kundizzjonijiet tal-care workers li jaħdmu mal-kuntratturi — rapport
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport wasal għand id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali matul dawn l-aħħar ħames snin dwar il-kundizzjonijiet tal-care workers li jaħdmu mal-kuntratturi? X'azzjoni ħa dan id-dipartiment? X'rimedju ngħata lill-ħaddiema involuti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — kwestjoni dwar kors tas-social worker
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' arrangament għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ mad-dipartiment tal-anzjani li jorganizza l-kors ta' social assistants u li fl-aħħar tal-kors jintbagħtu jaħdmu 187 siegħa ta' xogħol b'xejn fir-Residenza San Vinċenz de Paule u jitħallew jibqgħu jirreġistraw? Tista' l-Ministru tispjega kif meta fis-settur privat, xi ħadd jimpjega bi prova, l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ taqta' minn fuq il-kotba tar-reġistrar il-persuna jew persuni li jaħdmu bi prova? Għaliex din id-differenza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma għandha l-ebda tip ta' arrangament dirett mad-dipartiment tal-anzjani li jorganizza l-kors ta' social assistants u li fl-aħħar tal-kors jintbagħtu jaħdmu 187 siegħa ta' xogħol b'xejn fir-Residenza San Vinċenz de Paule u jitħallew jibqgħu jirreġistraw
Kull min jaħdem bi qliegħ (anke jekk huwa xogħol ta' ftit siegħat) hekk kif stabbilit bl-Avviż Legali numru 110/1993 m'għandux jibqa jirreġistra għax-xogħol u għandu jieqaf mir-reġistrar minnufih.
Dawk li qed jattendu taħriġ fuq bażi temporanja - u mhux xogħol bi qliegħ, jistgħu jibqgħu jirreġistraw għax- xogħol, iżda mitlubin li jinfurmaw lill-korporazzjoni qabel jibdew il-kors ta' taħriġ.
National Diploma of Computing — twaqqif ta' apprenticeship
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-apprenticeship ta' National Diploma of Computing ġie sospiż mill-MCAST peress li b'din id-deċiżjoni ntlaqtu studenti tat-tieni sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istudenti ta’ l-ewwel sena li applikaw għan-National Diploma f’Lulju u f’Settembru 2010 ġew avżati li dan il-kors mhux se jkun hemm apprentistat. Dan ġara minħabba l-fatt li dawn l-istudenti qed ikollom il-kors tagħhom imħallas mill-Fond Soċjali Ewropew u jekk ikun hemm appretistat dan jitqies bħala għajnuna lil min qed iħaddem u għalhekk imur kontra l-kundizzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew. Kemm l-istudenti kif ukoll l-ETC kienu mgħarrfa li għalissa l-apprentistat għan-National Diploma fl-istitut tal-ICT mhux qed isir sakemm jinbidlu ċ-ċirkostanzi.
Tista’ l-Ministru tgħid l-ECDL Core Certficate Modules (1 to 7) jista' jiġi ppreżentat bħala wieħed mis-suġġetti għad-dħul fis-Sixth Form ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Wara studju konġunt li sar f’Diċembru 2010 bejn l-Universita’ ta’ Malta u l-Malta Information Technology Agency (MITA) ġie konkluż illi l-ECDL Core Certificate Modules (1 – 7) mhuwiex komparabbli ma SEC level.
Is-suġġett ta’ l-ECDL Core Certificate (Modules 1 to 7) huwa aċċettat għad-dħul fil-korsijiet kollha tal-MCAST bħala suġġett fil-Livell Ordinarju.
Awtorità tad-djar — programmi għall-żvilupp sostenibbli
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex xi politika jew programmi li jirrigwardjaw żvilupp sostenibbli? Jekk fl-affermattiv, tista' tindika min hija l-persuna responsabbli minn dan il-programm jew policy?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 25718 tas-seduta 343.
Tista' l-Ministru tgħid x'pożizzjoni ħa mal-Kummissajoni Ewropea dwar l-infringement procedures relatati mal-każ tal-pensjoni tas-servizz kontributorja tal-eks servicemen li kienu mal-Kuruna Ingliża? X'risposta ta l-gvern fl-aħħar ta' Jannar 2011? Tista' tagħti d-dettalji kollha dwar dawn l-infringement procedures?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lil Onor Membru li fl-24 ta’ Novembru 2010 l-Gvern Malti kien irċieva mill-Kummissjoni Notifika Formali u mhux infringement dwar l-applikazzjoni ta’ artikolu 46b tar-Regolament (EEC) 1408/71 u Artikolu 54 tar-Regolament (EC) 883/2004 fir-rigward ta’ persuni li jirċievu pensjoni tas-sigurta’ soċjali minn Malta u pensjoni tas-servizz ta’ xi pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropeja.
F’din in-notifika l-Kummissjoni infurmat lil Gvern Malti li eżaminat ilment imressaq minn xi pensjonanti lil Parlament ta’ l-Ewropa dwar kif qed tiġi kkunsidrata l-pensjoni tas-servizz tagħhom fil-kalkolazzjoni tar-rata tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali.
