Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Mellieħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbel l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-proġett imsemmi huwa wieħed tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Madankollu dan il-Ministeru qiegħed jgħin fit-twettieq ta’ dan il-proġett. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu dwar f’hiex wasal il-proġett lill-Ministru responsabbli.
Madankollu, l-involviment ta’ dan il-Ministeru jinkonċerna:
Il-ħruġ ta’ sejħa għal offerti għal xogħol ta’ fattura għal bini ta’ ġibjun u bini ieħor
Fuq dan il-progett hemm wkoll haddiema mid-Direttorat tal-PARKS allokati fuq bini ta’ ħitan tas-sejjieħ. Minħabba l-fatt li dan il-progett jinvolvi l-bini ta’ ammont konsiderevoli ta’ ħitan tas-sejjieħ f’dan il-progett, kellhom ukoll jiġu ngaggati żewg kuntratturi oħra fuq il-bini ta’ dawn il-ħitan tas-sejjieħ, li bħalissa jinsabu għaddejin b’dan ix-xogħol
Barra dan, hemm ukoll grupp ta’ ħaddiema mid-distrett tal-Mellieha li għamlu u qed jagħmlu diversi xogħolijiet fuq dan il-progett fosthom: xogħol ta’ taħmil, bini ta’ ħitan tal-franka, pedamenti tal-konkos, etc.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar biex ninċentivaw il-ġbir tal-iskart riċiklabbli matul l-2011? X'kien ir-riżultat tal-evalwazzjoni biex il-boroż li fihom jintremma l-iskart imħallat ikunu apposta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li llum il-ġurnata l-Ministeru tiegħi huwa biss wieħed mill-istakeholders fil-ġbir ta’ skart riċiklabbli. Ta’ min ifakkar li parti kbira minn dan ix-xoghol illum għadda f’idejn il-Kunsilli Lokali u ż-żewg skemi awtorizzati li joperaw fil-gżejjer tagħna.
Apparti mix-xogħol li qed iwettqu l-iskemi, matul l-2011 il-WasteServ ukoll kompliet bix-xogħol tagħha f’dan il-qasam. Ta’ min jinnota li sabiex ikun aktar inkoraġġit is-separazzjoni tal-iskart, r-rata għad-depożitu ta’ skart separat tnaqqset għal €0.50 għal kull tunellata (eskluza l-VAT) kontra dik għad-depożitu ta’ skart imħallat li hija ta’ €20 ghal kull tunellata (eskluza l-VAT).
Għalkemm matul is-sena li għaddiet kienet offruta għajnuna għall-implimentazzjoni tal-proġett pilota għall-ġbir ta’ karta b’mod separat liż-żewġt skemi eżistenti, skema waħda biss s’issa diġa’ bdiet dan il-ġbir f’diversi lokalitajiet.
Il-WasteServ kompliet ukoll bl-operat fiċ-ċentri għall-iskart goff fejn jinġabar għadd kbir ta’ materjal għar-riċiklaġġ.
Kompliet ukoll il-kampanja edukattiva li kienet tinkludi żjarat fil-faċilita’ ta’ Sant’ Antnin. Bħalissa il-kampanja ma tiffukax biss fuq is-separazzjoni tal-iskart, iżda twesset biex iddaħal ukoll prinċipju ieħor importanti li huwa t-tnaqqis tal-iskart. F’dan il-qasam il-WasteServ wasslet il-kampanja tagħha permezz tal-programm Skola Sajf 2011 u għal darba oħra f’Novembru ser tkun qed tiġi organizzata l-
European Week for Waste Reduction
.
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-impatt tal-idea li l-boroż li fihom jintrema l-iskart imħallat ikunu apposta qed tiġi studjata evalutata.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet ir-riforma tal-Pitkalija? Jista' jgħid min huma l-membri tal-bord tal-aġenzija biex titwettaq din ir-riforma? Meta ħadu l-ħatra u meta se jkun lest ix-xogħol ta' din l-aġenzija fuq ir-riforma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li r-riforma tal-Pitkalija m’huwiex riforma singola iżda proċess kontinwa li ilu għaddej sa mill-2008 u ma jikkonċernax biss l-operat fil-pitkalija nnifisha. Waħda mill-iniżjattivi li ttieħdu bħala parti minn dan il-proċess kontinwa kienet l-introduzzjoni tal-Farmers’ Market u li huwa ppjanat li jinfetħu swieq oħra. Ngħid ukoll li din ir-riforma hija waħda kontinwa ppilotata direttament mill-Ministeru u ma gietx maħluqa ebda entità speċifika għal dan l-eżerċizzju.
