Operazzjonijiet tal-katarretti — Lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29037 u jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni tal-katarretti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm individwi fuq il-lista ta’ stennija biex jagħmlu MRI sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar diġà saru 24,106 MRI. Dan b’riżultat tal-inizjattiva li l-Gvern ħa meta t-tliet MRIs fl-Isptar Mater Dei qed jaħdmu 24 siegħa kuljum, 7 t'ijiem fil-ġimgħa. Anke introduċejna MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, servizz tal-MRI f’Paola Hub u ġiet installata magna fir-Residenza San Vinċenz. B’riżultat ta’ hekk, il-ħinijiet ta’ stennija naqsu drastikament.
Hemm 269 każ pendent li huma aktar minn dak stipulat miċ-Charter tal-Pazjenti. Ikun hemm diversi raġunijiet għala jiġri dan. Nassigura lill-Onor. Interpellant li kull sforz isir biex każijiet urġenti jsiru fl-iqsar żmien possibbli.
Jista’ l-Ministru jiċċara jekk instabx psikjatra biex jaħdem fil-Gender Clinic? Jekk le, jista’ jispjega fid-dettall x’miżuri qed jittieħdu biex din il-problema tissolva mill-aktar fis possibbli?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-kuntratt għas-servizzi psikjatriċi fil-Gender Wellbeing Clinic ġie approvat. Il-clinical sessions mistennija jibdew f’Lulju. L-appuntamenti mistennija jibdew jiġu mibgħuta dalwaqt.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Public Expo Village 2025 – Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28684 u jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tax-xogħlijiet strutturali; infrastrutturali u ta’ tisbiħ; u xiri ta’ apparat mediku, li hemm ippjanati li jsiru jew jinxtraw fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddej xogħlijiet strutturali, infrastrutturali u ta’ tisbiħ sabiex ikomplu jissaħħu s-servizzi tas-saħħa diġà eżistenti filwaqt li jingħataw oħrajn ġodda.
Fost dawn ix-xogħlijiet hemm dawk li qed isiru fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija u fil-Miscarriage Room. Hemm ukoll l-introduzzjoni ta’ servizz speċjalizzat li jinkludi evalwazzjoni dijanjostika tal-mard relatat mal-irqad u l-monitoraġġ tal-irqad. Dan minbarra titjib ġenerali ieħor mal-Isptar kollu.
Minbarra dawn ix-xogħlijiet, saru diversi sejħiet pubbliċi għall-offerti għax-xiri ta’ apparat mediku, liema sejħiet jinsabu fuq l-ePPS. Dan l-apparat malli jinxtara u jiġi nstallat ser jagħmel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wieħed tal-ogħla kwalità fejn tidħol is-saħħa filwaqt li jkompli joffri lill-pazjenti Għawdxin servizz ta’ kura f’Għawdex mingħajr ma jkollhom bżonn jivvjaġġaw lejn Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru talabx xi studju partikolari dwar il-kontenut ta’ Vitamina D li hu preżenti f’ammont ferm ogħla minn dak indikat bħala preżenti fil-‘Folidi’? Jekk iva, x’irriżulta? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru tali studji?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-awtoritajiet tas-saħħa bagħtu barra minn Malta kampjun tas-suppliment tal-ikel "Folidi" għal testijiet speċjalizzati. Ir-riżultati wrew li l-livell ta’ vitamina D kien ogħla mill-livell indikat fuq it-tikketta tal-prodott.
Ittieħdet azzjoni immedjata biex jinġibed lura l-prodott mis-suq u saret komunikazzjoni pubblika biex il-pubbliku ġenerali jiġi avżat sabiex jikkuntattja ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Veleni għal valutazzjoni klinika u segwitu mediku kif kien rakkomandat fl-istqarrija ppubblikata fid-29 ta’ Mejju 2025, li kopja tal-istqarrija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Barra minn hekk, kampjun ieħor tal-istess prodott intbagħat barra minn Malta biex jiġu analizzati l-livelli ta’ aċidu foliku u jodju. Ir-riżultati wrew li l-livel ta’ aċidu foliku u jodju jinsab fil-firxa tal-kejl kif dikjarata.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali li ma kenux koperti bil-formolarju tal-mediċini u issa se jkunu koperti? Liema huma l-mediċini li ma kenux fil-formolarju u issa ser jiddaħħlu?
Jista’ l-Ministru jispjega u jagħti dettalji dwar dak li qal hu stess li kemm speċjalisti, kif ukoll tobba tal-familja (GPs) ser ikollhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa mentali?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mediċini li qabel ma kienux fil-formolarju tal-Gvern imma li ddaħħlu matul il-perjodu 2024 u 2025.
Ninsab infurmat ukoll illi fil-preżent, hemm ukoll diversi mediċini oħrajn li qegħdin fi stadji varji tal-proċess sabiex jiddaħħlu fil-formolarju imsemmi.
