.
Leg 11 PQ #13343 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — xogħlijiet fuq toroq residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12430 u jikkonferma jekk hux veru li ftit żmien ilu ġie rrappurtat li l-kunsilli lokali ingħataw €4.8 miljun biex jagħmlu xogħlijiet fuq toroq residenzjali, jista' jgħid liema huma dawn it-toroq? F'liema lokalità qegħdin, kemm ġiet tiswa kull triq u fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'kull triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-€ 4.8 miljun li qed isemmi huwa l-ammont allokat lill-Kunsilli Lokali għas-sena finanzjarja 2009-10 għal manutenzjoni tat-toroq. Dan l-ammont huwa parti mill-€ 27,010,000 li tqassam skont il-formula ta’ finanzjament li tinsab fl-Att dwar Kunsilli Lokali. Għall-ewwel darba il-Kunsilli Lokali ġew obbligati illi jonfqu l-ammont li ngħatalhom għal manutenzjoni tat-toroq kollu għal dan l-iskop u ma setgħux jutilzzaw dawn il-fondi għal xi skop ieħor. Il-Kunsilli kienu mitluba jinfurmaw lid-Dipartiment għal Gvern Lokali liema kien dawk it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom li saru jew kienu ser jagħmlu xogħol fuqhom. Ġew identifikati 162 triq li dawn kellhom jitlestew sa’ l-aħħar ta’ din is-sena. Fil-fatt, f’Settembru 2009 kien deher avviż fil-gazzetti lokali kollha bit-toroq li l-Kunsilli Lokali kienu ser jagħmlu xogħol fuqhom matul din is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-avviż fejn juri il-lokalità u t-toroq. L-informazzjoni dwar l-ispiża ta’ kull triq u f’hiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f’kull triq għadha qed tinġabar u tingħata risposta malli l-informazzjoni kollha tkun disponibbli.
Leg 11 PQ #13344 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pjan strateġiku għall-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12427 u jgħid b'liema mod il-Gvern se jgħin lil kull kunsill lokal li jkollu pjan strateġiku sostenibbli għal-lokalità tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għaċ-ċirkulari Memo 11/2009 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għal din is-sena ġew approvati l-applikazzjonijiet ta’ tliet Kunsilli li ġew mgħotija € 25,000 kull wieħed. Dawn kien il-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli, il-Ħamrun u San Lawrenz.
Leg 11 PQ #13974 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — restawrar ta' galleriji

Question

Fl-iskema maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq restawr ta' galleriji magħluqa hemm applikazjonijiet konfermati u li fuqhom sar ix-xogħol iżda għadhom ma tħallsux. Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet li ma tħallsux, kemm jammontaw dawn l-applikazzjonijiet, kemm hu t-total dovut mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u meta se jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taħt l-iskema ta' Jannar 2008 l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irċiviet ’il fuq minn 590 applikazzjoni sabiex isiru xogħlijiet fuq il-galleriji ta' l-injam. Sa l-aħħar ta’ Jannar ġew mħallsa 202 applikazzjoni, hemm 392 applikazzjoni pendenti li minnhom 64 għadhom qed jiġu pproċessati minħabba diversi raġunijiet ta' diskrepanzi fl-applikazzjonijiet milqgħuha. Qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra tabella b'iktar dettalji.
Leg 11 PQ #14682 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — salarji u kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fil-mument kemm huwa numru ta' persuni li jinsabu jaħdmu abbażi ta' kuntratt fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fid-dekasteri li jaqgħu taħtu? X'pożizzjoni jokkupaw u x'salarji u kundizzjonijiet għandhom ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #14726 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex tiġi promossa s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju tal-Prim Ministru permezz tad-Direttorat ta’ l-Employee Relations, jinforma lill-Ministeri kollha rigward korsijiet ta’ taħriġ fuq diversi aspetti dwar is-saħħa u s-sigurtà fejn jiġu mħeġġa biex jinnominaw uffiċjali biex jattendu dawn il-korsijiet. Barra minn hekk, Dipartimenti u Entitajiet f’dan l-Uffiċċju jieħdu inizjattivi fejn isiru laqgħat mall-ħaddiema biex jiġu indirizzati lmenti. Fejn meħtieġ makkinarju jsirlu tibdil neċessarju biex ma jkunx ta’ periklu jew ħsara għas-saħħa ta’ l-impjegati u fejn hemm il-bżonn jinxtara makkinarju biex jonqos ir-riskju għal xi inċident. Fejn qed isir xogħol strutturali dan isir bi skop biex l-uffiċjali jaħdmu f’ambjent sikur u skond standards mitluba mill-liġi. Ma jonqosx l-anqas l-impenn biex kontinwament issir il-provvista għall-ilbies protettiv għall-ħaddiema, servizz ta’ l-ewwel għajnuna u fejn meħtieġ kamra biex jingħata dan is-servizz. Apparti minn dan, ta’ min isemmi li fil-MEPA tabib imħallas mill-Awtorità jkun qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kull impjegat darba fil-ġimgħa biex jiġi kkonsultat dwar il-mard jew xi problema oħra. Darba fix-xahar tabib jagħmel diskussjoni fuq suġġetti varji li jolqtu s-saħħa u l- well being ta’ l-impjegati.
Leg 11 PQ #14874 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bormla — Pjazza Santa Margerita - proġett