Rigward l-operat fil-pitkalija nnifisha, fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jibda proċess formali ta’ diskussjonijiet ma’ l-istakeholders ewlenin – il-bdiewa, pitkala u xerrejja – fuq il-prinċipji u l-proposti ewlenin ta’ din ir-riforma globali. It-twaqqif ta’ struttura li se tkun responsabbli mit-tmexxija tal-Pitkalija hi waħda mill-punti ta’ taħdidiet ma’ dawn l-istakeholders. Huwa importanti li wieħed ifakkar li l-forma li se tieħu din l-istruttura tkun waħda li tirrapreżenta l-interessi ta’ l-atturi prinċipli fis-settur.
Huwa mistenni li din l-entità tiġi mwaqqfa hekk kif jintemmu dawn it-taħdidiet. F’każ li jkun determinat li hemm il-ħtieġa li jitwaqqaf Bord, dan jkun jista’ jinħatar biss wara li titwaqqaf din l-entità.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il suq organizzat hawn f'Malta u Għawdex biex il-bdiewa jbiegħu l-prodotti tagħhom? Fejn jinsabu dawn is-swieq? Hemm xi pjanijiet fil-konkret biex jinfetħu swieq oħra għall-bdiewa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li suq organizzat għal bdiewa hawn wieħed f`Malta. Dan is-suq jinsab f’Ta’ Qali limit ital-Mosta.
Ninsab infurmat li preżentement għaddejjin taħdidiet biex jinfetħu swieq oħra nkluż wieħed f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm intnefqu mill-fond ta' €400,000 biex intaffu l-impatt tal-prezzijiet tal-qmugħ u ċereali fis-swieq internazzjonali? Jista' jagħti rendikont dettaljat ta' fejn u kif u b'liema mod konkret intnefqu dawn il-flus?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab informat li dan il-fond ġie allokat fit-totalita tiegħu fuq programmi mħejjija bi sħab ma’ għaqdiet fis-setturi li l-aktar kienu milquta minn dawn il-prezzijiet matul l-aħħar xhur tal-2010 u l-ewwel xhur ta' l-2011. Dawn il-programmi kienu mmirati mhux biss biex itaffu l-problema, imma bl-iskop ewlieni biex din isservi ta’ opportunità biex jtejjbu l-effiċjenzi fl-irziezet b'mod li l-użu tal-ġwież jiġi ottimiżżat u l-ispejjeż jonqsu għall-minimum possibbli.
Jista' l-Ministru jagħti d-data ta' meta se jibda u jitlesta x-xogħol fuq il-proġetti ta' shelters temporanji għaż-żwiemel tal-korozzini li kellhom isiru fil-Belt Valletta, Tas-Sliema u San Ġiljan? Jista' jgħid kemm huwa stmat li se jiġi jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onorevoli interpellant li mhux pjanat li jsir l-ebda shelter temporanju ghaz-zwiemel fis-siti indikati. L-uniku shelter temporanju huwa dak ta’ biswit il-Valletta Waterfront kif indikat f’ PQ 27934.
San Pawl il-Baħar, Qawra u l-Imdina — water points għaż-żwiemel
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-water points għaż-żwiemel fil-Qawra, l-Imdina u San Pawl il-Baħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol huwa maqsum f’żewġ fażijiet skond il-prijoritajiet imfassla fuq il-ħtieġa u urġenza. L-ewwel fażi, mfassla skond dawn il-prijoritajiet, tinkludi x-shelters permanenti, cesspits, bins u waterpoints fil-Belt Valletta. L-istallazzjoni ta’ waterpoints fl-inħawi tar-Rabat, tas-Sliema u Bugibba (u mhux f’San Pawl il-Baħar u l-Imdina kif indikat) għandu jsir is-sena d-dieħla bħala parti mit-tieni fazi ta’ dan il-progett wara li jinħarġu l-permessi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża tal-kiri tat-tinda temporanja li kienet qed tintuża fl-aħħar ġimgħat biex toffri kenn għaż-żwiemel tal-karozzini u mingħand min inkriet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kirja tat-tined imsemmija saret mingħand il-Malta Fairs and Convention Centre. L-ispiża għal-armar u l-kirja għall-ewwel xahar (14 ta' Lulju sal-15 ta' Awwissu 2011) kienet ta' €9,000 (VAT inkluż). Il-kiri tat-tined hija ta' €3,000 għal kull xahar segwenti.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Xogħlijiet lill-kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-każ ta' kull kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, kemm ingħatat xogħol mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu mill-2004 sal-lum? F'kull każ, jista' jgħid kemm huwa l-valur involut? Jista' jgħid jekk hux kuntratt jew direct orders? Meta ngħata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma kien hemm beda kuntratt jew direct orders mogħtiija lill xi waħda mill-kumpaniji imsemmija fil-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant
Billi skont ma qed jintqal min-naħa tal-gvern hawn 13,000 solar water heater stallat f'pajjiżna, tista' l-Ministru tgħid sena b'sena kemm ġew stallati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika minn fejn qed jikkwota din iċ-ċifra.
