Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #14691 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

persuni li tressqu quddiem il-PSC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu quddiem il-Public Service Commission matul l-2009?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi illi b’persuni li tressqu quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal każijiet ta’ uffiċjali pubbliċi li għaddejjin proċeduri dixxiplinarji jew kriminali. Ninsab infurmat illi fi Frar 2000, id-dixxiplina fis-Servizz Pubbliku ġiet delegata lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u għalhekk il-każijiet tad-dixxiplina jkunu trattati fid-Dipartimenti stess. Il-każijiet li jkunu riferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku huma dawn li ġejjin: i) każijiet ta’ uffiċjali pubbliċi li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali, kemm meta jinbeda l-każ kif ukoll meta jkun deċiż mill-Qorti; ii) każijiet ta’ dixxiplina li jkunu jwasslu għat-tkeċċija; iii) każijiet ta’ appelli minn deċiżjonijiet tal-Bordijiet tad-Dixxiplina li jsiru fid-Dipartimenti, liema appelli jsiru kemm mill-uffiċjali akkużati kif ukoll mill-Kapijiet tad-Dipartimenti; u iv) każijiet ta’ tneħħija mill-kariga. L-informazzjoni dwar il-każijiet li tressqu quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fl-2009 tinsab fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #14692 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — każijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa numru ta' każijiet illum quddiem il-Public Service Commission?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi illi b’każijiet quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal każijiet dwar proċeduri kriminali u dawk ta’ dixxiplina. Ninsab infurmat illi sad-9 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kellha quddiemha 55 każ ta’ uffiċjali pubbliċi li għandhom każ kriminali pendenti quddiem il-Qorti. Dawn jiġu deċiżi mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku wara li l-każ ikun deċiż mill-Qorti Kriminali. Sa l-istess data ma kien hemm l-ebda każ ta’ Dixxiplina quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 11 PQ #14693 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjiegi ġodda maċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw impjieg ġdid maċ-Ċivil fl-2009? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? F'liema ministeri u dekasteri ġew impjegati u x'pożizzjoni għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2009, ġew impjegati 1244 persuna mas-Servizz Pubbliku – 425 irġiel u 819 nisa. Dettalji tal-Ministeri u d-Dipartimenti li ġew impjegati fihom, kif ukoll il-gradi ta’ dawn il-persuni jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jgħid ukoll illi matul l-istess perjodu, 1326 persuna – 851 irġiel u 475 nisa, temmew l-impjieg tagħhom minn mas-Servizz Pubbliku.
Leg 11 PQ #14694 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

sejħiet għall-impjegati ġodda maċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa l-pjan tal-Gvern li joħorġu sejħiet għall-impjiei ġodda maċ-Ċivil matul din is-sena? F'liema dekasteri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li sejħiet għall-impiegi ġodda maċ-ċivil sabiex jimtlew postijiet u pożizzjonijiet joħorġu kontinwament skont il-ħtieġa. Dawn is-sejħiet ikopru d-dekasteri kollha. Fil-fatt, għal-benefiċċju ta’ l-Onorevoli Interpellant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-sejħiet għall-impiegi ġodda (minn barra) li ħarġu matul l-2009 u Jannar 2010. Oltre dan, kif jaf hu tajjeb l-Onorevoli Interpellant tħabbar li ser isir ukoll l-eżami għall-skrivani.