Question

Peress li issa għaddew numru ta' snin li kien ippjanat li ssir Public Convenience fi Pjazza Santa Margerita, Bormla , kif ukoll għaddew xhur minn meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat l-istess proġett, jista' l-Prim Ministru responsabbli mill-Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu (li kienet ser tiffinanzja l-proġett) jgħid jekk dan ix-xogħol hux ser ikun lest għas-sajf li ġej jew inkella ser jerġa' jasal sajf ieħor u din l-area tant frekwentata terġa' tibqa' mingħajr dan il-proġett ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-permess għal dan l-iżvilupp għadu ma nħariġx. Malli l-permess jinħareġ, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla jkun jista’ jagħmel l-arranġamenti finanzjarji meħtieġa mal-Awtorità Maltija tat-Turżmu li ser tkun qed tiffinanzja dan il-proġett. Wara tkun tista’ toħroġ is-Sejħa għall-Offerti biex jibda x-xogħol.
Leg 11 PQ #14884 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta u Għawdex — applikazzjonijiet pendenti għal shooting ranges

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14636, 14096, 13257, 12560, 12276 u 11830 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal shooting ranges f'Malta u Għawdex? X'inhi l-policy tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar ix-shooting ranges?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #14957 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

barrieri li jintużaw biex jintrema skart marbut mal-kostruzzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14736 u jgħid jekk hijiex policy tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li barrieri li m'għadhomx jintużaw jiġu użati biex jintrema skart marbut mal-kostruzzjoni? Jista' jgħid ukoll jekk l-Awtorità hijiex responsabbli li tagħmel kontroll ta' dak li jintrema? Jekk fl-affermattiv, kif isir dan il-kontroll? Tinżamm statistika ta' kemm jintrema skart marbut mal-kostruzzjoni f'dawn il-barrieri? Liema huma l-barrieri li f'dawn l-aħħar sentejn qed jintużaw għal dan l-iskop?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għar-rigward ta’ l-ewwel parti tal-mistoqsija, iva, l-policy tal-MEPA tifavorixxi u tippromwovi l-użu ta’ barrieri eżawriti biex la darba ma jibqalhomx materjal għat-tqagħttieh jintużaw biex jerġgħu lura għall-istat oriġinali tagħhom permezz ta’ skart li jiġi ġenerat mill-industrija tal-kostruzzjoni. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, iva, l-Awtorià tagħmel compliance inspections f’barrieri li jkunu ingħataw permess ambjentali biex jirrestawraw il-barriera, biex jiġi aċċertat li qed jintrema biss materjal li hu kopert bil-permess u li l-attività ta’ restawr ma tikkomprometti bl-ebda mod l-integrità ambjentali. Għar-rigward tat-tielet parti tal-mistoqsija, il-kontroll isir permezz ta’ spezzjonijiet kif ingħad fir-risposta għat-tieni mistoqsija. Għar-rigward tar-raba’ parti tal-mistoqsija, iva, kull barriera li għandha permess ambjentali biex taċċetta skart mill-industrija tal-kostruzzjoni hija obbligata li tagħti lil Awtorità statistika ta’ kemm intrema materjal. Għar-rigward tal-ħames parti tal-mistoqsija il-lista ta’ barrieri li huma awtorizzati jaċċettaw skart mill-industrija tal-kostruzzjoni hija ppublikata fuq is-sit eletroniku tal-MEPA u tiġi aġġornata regolarment. Din il-lista tinkludi: Malta HM31 Ta’ Dmejrek l/o Dingli HM15 Wied Filep l/o Naxxar HM22 Wied Filep l/o Naxxar HM33 Għar Lapsi Road, Siġġiewi HM29 Żebbiegħ Road, Mġarr HM35 Ta’ Żuta, Dingli HM3 Wied Inċita, Ħ’Attard HM12 Wied Inċita, Ħ’Attard HM21 Labour Avenue, Naxxar HM09 Ta’ Qaduma, l/o Mġarr HM28 Birguma, Naxxar Għawdex SG06 Wied Merill, San Lawrenz
Leg 11 PQ #15087 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Valletta — World Heritage Site - dokumentazzjoni