Fir-rigward ta speċjalisti tal-mediċina tal-familja (Specialists in Family Medicine) li jaħdmu kemm fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll fis-settur privat, ninforma lill-Onor Interpellant li dawn issa jistgħu japplikaw għall- intitolament tal-Iskeda V għal mediċini relatati ma' Disturbi Kroniċi fil-Burdata (Chronic Mood Disorders) u Disturbi NewrotiċiKroniċi (Chronic Neurotic Disorders) skont il-Formularju tal-Outpatients. Fir-rigward tal-Konsulenti tal-Psikjatrija, dawn jistgħu japplikaw għal dokumenti ta' intitolament tal-Iskeda V għall-mediċini kollha u l-kundizzjonijiet kollha relatati mal-Psikjatrija skont il-Formularju tal-Outpatients.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom l-applikazzjoni tagħhom għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) li għadha pendenti u għadhom qed jistennew biex jingħatalhom is-servizz?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li bħalissa qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help), li daħlu matul ix-xahar ta’ Mejju ta’ din is-sena, u hemm 85 applikazzjoni jistennew li jingħatalhom is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help).
Jista' l-Ministru jagħti d-data tal-aktar applikazzjoni li ilha pendenti għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li applikazzjoni tkun pendent għal perjodu ta’ żmien minħabba li ġeneralment ikollhom problemi loġistiċi marbuta magħhom jew it-talbiet mill-klijenti jkunu speċifiċi (bħal meta l-klijent jitlob li l-helper ikun ta’ ġeneru speċifiku, jew li jitkellem b’lingwa speċifika biss jew inkella li jkun disponibbli f’ġranet jew ħinijiet speċifiċi jew inkella meta l-klijent ikun joqgħod f’limiti ta’ villaġġ u jkun hemm bżonn li l-helper ikollu wkoll karozza. Ġejt infurmat li filwaqt li fil-preżent qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għas-servizz tal-Għajnuna fid-Dar li daħlu matul ix-xahar ta’ Mejju 2025, l-aktar applikazzjoni li tmur lura hija datata għal Ottubru 2024.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li s-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) tnaqqsilhom jew ġie interrott?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sal-lum hemm 52 anzjani li għandhom is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help) interrott. Is-servizz jiġi interrott f’każijiet meta l-helper tirriżenja jew tidħol f’perjodu ta’ waqfien, ikun hemm bżonn ta’ tibdil tal-helper, jew meta l-klijent ma jkunx disponibbli biex jirċievi s-servizz, bħal pereżempju f’każ ta’ rikoverat/a fl-isptar. Minn Jannar 2025 sal-lum, kien hemm ukoll 3 każijiet fejn is-servizz kien imnaqqas; dawn irriżultaw minn sitwazzjonijiet fejn persuni indipendenti jgħixu fir-residenza mal-klijenti jew meta anzjan dipendenti minn koppja ddaħħal f’dar residenzjali għall-anzjani.
Jista’ l-Ministru jgħid meta fetħu l-GU Clinics fil-komunitajiet ta’ Marsaxlokk, il-Mellieħa u Għawdex? Jekk għadhom ma fetħux, meta ser jiftħu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-GU Clinic ta’ Marsaxlokk infetħet fl-14 ta’ Novembru 2023, dik tal-Mellieħa infetħet fis-16 ta’ Novembru 2023 u dik f’Għawdex infetħet fid-9 ta’ Diċembru 2023.
Proċess ta’ screening — Operazzjonijiet tal-kolonoskopija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28103 u jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-kolonoskopija wara l-proċess ta’ screening mill-bidu tas-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar sal-15 ta’ Ġunju 2025, saru 620 Colonoscopies bħala parti min-National Colorectal Screening Programme.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn magni tal-isleep apnea għand pazjenti? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma proprjetà tal-isptar u kemm minnhom huma mikrija mingħand kuntrattur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn pazjenti li kellhom jixtru magna tal-isleep apnea mill-privat u li qed jistennew li jieħdu refund mis-servizz tas-saħħa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal-liċenzji biex joperaw farmaċiji f'pajjiżna, u jipprovdi tali informazzjoni skont il-lokalitajiet differenti f'Malta u Għawdex?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li applikazzjonijiet pendenti għal-liċenzji ta’ spiżeriji ġodda huwa kif ġej: 348 f’Malta u 16 f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-ispiżeriji f’pajjiżna ma jibqgħux miftuħin anke matul il-lejl?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi l-ħinijiet minimi li matulha kull spiżerija għandha tkun miftuħa huma regolati bir-regolamenti tal-ftuħ tal-ispiżeriji (S.L. 458.28). Spiżeriji jistgħu jibqgħu miftuħa għall-ħinijiet itwal minn dawk stipulati f’dawn ir-regolamenti.