Legislature:
Category:
Reset
Active:

operazzjonijiet tal-kataretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' liema klinċi privati sar kuntratt biex jsiru operazzjonijiet tal-kataretti? Fuq liema bażi ntagħżlu? Kull klinika, kemm hi obbligata li tagħmel operazzjonijiet fl-ewwel sena? L-2,500 operazzjoni li huma mistennija li jsiru fl-ewwel sena, kemm se tkun l-ispiża totali biex isiru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kuntratt biex isiru operazzjonijiet tal-katarretti saru mas-St. James Capua u St. Anne’s Clinic. Dawn intagħzlu fuq bażi ta’ “Expression of Interest”. Is-St. James Capua huma obbligati li jaghmlu 1,500 operazzjoni filwaqt li St. Anne’s Clinic huma obligati li jagħmlu 1,000 operazzjonijiet fis-sena. L-ispiża għall-2,500 operazzjoni li mistennija jsiru fl-ewwel sena ser tkun tiswa sitt mija u tnejn u sittin elf u ħames mitt Ewro (€662,500.00).

Ħ'Attard — ħinijiet tal-berġa

Question

Jista' l-Ministru jħeġġeġ lil min huwa responsabbli biex il-klinika ta' Ħ'Attard magħrufa bħala l-berġa ta' dan il-lokal, jingħata lilha iktar ħin ħalli iktar pazjenti jkunu jistgħu jinqdew minn din il-berġa, fid-dawl li l-popolazzjoni ta' nies anzjana f'dan il-lokal qed tiżdied?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Primarja minn żmien għall-ieħor, jagħmel Audit fuq il-bereġ kollha biex jara li d-domanda/servizz provdut huwa bilanċjat u aċċettabli biex b’hekk ma jkunx hemm la ħela ta’ riżorsi umani u lanqas dewmien żejjed biex klijent jinqeda. Fil-preżent, fil-berġa ta’ Ħ’Attard, in- Next Available Appointment għal riċetta normali li sservi minn xahrejn sa erba’ xhur, huwa ta’ 60 ġurnata, biżżejjed biex pazjent jinqeda sew sakemm jasal biex jerġa jagħmel riċetta oħra għall-pilloli. Min ikollu bżonn jinqeda urġenti dan kważi dejjem jiġi moqdi dik il-ġurnata stess wara li t-tabib jara n-nies li jkollu bl-appuntament. Barra minn hekk dawk li ma jkollhomx bżonn appuntament daqshekk urġenti, jingħataw appuntament viċin fiż-żewġ extra sessions li jsiru fil-berġa ta’ Ħ’Attard kull xahar.

Sptar Mater Dei — customer care - ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29988 u jgħid kemm daħlu ilmenti fil-customer care tal-Isptar Mater Dei? X'inhuma l-ilmenti l-aktar li kien hemm għas-sena 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2011 sad-9 ta’ Novembru 2011, il-Customer Care Unit tal-iSptar Mater Dei rċieva ħamest elef u tmintax-il (5,018) ilment jew 0.052% tas-servizzi li ngħataw matul dan il-perjodu li jammontaw għal disa’ miljun, sitt mija u wieħed u sittin elf, erba’ mija u wieħed u tletin (9,661,431). 99.2% ta’ dawn il-każijiet ġew magħluqa, filwaqt li l-bqija (0.8%) għadhom pendenti. L-akbar ammont ta’ lmenti ġie reġistrat għal dewmien ta’ appuntamenti li jingħataw mid-Dipartiment tal- Out Patients (33%), segwit minn ilmenti dwar appuntamenti fid-Dipartiment tal- Out Patients li jkollhom ħin ta’ stennija twil (5.3%) u lmenti dwar files li ma nstabux malajr (4%).