Il-Kummissjoni spjegat kif hi tara li dawn iż-żewġ artikoli msemmija għandhom jiġu implimentati minn Pajjiżi Membri u qed tgħid li tħoss li Malta mhix tapplika dawn ir-regoli kif suppost.
Fin-Notifika Formali l-Kummissjoni talbet lil Gvern ta’ Malta biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-każ.
.
Fl-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena l-Gvern Malti għadda dawn l-osservazzjonijiet lil President tal-Kummissjoni fejn ġie spjegat kif dawn ir-regoli qegħdin jiġu applikati u l-każ fil-mument għadu qed jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni Ewropeja.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm xiri u/jew donazzjoni ta' kotba ġodda lil-libreriji pubbliċi matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ kotba li nxtraw mill-Bibljoteka Nazzjonali bejn April 2010 sa April 2011 ammonta għal 331.
Kien hemm 65 ktieb li ngħataw bħala donazzjoni.
In-numru ta’ kotba li nxtraw għall-Librerija Pubblika Ċentrali, il-Libreriji Reġjonali u Fergħat bejn April 2010 sa April 2011 ammonta għal 12,327.
Kien hemm 18,376 ktieb li ngħataw bħala donazzjoni.
Policy dwar irranġar tal-partijiet komuni fi blokki ta' appartamenti tal-gvern
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy tal-gvern għall-irranġar tal-partijiet komuni fi blokki ta' appartamenti tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ftit tal-ġimgħat ilu l-Awtorità tad-Djar nediet programm ta’ sitt (6) snin għall-manutenzjoni tal-binjiet residenzjali tal-Gvern bl-involviment attiv tal-Kunsilli Lokali. Tnejn u ħamsin (52) Kunsill urew l-interess li jipparteċipaw f’dan il-programm. Il-Kunsilli Lokali identifikaw il-binjiet fejn hemm bżonn ta’ manutenzjoni, u ħejjew jew qed iħejju programm ta’ xogħlijiet għall-approvazzjoni tal-Awtorità tad-Djar. Il-programm jipprovdi fondi sa massimu ta’ €5,000 għal kull blokka, u qed jiġu mħeġġa li titwaqqaf Assoċjazzjoni tar-Residenti li jieħdu ħsieb il-partijiet komuni.
F’każ ta’ tiswijiet strutturali, l-Awtorità tad-Djar tibqa’ terfa’ r-responsabbiltà li tieħu ħsieb dawn ix-xogħlijiet.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm impjiegi ġodda maħluqa matul dawn l-aħħar 12-il xahar li ġew meħudin minn persuni b'diżabilità? Tista' tgħid ukoll jekk hemmx policy speċifika li ċertu impjiegi jridu jimtlew minn persuni b'diżabilità?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skont l-informazzjoni tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta` mpjiegi ta’ persuni b’diżabilità matul dawn l-aħħar 12-il xahar (mill- ewwel ta’ Marzu 2010 sal-aħħar ta’ Frar 2011) kien ta’ 367 impjieg. Minn dawn kien hemm 25 impjieg ta’ persuni li qatt ma kellhom impjieg qabel.
Matul is-sena 2010, mija u seba’ (107) persuni li isimhom jidher fuq ir-reġistru tal-persuni b’diżabilità tal-ETC instabilhom ix-xogħol minn ħdan is-Supported Employment Section tal-ETC.
Ma teżisti l-ebda
policy
fejn tispeċifika li ċerti impjiegi jimtlew minn persuni b’diżabilità.
Persuni li joħorġu mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin — impjieg
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li kienu għadhom ħerġin wara li skontaw xi sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, li sabu impjieg matul dawn l-aħħar xhur? X'inhi l-għajnuna li jingħataw persuni bħal dawn wara li jerġgħu jibdew biex jintegraw lura fis-soċjetà?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul is-sena 2010, sittax-il persuna li identifikaw ruħhom bħala ‘ex-inmates’ instabilhom impjieg bl-assistenza tal-ETC.
Persuni li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol u li jiddentifikaw bħala ‘
ex-inmates
’ jingħataw assistenza minn żewġ
employment advisers
fi ħdan is-Supported Employment Section tal-ETC.
Huma jiġu ggwidati għal kull kors ta’ taħriġ li toffri l-ETC u anke jkunu eliġibbli li jipparteċipaw fl-iSkema ta’
work exposure
magħrufa bħala Bridging the Gap Schem
e
. F’tali skema jistgħu jipparteċipaw ukoll ħabsin li jkunu qorbu tmiem is-sentenza ta’ priġunerija u li jkunu eleġibbli għall-
prison leave
.
L-ETC torganizza ukoll korsijiet ta’ taħriġ f’diversi suġġetti u li jsiru fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-persuni msemmija jistgħu jikkwalifikaw għal Għajnuna għal Disimpieg jekk ikunu qed jirregistraw għax-xogħol jew Għajnuna Soċjali f’każ li l-kundizzjoni ta’ saħħithom ma tippermettix li jaħdmu f’impjieg.