B'referenza għal Feed in Tariffs 2011 li għadha kif ppublikat l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, fl-aħħar paġna tad-dokument jintqal li din l-'installation operator may request to be paid any balance due with respect to exported electricity after four consecutive billing periods’, jista' l-Ministru jikkonferma kemm huwa twil il-billing period għal finijiet ta’ dan l-eżerċizzju? X’inhi r-raġuni li dan id-dettal qatt ma ġie spjegat ċar meta il-proċess dwar il-photovoltaic applications ġie riklamat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Billing period imsemmi huwa għal perjodi ta’ sentejn. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li meta l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi ħabbret is-sistema ta’ feed-in tariffs, l-istess awtorità ħadet ħsieb torganizza tliet laqgħat ta’ informazzjoni għall-pubbliku. Dawn il-laqgħat pubbliċi saru fl-1 u fl-4 ta’ Ottubru li għadda ġewwa Project House fil-Floriana u laqgħa oħra li saret fil-5 ta’ Ottubru fil-Lukanda Kempinski f’Għawdex.
Rapport ta' Ħidma tal-Gvern 2008-2013 — kopji stampati
Question
Jista' l-Ministru jgħid b’kollox kemm ġew stampati kopji tar-Rapport ta' Ħidma tal-Gvern 2008-2013 għas-sena 2011 tal-ministeru tiegħu u kemm minnhom tqassmu fid-distretti elettorali li l-Ministru jikkontesta u lil min?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li kienu stampati 3,000 kopja tar-rapport imsemmi u li ġew imqassma f‘dipartimenti tal-Ministeru u persuni oħra, inkluż dawk li xi darba kienu ndikaw li jinteresshom jirċievu nformazzjoni fuq il-ħidma ta’ dan il-Ministeru.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27629, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol li suppost kellu jsir fl-inħawi biex itaffi l-problemi tal-għargħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif joħroġ ċar mit-tweġibiet mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari li jikkonċernaw dan is-suġġett, it-taffija tal-problema tal-għargħar ma tissolviex biss b’interventi lokalizzati, iżda iktar importanti trid tkun iffaċċjata b’mod ħolistiku. L-immaniġjar ta’ għargħar f’punt partikolari għandu jibda kemm jista jkun possibbli qabel ma jibda jingabru dawn l-ilmijiet. Huwa f’din il-perpettiva li dan il-Ministeru nieda il-progett għat-taqffija tal-għargħar b’investiment ta’ €55 miljun u li huwa ppjanat li jitlesta sa l-2013.
Għaldaqstant wieħed jista’ biss jħares lejn it-taffija ta’ din il-problema f’ Ħal Qormi f’dan il-kuntest wiesgħa. Fid-dawl ta’ dan kollu, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bridge li hemm fi Triq Correa hu wieħed mil-bridges li ser jinbidlu permezz tal-proġett Nazzjonali ghal kontra l-għargħar. L-offerti għal dawn ix-xogħlijiet diġa nħarġu u qed issir l-evalwazzjoni tagħhom. Barraminhekk is-Sezzjoni tal-Valley Management fi ħdan dan il-Ministeru diġa ħadet ħsieb biex jitwessa l-iżbokk li kien hemm fl-inħawi msemmija.
Fl-aħħar, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari li rreferejt għalihom aktar qabel biex ikollu stampa aħjar x’qiegħed jagħmel dan il-Ministeru biex verament itaffi din il-problema.