Question

Tenut kont dak li l-Gvern kien qal ftit tax-xhur ilu dwar l-istatus tal-Belt Valletta bħala World Heritage Site tal-UNESCO, senjatament fejn kien inqtal li sa Frar li ġej (jiġifieri dan ix-xahar) kellhom jintbagħtu xi dokumentazzjonijiet, jista' l-Prim Ministru jagħti aġġornament tal-pożizzjoni kif inhi preżentament u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni li ntbagħtet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li l-Working Group imwaqqaf speċifikament biex jagħmel ir-rapport dwar l-istat ta’ konservazzjoni (State of Conservation) tal-Belt Valletta ppreżenta, f’Jannar, ir-rapport tiegħu lill-Onor Dolores Cristina, li dak iż-żmien kienet responsabbli għas-settur tal-kultura, ir-rapport imsemmi ntbgħat nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Frar. Kopja ta’ dan ir-rapport qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #12988 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gvern Ċentrali — lista ta' proġetti

Question

Jista' l-Prim Ministu jwieġeb mistoqsija parlamentari 11646 u jagħti lista ta' proġetti kbar li l-Gvern Ċentrali għamel bi sħab mal-kunsilli lokali, lokal b'lokal, fl-aħħar ħames snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni miġbura mill-Kunsilli Lokali għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 11646 u 12988, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba. Ta’ min jinnota illi l-Kunsilli Lokali elenkati hawn taħt naqqsu milli jibgħatu t-tweġiba tagħhom u għaldaqstant ser jeħlu penali skont id-dispożizzjoni tal-liġi: Il-Belt Valletta, L-Imdina, l-Isla, Ħaż-Żebbuġ, Iż-Żejtun, Ħad-Dingli, Il-Gudja, Ħal Kirkop, Il-Mosta, Paola, Ħal Safi, u ix-Xgħajra.
Leg 11 PQ #12992 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — proġetti proposti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11650 u jgħid kemm hemm proġetti proposti mill-kunsilli lokali li qegħdin fid-diskussjonijiet dwarhom mal-Gvern Ċentrali? Jista' jsemmi liema huma dawn il-proġetti u kemm trid flus biex twettaqhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni miġbura mill-Kunsilli Lokali għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 11650 u 12992, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba. Ta’ min jinnota illi l-Kunsilli Lokali elenkati hawn taħt naqqsu milli jibgħatu t-tweġiba tagħhom u għaldaqstant ser jeħlu penali skont id-dispożizzjoni tal-liġi: Il-Belt Valletta, L-Imdina, l-Isla, Ħaż-Żebbuġ, Iż-Żejtun, Ħad-Dingli, Il-Gudja, Ħal Kirkop, Il-Mosta, Paola, Ħal Safi, u ix-Xgħajra.
Leg 11 PQ #12995 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdxin jaħdmu maċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11658, li saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm Għawdxin maċ-Ċivil f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet kien hemm 2989 persuni fis-Servizz Pubbliku li jaħdmu Għawdex.
Leg 11 PQ #12996 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

servizz ta' ħaddiema minn kumpaniji privati lis-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11510 u jgħid f'liema oqsma jixtri s-servizz ta' ħaddiema minn kumpaniji privati sabiex jagħtu s-servizz tagħhom lis-servizz pubbliku? Kemm hemm oqsma differenti li jixtri s-servizzi mingħandhom u kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dawn l-oqsma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #13271 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment għall-Gvern Lokali — skemi u inizjattivi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12029, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memos imsemmija fir-risposta? Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li jagħrblu u jivvalutaw kull skema\inizjattiva tal-kunsilli lokali mad-direttur tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memos kollha li ħarġu in konessjoni mal-iSkemi msemmija fit-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12029. Dwar il-persuni li jagħrblu u jivvalutaw l-iskemi, qed nelenka l-lista tal-membri ta’ kull bord ta’ evalwazzjoni għal kull skema.
Leg 11 PQ #13272 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — formula użata għal kull skema/inizjattiva