Leg 11 PQ #14766 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — skema finanzjarja msejħa Għajnuna lill-Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma meta approva l-iskema finanzjarja msejħa Għajnuna lill-Kunsilli Lokali sabiex jippreparaw rapporti dwar proġetti ta’ ċertu kobor li jkunu proposti li jsiru fil-lokalità tagħhom? Meta ġiet fis-seħħ? Meta ġew mgħarrfa formalment il-kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex? Meta applika l-kunsill lokali tal-Qala? Il-kunsill lokali tal-Qala qatt tħallas taħt l-iskema jew le, dan aktar u aktar billi fil-gazzetta "The Times" ta' 9 ta' Ġunju, 2008 intqal li l-kunsill lokali tal-Qala kienu tħallsu taħt din l-iskema? Kemm kien hemm talbiet oħrajn pendenti? Kemm minnhom ġew aċċettati? Kemm minnhom ġew rifjutati u liema kienu fiż-żewg każi? Inkisbet awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi qabel ma inħarġet din l-iskema u jista' jgħid jekk għadhiex fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-matul l-2008 ma ġiet imnedija l-ebda skema mid-Dipartimenat għall-Gvern Lokali, filwaqt li fl-2009 l-iskemi kienu: 1. Attivitajiet Kulturali; (2) Energy Saving ; (3) Inizjattivi Sportivi; (4) Proġett pilota għal lokalitajiet sostenibbli; (5) Aċċessibiltà; (6) Fondi Speċjali għal-lokalitajiet bi bżonnijiet speċjali; (7) Green Challenge Award/Local Enterprise Scheme ; (8) Premju Lokalitajiet Indaf u (9) Fondi speċjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-‘iSkema dwar Strateġiji dwar Żvilupp Sostenibbli’, li kienet l-unika skema dwar studju mill-Kunsilli Lokali u li għalihom ingħataw fondi, il-Kunsill Lokali tal-Qala ma applikax taħt din l-iskema, u naturalment ma ngħata l-ebda fondi. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika b’mod konkret għall-liema skema qed jirreferi.
Leg 11 PQ #14790 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Kampjuni u testijiet ta' trab iswed

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12216, kif wkoll għar-rapport dwar it-trab l-iswed li l-Prim Ministru poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fi tmiem id-dibattitu parlamentari dwar il-Budget 2010, jista' l-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra : - Meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar daħlet f’negozjati mal-Prof. Alfred J. Vella mill-Università ta’ Malta (skond item 3 tal-konklużjoni tar-rapport) biex jassisti lill-awtorità fl-investigazzjonijiet li kien baqa x’isiru? - Billi fl-istess rapport tal-awtorità intqal li l-awtorità kienet qed tistenna l-proposta dettaljata tal-Prof Vella dwar dawn l-investigazzjonijiet, jista' jgħid jekk u meta waslu dawn il-proposti u fiex kienu jikkonsistu? - Meta mistennija jingħataw il-pariri lill-Awtorità dwar dan? - L-Awtorità irnexxielha tikseb depożiti ta’ trab iswed adegwati biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa, aktar u aktar meta deputat tan-naħa tal-Gvern stess offra li jgħin f’dan ir rigward permezz ta’ trab iswed mill-ġnien tiegħu privat? - Liema laboratorju bħalissa qed jagħmel it-testijiet meħtieġa? - Dan jinsab Malta jew barra l-pajjiż? - Għaliex intgħażlet biss il-lokalità tal-Fgura għall-kampjuni meta kien hemm lokalitajiet oħrajn milqutin mill-problema? - Hemm xi data indikattiva li fiha il-Kamra għandha tistenna li jkollha rapport konklużiv dwar dawn l-investigazzjonijiet li ilhom jkaxkru is-snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Novembru 2009 saret laqgħa mal-Prof Vella fejn ġiet diskussa din il-problema. Il-Prof Vella qabel li jgħin lill-MEPA taħdem fuq din il-problema u kellu jibgħat il-proposta tiegħu bil-miktub. Il-MEPA għada qed tistenna din il-proposta. Milli jidher u skont ma infurmawna r-residenti li joqgħodu fil-madwar, il-problema tal-iddepożitar tat-trab l-iswed ittafiet bil-bosta, fil-fatt il-MEPA ilha ma tirċievi ilmenti fuq dan, dan jixdhu wkoll il-fatt li ftit li xejn qed jiddepożita trab fis-samplers li installat il-MEPA. Il-MEPA taċċetta biss kampjuni ta' trab li jkunu nġabru skont metodu simili għall-BS 1747. Ma jistgħux jiġu aċċettati kampjuni li jkunu nġabru mod ieħor (per eżempju billi jinkines ġnien), u s'issa b'dan il-metodu mhux qed jinġabar biżżejjed trab. Rigward il-laboratorju li ser jintuża, huwa prematur li l-MEPA tgħid fejn ser jintbagħtu dawn il-kampjuni. Li nistgħu ngħidu huwa li għandna kuntatt ma’ żewġ laboratorji wieħed fl-Awstrija (il-laboratorju tal-Aġenzija Federali għall-Ambjent) u l-ieħor fir-Renju Unit (ALControl). Dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi tagħna. Kif ikollna l-kampjuni nqabblu l-prezzijiet u niddeċiedu fejn sejrin dawn il-kampjuni. Inizjalment il-MEPA ikkonċentrat fuq il-Fgura sempliċiment għaliex il-maġġoranza tal-ilmenti oriġinaw minn hemm, pero’ il-MEPA bi ħsieba tinstalla is-samplers f'Paola, Sta Luċija u Tarxien ukoll. Mhux possibbli li tingħata data meta ser ikun hemm rapport konklussiv. Li nistgħu ngħidu huwa li ż-żewġ laboratorji li tkellimna magħhom huma committed li sa tlett ġimgħat wara li jkunu rċievew il-kampjuni, jkunu bagħtulna ir-riżultati, pero’ s'issa l-ammont ta' trab li nġabar huwa negliġibbli u m'huwiex prevvist li din is-sitwazzjoni ser tinbidel sakemm ma jerġgħax ikun hemm episodji ta' dust soiling bħalma ġew irrapurtati f'Awissu li għadda.