spezzjonijiet fuq laħam li jiġi minn barra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jwettaqx spezzjonijiet fuq laħam li jinġieb fis-suq lokali minn barra l-pajjiż biex jiġi assigurat li dan il-laħam ma jkollux fih elementi li jistgħu jqarrqu bil-konsumatur li jista' jixtri tali laħam?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li spezzjonijiet fuq konsenji ta’ laħam li jiġu mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq dawk li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea, jsiru b’mod regolari. Skont l-Att dwar is-Sigurta` fl-Ikel 2002, kif ukoll skont ir-Regolamenti dwar Twaħħil ta’ Tikketti, Preżentazzjoni u Riklamar t’Oġġetti tal-Ikel, kull prodott ippakkjat għandu jkollu tikketta bil-partikolaritajiet kif inhu preskritt fl-imsemmija Regolamenti. (Avviż Legali Nru 483 tal-2004) Fil-każ ta’ prodotti tal-ikel li ġejjin mill-Unjoni Ewropea, l-ispezzjonijiet isiru meta dawn jaslu Malta u l-istess l-ispezzjonijiet isiru minn tim ta’ uffiċċjali li ġejjin mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, uffiċċjali mid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji, uffiċċjali tad-Dwana kif ukoll il-Pulizija. Rigward prodotti tal-ikel li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, l-ispezzjonijiet ta’ dawn il-prodotti jsiru qabel ma jkunu rilaxxati mid-Dwana. Jittieħdu passi skont kif titlob il-liġi fil-każ li t-tikketta tal-prodott ma tikkonformax mar-regolamenti msemmija.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — nefqa globali fuq mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-mobile phones(kemm xiri kif ukoll it-telefonati) għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-nefqa globali fuq mobile phones fil-Ministeru għas-Sahha, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’, bejn l-aħħar ta’ Settembu 2010 u l-aħħar ta’ Settembru 2011 kienet ta’ erba’ u sebgħin elf, tlett mija u disa’ u tletin Ewro (€74,339.00).

Operazzjonijiet fi sptar privati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-operazzjonijiet li qed isiru fil-privat, minflok fl-Isptar Mater Dei, sal-lum? Kemm saru sal-aħħar ta' Novembru operazzjonijiet fl-isptarijiet privati b'riżultat tal-ftehim mal-privat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx operazzjonijeit oħra li hu mistenni li jibdew isiru fil-privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-operazzjonijiet li qed isiru fil-privat, minflok fl-isptar Mater Dei huma dawk tal-Katarretti. Sa l-aħħar ta’ Novembru ġew invoiced 310 operazzjoni. Filwaqt li bħalissa m'hemm ebda sejħa għall-offerta miftuħa biex isiru operazzjonijiet oħra fil-privat, il-Gvern ser jiffoka fuq operazzjonijiet tal-hip replacements u dan skont kif ġie mħabbar fl-aħħar budget.

Sptar Mater Dei — speċjalisti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' tobba li qed jaħdmu fl-isptarijiet tal-Gvern? Kemm hu n-numru ta' speċjalisti li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, skont l-ispeċjalizazzjoni tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tas-Saħħa — żieda fil-budget - ftuħ ta' kliniċi 24 siegħa kuljum

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jżid il-budget tiegħu d-Dipartiment tas-Saħħa sabiex ikunu jistgħu jibdew jaħdmu miegħu aktar ħaddiema ħalli l-kliniċi jkunu jistgħu jżidu s-servizzi għal 24 siegħa kuljum? Liema servizzi l-Ministru jrid li jibdew jingħataw 24 siegħa kuljum mill-polikliniċi tagħna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

każ ta' anzjana biex tmur f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tixtieq tidħol fid-Dar tal-Anzjani u saħansitra s-social worker mar iżurha ġod-dar tagħha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat fit-28 ta’ Ottubru 2011. Ir-Rapport tas-social workers sar fis-17 ta’ Novembru 2011 u l-applikazzjoni dehret quddiem il-Bord tal-Ammissjoni fl-24 ta’ Novembru 2011 u ġiet approvata bħala high priority għad-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa. B’hekk din l-applikazzjoni qiegħda fuq il-lista ta’ stennija skond il-mertu tal-każ.