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'formula tintuża għal kull skema\inizjattiva biex jintagħżlu l-kunsilli lokali biex jibbenefikaw minn dawn l-iskemi\inizjattivi ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kriterji li abbażi tagħhom jiġu aġġudikati l-applikjazzjonijiet għal kull skema/inizjattiva huma dawk l-istess kriterji msemmija fid-dokument tal-linji gwida maħruġ ma’ kull skema. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li kopji ta’ dawn il-linji gwida tpoġġew fuq il-Mejda b’risposta għal Mistoqsija Parlamentari 13271.
Leg 11 PQ #13273 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Liġi ġdida tal-Kunsilli lokali

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12058, jista' l-Prim Ministru jgħid min kien involut fid-dokument msejjaħ "Politika ta' Malta għal Governanza Lokali 2008"? Min mexxa l-laqgħat u l-konsultazzjoni ma' diversi entitajiet? Finalment min kiteb dan id-dokument? Jista' jpoġġi kopja bil-Malti u bl-Ingliż fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-abbozzar tad-dokument imsejjaħ ‘Politikà ta’ Malta għall-Governanza Lokali 2009’, li qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra, sar minn uffiċjali fis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali flimkien ma’ uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Dan id-dokument ġie mfassal fuq diversi proposti li ġew imressqa waqt il-proċess tat-tiġdid tal-Gvern Lokali, kif ukoll fil-qafas tal-Politikà ġenerali tal-Gvern kif indikat fid-daħla tal-ktejjeb, dan id-dokument jibni fuq is-suċċess miksub wara ħmistax–il sena ta’ Gvern Lokali f’pajjiżna, bil-għan li jiġi assigurat it-twettiq ta’ sistema effettiva ta’ Gvern Lokali li tikkontribwixxi b’mod sħiħ għal ħtiġijiet u aspirazzjonijiet tar-residenti lokali. Dan id-dokument hu mmirat ukoll sabiex il-Kunsilli Lokali jikkontribwixxu għall-viżjoni strateġika ta’ Malta 2015 għal Lokalitatjiet Sostenibbli.
Leg 11 PQ #14272 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Government Scheme for Wooden Balconies — nies li għadhom ma tħallsux għax-xogħlijiet li għamlu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’qed iżomm lill-Gvern milli tramite l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jirrifondi l-ispejjeż li għamlu diversi applikanti dwar il-Government Scheme for Wooden Balconies li ħarġet f’Jannar 2008, li ġiet milqugħa ftit tal-ġimgħat wara, iżda li sal-lum għadhom ma ġewx proċessati minkejja li x-xogħlijiet ilhom li ġew kompluti u l-awtorità għandha d-dokumentazzjoni kollha mitluba mingħand l-applikanti? Jista' jinvestiga ukoll l-ilment li diversi nies li marru l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar spiss ġew infurmati li baqgħalhom x’jistennew biex jinqdew għax għad hemm ħafna każijiet pendenti? Fil-fatt kemm applikaw nies taħt din l-iskema, kemm tħallsu f’reviżjonijiet s’issa bħala somma globali, u kemm hemm każi li għad iridu jiġu proċessati? Kemm kien il- budgetary allocation għal din l-iskema li ħarġet ftit ġimgħat biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali 2008?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14486.
Leg 11 PQ #14770 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

tneħħija tal-gabbani ta' Bieb il-Belt

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-gabbani ta' Bieb il-Belt hux se jitneħħew? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jagħti raġuni għaliex se jitneħħew u meta huwa maħsub li se jitneħħew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-gabbani ser jiġu rilokati fil-post il-ġdid tal-Bus Terminus u dan jiġri meta jiċċaqlaq it-Terminus.
Leg 11 PQ #14882 Sitting 192 2010-03-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Wied Infern - tindif

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14640 u 14231 u jgħid kemm kienet l-ispiża minfuqa biex sar tindif fil-Wied tal-Infern fil-limiti taż-Żebbuġ Għawdex, wara tfiegħ illegali ta' radam f'dan il-wied fl-2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-azzjoni diretta li ħadet il-MEPA sabiex tindirizza ECF 97/07, li kien inħareġ fuq tfiegħ ta’ materjal u llivellar tat-terren f'Wied l-Infern limiti taż-Żebbuġ f'Għawdex, swiet Eur 57,417.66. Din is-somma tħallset lill-MEPA f'Mejju 2008.