Leg 11 PQ #14850 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — lista ta' tenders u direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14474 u jagħti lista tat-tenders u direct orders li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f'din l-aħħar sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #14925 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema ta' sussidju fuq ta' irranġar ta' gallariji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W27, issa li għadda sew iż-żniem, jista' l-Prim Ministru jara li jinħarġu l-flus tas-sussidju tal-gallariji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15104.
Leg 11 PQ #14995 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Interim From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpaniji/individwi — impjieg ta' nies b'paga baxxa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm minn Ġunju 2009 fejn kumpaniji/individwi nqabdu jimpjegaw nies u jħallsuhom b'anqas mill-paga minima? Jista' jgħid liema kienu u x'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15004 Sitting 195 2010-03-03 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema jirreġistraw bħala self employed

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed isir mill-Gvern biex ħaddiema ma jispiċċawx jitilfu drittijiet u benefiċċji li jkunu intitolati għalihom bil-liġi, minħabba li jiġu mġiegħla jirreġistraw bħala self employed? Jikkonferma li din il-prattika mhix tiġi wżata għall-impjiegi anke mal-Gvern stess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg jagħmluha ċara li mpjegat ma jistax jiġi imwaqqaf mix-xogħol ħlief f’każ ta redundancy jew għal raġunijiet ġustifikabbli. Għalhekk, min iħaddem ma jistax iwaqqaf impjegat minħabba allegat nuqqas ta’ xogħol imma fl-istess waqt juża’ s-servizzi ta’ l’ex-impjegat biex dan jagħmel l-istess xogħol bħala self-employed . F’każ li jiġri dan, l-impjegat li twaqqaf mix-xogħol jista’ jressaq il-każ tiegħu quddiem it-Tribunal Industrijali u jallega li l-waqfien mill-impieg kien wieħed inġust. Jekk it-Tribunal isib li r-raġunijiet tal-ilment ikollhom bażi, jista’ jordna li l-impjegat jerġa’ jidħol fl-impieg jew jingħata kumpens. Jekk pero, ikun hemm qbil bejn il-partijiet li jiftehmu li jħollu l-kuntratt tal-impieg u jidħlu f’arranġamenti oħrajn, li jinkludu li jiġu offruti servizzi bħala self-employed , dan mhux kontra l-liġi. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li impjegati mal-Gvern jiġu maħtura jew ingaġġati fi grad jew pożizzjoni fuq kuntratt indefinit jew definit, permezz ta’ proċess ta’ għażla wara l-ħruġ ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet. F’każijiet fejn jippersisti nuqqas ta’ riżorsi umani, ċerti drabi jiġu ingaġġati persuni fuq kuntratt għall-servizz ( contract for service ) biex ma jbatux is-servizzi fis-settur konċernat.
Leg 11 PQ #13356 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — impjegati full-time - informazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad li hemm xi kunsilli lokali li għandhom magħhom impjegati full-time li għall-post tagħhom ma ħarġitx sejħa interna la mal-kunsilli lokali, la mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u lanqas saret sejħa pubblika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li kull meta, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien jaf b’xi każ fejn Kunsill ma mexiex mar-Regolamenti u l-proċeduri applikabbli dejjem ittieħdu passi biex tali irregolarità tiġi rimedjata jew regolarizzata.