persuna li tilfet l-irċevuta ta' kiri ta' apparat

Question

Jista' l-Minstru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li kellha kiri ta' apparat imma peress li tilfet l-irċevuta ma tistax tieħu flus lura tagħhom? Jista' jara kif din il-persuna tista' tieħu l-flus lura?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dan il-każ jirrigwarda l-anzjan li tilef ir-riċevuta li kienet ingħatat lilu mill-loans section ta' Mater Dei fuq bastun. L-imsemmi klijent ġie misluf dan il-bastun f’Ġunju tal- 2010 u li suppost ġie rritornat lura bir-riċevuta tal-flus tad-depożitu fuq dan l-apparat. Ta’ min wieħed jinnota li fuq l-istess riċevuta provduta mill-isptar hemm miktub ċar li d-depożitu ma jistax jingħata lura jekk il-klijent ma jippreżentax din ir-riċevuta meta jinqeda mill-apparat li jkun misluf lilu.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — nefqa globali fuq stationeries

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għal stationeries għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-nefqa globali fuq stationeries mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ għall-perjodu mill-aħħar ta’ Settembru 2010 sal-aħħar ta’ Settembru 2011 kienet ta’ sitt mija u tlett elef, tlett mija u disa’ u disgħin Ewro u sitta u disgħin ċenteżmu (€603,399.96).

Sptar Mater Dei — pazjenti fl-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-medja ta' sigħat fl-emerġenza wara li pazjent/a jkun diġà ġie deċiż li jiġi/tiġi mdaħħla f'sala fl-istess Sptar Mater Dei? Kif tvarja din il-medja fid-diversi oqsma differenti għall-adulti/tfal/irġiel/nisa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tfal jiddaħħlu fis-sala indikata lilhom mill-ewwel għax m’hemmx iffullar f’dawn is-swali. Għar-rigward l-adulti, irrispettivament ikunux nisa jew irġiel, bejn it-Tnejn u s-Sibt filgħodu, l-istennija tiddependi fuq l-urġenza tal-każ. Każi urġenti ħafna, bħal dawk li jkollhom bżonn kura intensiva, jiddaħħlu mill-aktar fis possibli. F’każijiet oħra, meta jiġi deċiż li l-pazjenti għandhom jiddaħħlu fi swali oħra inqas intensivi, l-istennija għandha tendenza tkun itwal minħabba l-problema tal-iffullar f’dawn is-swali. Għaldaqstant parti mill-emerġenza ġiet addattata biex tilqa’ dawn il-pazjenti bħala sala temporanja magħrufa bħala holding area , sakemm jinħoloq l-ispazju neċessarju fis-sala ndikata lill-pazjenti. Sadanittant, il-kura tibda tingħata fl-istess holding area . F’dawn il-każi, pazjent jista’ jqatta’ medja ta’ ħdax-il siegħa sa massimu ta’ ġurnata, filwaqt li bejn is-Sibt wara nofs in-nhar u t- Tnejn filgħodu, u fil-festi pubbliċi, l-perjodu li pazjent iqatta f’din is-sala jista’ jtul sa massimu ta’ jumejn. Kif jitbattlu sodod fis-sala ndikata, dawn il-pazjenti jkunu jistgħu jkomplu l-kura tagħhom f’din is-sala.