Jiena nfurmata li dawn il-każijiet jingħataw attenzjoni speċjali ħalli fejn jikkwalifikaw il-benefiċċju joħroġ mill-aktar fis possibbli.
Kunsill Malti għall-Isport — għajnuna lill-għaqdiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk l-għaqdiet u liema kienu li matul dawn l-aħħar ħames snin ibbenefikaw minn għajnuna mill-Kunsill Malti għall-Isport sabiex bnew/irranġaw il-faċilitajiet sportivi tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid illum kemm huwa n-numru ta' ommijiet xebbiet li jinsabu jieħdu benefiċċju soċjali taċ-Childrens' Allowance f'Malta u Għawdex separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’
single mothers
li jirċievu xi
allowance
għat-tfal huwa ta’ 4342 f’Malta u 144 f’Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk l-istudenti li talbu exemption biex ma jattendux skola, għax sabu impjieg, matul dawn l-aħħar 12-il xahar, xahar b'xahar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li bdew l-ewwel sena fil-Junior College u mbagħad ideċidew/ġew imġiegħla ma jkomplux it-tieni sena matul l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-Marsa Sports Grounds? Tista' tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi matul l-aħħar 12-il xahar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-pjan fil-każ ta’ faċilitajiet sportivi tal-Marsa hu li l-gvern jidħol fi sħubija mas-settur privat, biex ikun f’pożizzjoni li jipprovdi faċilitajiet sportivi ta’ kwalita u ta’ livell internazzjonali għall-isportivi minn dixxiplini diversi u l-assoċjazzjonijiet sportivi li jirrapreżentawhom.
Matul l-aħħar 12-il xahar sar proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa mill-MEPA biex eventwalment saru l-emendi meħtieġa fil-Pjan Lokali biex ikun jista’ jiġi akkommodat dan il-proġett. L-emendi fil-Pjan Lokali kienu approvati u pubblikati f’Marzu li għadda.
F’dawn l-aħħar xhur sar ukoll proċess ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-għaqdiet sportivi konċernati biex nistabbilixxu t-tip u l-i
standard
ta’ facilitajiet li ser jiġu żviluppati f’dan il-proġett u l-ħinijiet li l-għaqdiet lokali se jkun qed itellgħu l-attivitajiet tagħhom fihom.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn libreriji pubbliċi mferrxa mal-gżejjer tagħna? Tista' tgħid f'kull każ, minn min huma mmexxija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ Libreriji pubbliċi f’Malta u Għawdex minbarra l-Librerija Pubblika Ċentrali f’Malta u l-Gozo Lending Library f’Għawdex huwa ta’ : 7 Libreriji Reġjonali iġifieri dawk f’Birkirkara, Birgu, Ħal-Luqa, Mosta, Paola, Ħal-Qormi (San Bastjan) u r-Rabat (Malta); 36 Librerija Fergħa fil-lokalitajiet ta’: Attard, Birżebbuġa, Bormla, Dingli, Fgura, Għargħur, Għaxaq, Gudja, Gżira, Ħamrun, Isla, Kalkara, Kirkop, Lija, Marsaskala, Marsaxlokk, Mellieħa, Mġarr, Mqabba, Msida, Naxxar, Qormi (San Ġorġ), Qrendi, Safi, Pembroke, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, San Ġwann, Siġġiewi, Sliema, Tarxien, Valletta, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, Żejtun u Żurrieq; 11 il-Librerija Fergħa f’Għawdex li huma mwaqqfa fil-lokalitajiet ta’ Għajnsielem, Għarb, Għasri, Kerċem, Nadur, Qala, San Lawrenz, Sannat, Xagħra, Xewkija u Żebbuġ.
Qed isiru kuntatti wkoll biex il-Libreriji Fergħa tal-Marsa u Sta. Venera jerġgħu jibdew jiffunzjonaw meta jkollhom il-post minn fejn joperaw.
Dawn il-liberiji msemmija hawn fuq bl-eċċezzjoni ta’ 4 f’Malta li magħhom qed isir kuntatt wkoll u li huma dawk ta’ Birzebbuga, Marsa, San Ġiljan u Valletta qed jitmexxew bejn id-Dipartiment tal-Libreriji u l-kunsill lokali rispettiv fejn qegħda l-Librerija permezz ta’ ftehim ta’ ko-operazzjoni. Dan il-ftehim huwa wieħed li qed joħloq impenn bejn Dipartiment tal-Liberiji u kunsilli lokali u qed ikun strumentali f’dak li huwa attrezzar tal-Libreriji (kotba, xkaffar u forniment ieħor), konnettività u akkontabilità. Il-Libreriji f’Malta bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-Marsa u Sta. Venera huma kollha issa kkompjuterizzati. Kif dawn iż-żewġ libreriji ikollhom il-post minn fejn joperaw jiġu dikment ikkompjuterizzati wkoll. L-10 libreriji f’Għawdex (għax tan-Nadur diġà hija kkompjuterizzata) diġà beda x-xogħol fuqhom sewwa u se jiġu kkompjuterizzati din is-sena.