Leg 11 PQ #13357 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — informazzjoni fuq l-impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li għandu jaħdmu miegħu impjegat/i li suppost iddaħħlu bħala part-timers u spiċċaw bħala full-timers bla ma ħarġet sejħa uffiċjali għal dan? Kif ġie stabbilit il-ħlas ta' dan/dawn l-impjegat/i u f'liema skala qegħdin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li kull meta, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kien jaf b’xi każ fejn Kunsill ma mexiex mar-Regolamenti u l-proċeduri applikabbli dejjem ittieħdu passi biex tali irregolarità tiġi rimedjata jew regolarizzata.
Leg 11 PQ #13358 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — kiri ta' biċċa art pubblika

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x' inhi l-proċedura biex kunsill lokali jikri jew jagħti biċċa art pubblika lil entità jew kumpanija privata biex jagħmlu attività li minnha jkun hemm qligħ għall-istess entità? Jista' jgħid ukoll jekk dan hux permess skond il-liġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Kunsill jista’ biss jikri proprjetà pubblika jekk l-amministrazzjoni ta’ dik il-proprjetà tkun ġiet delegat lilu mit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern permezz ta’ kuntratt. Il-pattijiet u kundizzjonijiet tal-kirja (sullokazzjoni) iridu jkunu konformi ma’ dawk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt li l-Kunsill ikun iffirma mat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern. Dan ifisser li sakemm Kunsill jissoluka skont it-termini tal-kuntratt mat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern, tali arranġamenti hu wieħed legali.
Leg 11 PQ #14454 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Air Monitoring Stations

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija ftit jiem ilu dwar Air Monitoring Stations, fid-dawl li dawn l-Air Monitoring Stations huma scientific tools ta' ċertu kalibru, u l-fatt li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mhux qed tuża dawn l-istess mezzi biex tgħinha ssib sorsi ta' pollution, fosthom it-trab iswed, jista' l-Ministru jgħid x’għodda u sistemi aktar avvanzati minn dawn l-istazzjonijiet qed tuża l-awtorità u/jew entitajiet oħrajn biex jidentifikaw is-sors tat-trab iswed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-ewwelnett għandu jiġi ċċarat x'inhi il-funzjoni tal-fixed station network tal-MEPA. Dawn l-istazzjonijiet mhux qegħdin hemm sabiex il-MEPA tkun tista' tfittex is-sorsi ta' inkwinament u fil-verità mhux teknikament possibbli li jintużaw dawn l-istrumenti sabiex jiġu identifikati dawn is-sorsi. L-għan ta' dawn l-istazzjonijiet huwa li jieħdu kampjun rappreżentattivi ta' areas differenti bħal per eżempju siti li minnhom jgħaddi ħafna traffiku, siti rurali jew siti urbani u b'hekk il-MEPA tkun tista' tassessja għall-konformità mal-valuri limitu stipulati fid-Direttivi dwar il-kwalità tal-arja. Rigward il-problema tat-trab l-iswed, l-eżami permezz tal-i scanning electron microscope wera li t-trab l-iswed li kien qed jaqa' fuq in-nofs ta' nhar ta' Malta fil-bidu ta' Awissu 2009 huwa magħmul minn partiċelli li d-daqs tagħhom huwa bejn wieħed u ieħor 100-120 micrometru. L-istrumenti li jkejjlu l-ammont ta' trab fl-arja, jkejjlu biss it-trab fin jiġifieri 10 micrometri jew anqas, għaliex dan it-tip ta' trab (għall-kuntrarju tat-trab ta' daqs ikbar) jibqa’ fl-arja għal ħin twil u huwa meqjus bħala dannuż għas-saħħa. Ta' min jgħid ukoll li Direttiva 1999/30/EC tobbliga lill-Istati Membri li jkejjlu t-trab ta' 10 micrometri jew anqas. Malta nkejjlu dan it-tip ta' trab kif ukoll it-trab ta' daqs 2.5 micrometru jew anqas (li huwa kapaċi jidħol fis-sistema tad-demm). Sabiex jiġi identifikat is-sors ta' dan it-trab l-iswed, jeħtieġ li jinġabar kampjun ta' dan it-trab permezz ta' metodu simili għall-BS1747 jew VDI 2119(simili għall-metodu li ntuża fl-iStacey Report) imbagħad dan it-trab li jinġabar tkun trid ssirlu analiżi li tistabilixxi s- size distribution tiegħu u analiżi kimika skond CEN standards għall-ċerti tipi ta' metalli fosthom anki metalli tqal, l-analiżi għandha ssir preferibbilment minn laboratorju akkreditat għal dawn it-testijiet msemmija. Peress li l-problema ittaffiet bil-bosta, mill-aħħar ta' Awissu ’l hawn għadu ma nġabarx l-ammont ta' trab li ntalab mill-laboratorju fejn ser ssir l-analiżi sabiex ikunu jistgħu jsiru dawn it-testijiet. Fil-fatt l-ammont ta' trab li nġabar permezz tal-metodi msemmija huwa negliġibbli.