Każijiet tas-saħħa minħabba l-bexx fuq frott u ħxejjex

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx rapportat xi każ ta' persuni li ddaħħlu l-Isptar għaliex kielu frott u ħaxix li kien għadu kemm ġie mbexx matul is-snin 2008, 2009 u 2010? Kemm hi l-gravità u theddida għas-saħħa tal-bniedem jekk jiekol frott u ħaxix li jkun għadu kemm ġie mbexx?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li, skont il-Hospital Activity Analysis Register tal- Isptar Mater Dei, in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu l-isptar minħabba f’avvelenament b’pestiċida fis-snin imsemmija kien hekk: 2008 2009 2010 1 2 3 Ta’ min jinnota li dawn il- każijiet kienu minħabba f’inġestjoni diretta tal-pestiċida u mhux minħabba f’inġestjoni ta’ frott u ħaxix li kien għadu kemm ġie mbexx. Il-kontroll tal-bexx, li jintuża fuq ħaxix jew frott jaqa` taħt ir-responsabbilità tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għaldaqstant jekk tali pestiċida/bexx ikun legali u jintuża skont il-pesticide safety sheet, ma jkun hemm l-ebda riskju għas-saħħa peress li jkunu diġà saru diversi studji qabel ma dawn ikunu approvati għal tali użu.

Bereġ Tal-Gvern — ECG Technicians, radiographers, nurses u staff ieħor

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-full complement tal-istaff li għandu bżonn fil-bereġ tagħna bħal ECG Technicians, radiographers, nurses u staff ieħor biex il-kliniċi tas-saħħa jkunu jistgħu joperaw 24 siegħa kuljum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Tnaqqis tal-operat tal-kliniċi tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern biddilx il-politika tiegħu dwar iċ-Ċentri tas-Saħħa, għaliex sa ftit żmien ilu kienet qed tingħata l-impressjoni li l-Gvern irid inaqqas l-operat tal-kliniċi tas-saħħa wara l-5.00pm?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-sena 2009, kien intlaħaq ftehim mal-Assoċjazzjoni Medika dwar il-ħinijiet tal-ftuħ taċ-ċentri tas-saħħa skont il-komplement tal-istaff mediku. Il Gvern huwa kommess illi jifrex is-servizz fejn hemm bżonn dejjem u fl-istess ħin jissalvagwardja li s-servizz isir sew. Il-Gvern mhuwiex qed inaqqas is-servizzi, anzi se jkompli jinvesti sabiex ikun hemm tliet ċentri tas-saħħa attrezzati b’mod modern u joperaw erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

Sptar San Luqa — tfal li attendew iċ-Child Guidance Clinic

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni (tfal) li attendew għal xi sessjoni fiċ-Child Guidance Clinic tal-Isptar San Luqa, matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kif jitqabbel dan in-numru man-numri tat-tliet snin preċedenti, għall-istess xhur? Jekk il-Ministeru jżomm records tal-lokalitajiet li minnhom ġejjin dawn it-tfal, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni lokalità lokalità, għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kartuna r-Roża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29983 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kartuna r-roża?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Blood Glucose Strips

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-blood glucose strips jibdew jingħataw lill-persuni kollha li jbatu bid-diabetes?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fir-reviżjoni tal-kura tad-dijabete ġie deċiż li jitneħħa l-limitu tal-età ta’ 35 sena fuq l-għoti tal-blood glucose strips. Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mis-sena d-dieħla meta r-riforma tal-Ħames Skeda tibda l-proċess t’implimentazzjoni b’mod uffiċċjali.

Care workers li jaħdmu sptarijiet — tilqima għall-Hepatitis B

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk care workers li jaħdmu fl-isptarijiet humiex rakkmandati li jiġu mlaqqma għall-Hepatitis B? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid hux se tingħatalhom mill-gvern, mill-kuntrattur jew hux se titħallas mill-impjegati nfushom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li huwa irrikkmandat li l-istaff li jaħdmu fl-isptarijiet jiġu mlaqqma’ għall-Hepatitis B. It-tilqima dejjem tingħata b’xejn lill-istaff, inklużi care workers, kemm dawk impjegati mill-gvern u anke dawk impjegati minn kuntratturi. Fil-każ ta’ care workers impjegati minn kuntrattur, it-tilqim jitħallas mill-kuntrattur u mhux mill-care worker.