Leg 11 PQ #14746 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13685 u ċioe: billi dan l-aħħar poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ internal email tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn deher ċar li l-Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar kien irrikkmanda li m'għandhom isiru ebda kuntatti diretti mal-Uffiċċju tal-Awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Prim Ministru jirrikonċilja dan ma' tweġiba parlamentari preċedenti fejn ingħatajt x’nifhem li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qatt ma kienet ħarġet struzzjonijiet simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #14958 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — membri tal-bord

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14735 u jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Meta ġew maħtura u lil min jirrapreżentaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Leg 11 PQ #15161 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Interim From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — applikazzjonijiet għal bini ġdid f'Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal bini ġdid f’Għawdex kull sena mill-1999 ‘l hawn? Jista’ jgħid kemm applikazzjonijiet għal bini ġdid f’Għawdex ġew approvati kull sena mill-1999 ‘l hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15179 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

persuni li applikaw għall-eżami taċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw biex joqogħdu għall-eżami taċ-ċivil li sar dan l-aħħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant rigward il-proċess ta’ għażla li qed isir għall-iskrivani fis-Servizz Pubbliku huwa hekk:- Applikaw 862 Mhux eliġibbli 7 Qagħdu għall-eżami 756 Assenti 99
Leg 11 PQ #15180 Sitting 194 2010-03-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi mill-Unjoni Ewropea biex jitjiebu s-sistemi tal-ilma tal-lukandi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' lukandi u stabilimenti turistiċi oħra li talbu li jingħataw xi forma ta' għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea, biex ikunu jistgħu jtejbu s-sistemi ta' l-ilma tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Taħt l-ewwel sejħa ta’ l-iskema għall-proġetti ta’ Turiżmu Sostenibbli l-istabbilimenti li applikaw għall-għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jtejbu s-sistemi ta’ l-ilma huma: · Kempinski San Lawrenz (lukanda) · Island Group Ltd (lukandi) · Cutalex Ltd (guesthouse) · Alex P. Cutajar (restaurant) · Suncrest (lukanda) · Holiday Resort (lukanda) Minn dawn l-istabbilimenti Kempinski San Lawrenz u Island Group Ltd ġew allokati l-fondi. Taħt it-tieni sejħa ta’ l-iskema dawn huma l-istabbilimenti li applikaw għall-fondi: · Stivala Operators (lukanda) · Kitchen Concepts (restaurant) · Calypso Hotel (lukanda) · Connection Caterers (restaurant) · Leisure and Theme Park (stabiliment turistiku) · Education Ltd (skola ta’ l-ingliz) · Sunny Coast (lukanda) · Hotel Xlendi (lukanda) · Westminster Properties (lukanda) L-evalwazzjoni tat-tieni sejħa għadha qed issir.
Leg 11 PQ #12997 Sitting 193 2010-03-02 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdxin li jaħdmu Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11657, li saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm Għawdxin li jaħdmu f'xi dipartiment f'Malta? Kemm minnhom jixtiequ li jmorru jaħdmu f'Għawdex? Kemm huwa ppjanat li dawn se jdumu biex jagħmlu dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar tas-sena l-oħra, kien hemm 1,111 persuni li jgħixu b’mod permanenti f’Għawdex iżda jaħdmu f’xi Dipartiment f’Malta. Minn dawn, 890 huma fi gradi li jistgħu jintbagħtu jaħdmu Għawdex. Billi ċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-persuni jistgħu jinbidlu, huwa diffiċli tgħid bl-eżatt kemm minnhom jixtiequ li jmorru jaħdmu f’Għawdex meta jmisshom. L-Onorevoli Interpellant għadnu jkun assigurat li kif fil-passat reċenti telgħu mijiet ta’ ħaddiema Għawdxin lura lejn Għawdex, hekk ser jibqa’ jiġri fil-futur kull meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jirrikjedu.