B'referenza għat-tenders għar-restawr tas-swar, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala ma ntalbitx ċertifikazzjoni mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ dwar numru ta' ħaddiema li tħaddem kull kumpanija li ssottomettiet l-offerta bħalma jsir dejjem f'dawn it-tip ta' tenders? X'persentaġġ tax-xogħol jista' jiġi subcontracted minn min rebaħ l-offerta? Qed isiru xi verifiki biex jiġi aċċertat li l-persentaġġ ta' xogħol sub contracted ma jaqbeż l-ammont stipulat fit-tenders?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għal offerti kienet ukoll miftuħa għal kumpaniji barranin u għaldaqstant peress li l-ħtieġa ta’ ċertifikazzjoni msemmija mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kienet tkun diskriminatorja kontra kumpaniji barranin, id-Dipartiment tal-Kuntratti li ma jitlobx din iċ-ċertifikazzjoni.
Il-livell tax-xogħol li jista’ jkun sub-contracted ġie impost massimu ta’ 30% tax-xogħol.
Rigward il-verifiki, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-subcontracting huwa regolat minn Artiklu 7 tal-General Conditions for Works Contracts.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-kumpless San Franġisk li hemm Ta’ Qali, spiċċa jiġi mħaddem minn veterinarju privat? Dan qed isir b’kirja? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid:
i) kemm qed jitħallas il-gvern kull sena għal din il-kirja;
ii) il-ftehim sar b’mod dirett u bilaterali jew wara sejħa għal offerti;
iii) jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, dettalji dwar min kien tefa’ l-offerta u x’kienet is-somma offruta f’kull offerta;
iv) jista’ l-Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim; u
v) meta jiskadi l-ftehim eżistenti mal-veterinarju li qed jamministra l-kumpless?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li din mhix kirja izda huwa Management Agreement li minnu il-Gvern jircievi €12,000 fis-sena. Dan il-ftehim sar wara li saret sejħa għall-offerti li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ nhar id-19 ta’ Gunju 2009. Fid-dawl tan-natura kummerċjali ta’ dan il-ftehim, m’huwiex possibbli li-kopja tal-Management Agreement jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan il-ftehim jiskadi wara perjodu ta’ ħames (5) snin bil-possibiltà li jigi mġedded għal perjodu ieħor ta’ ħames (5) snin bi qbil bejn iż-żewġ partijiet.
L-offerti li intefgħu fiż-żmien stipulat kienu s-segwenti:
1
Happy Paws
Fl-offerta mitfugħa mill-Happy Paws, Dr Selles Llorens stima li l-ispiza biex jitmexxu dan iċ-Ċentru tammonta għal €1,565.47 kuljum (€571,396.55 fis-sena) u kien jeħtieg ftehim għal perjodu ta’ 10 snin.
2
Agrimed Ltd.
Din l-offerta kienet se tiswa lill-gvern €820,000 fis-sena.
3
Dr Trevor’s Veterinary Clinic
Dr Trevor Zammit offra li jarma ċ-Ċentru b’apparat li joffri l-aqwa kura possibbli ghall-annimali u li jħallas it-€12,000 fis-sena kif rikjest mis-Sejħa li giet pubblikata.
4
SPCA
L-offerta tal-SPCA ma kienitx kif kien stipulat fis-sejħa għall-offerti.
Kumpless San Franġisk — impjegati full-time u part-time
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hemm impjegati jaħdmu full-time u part-time fil-kumpless San Franġisk f’Ta’Qali u kemm minnhom huma Maltin? X’kwalifiki qed jintalbu mill-impjegati biex jigu ngaġġati fil-kumpless?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 20153, infakkru li ċentru ta’ din ix-xorta ma jirrikjedix biss veterinarji, izda jirrikjedi wkoll għadd ta’ ħaddiema (amministrattivi u ohrajn) u għalhekk il-kwalifiki li jintalbu huma relatatii għax-xogħol rispettiv mitub minnhom.
Jista' l-Ministru jara li jsir xi shelter għaż-żwiemel li jkun hemm fejn il-Waterfront għax minħabba s-sħana kbira li jkun hemm hija moħqrija li jgħixu f'dak l-ambjent? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern? Jekk hemm pjanijiet, meta se jibdew? X'se jsir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li hekk kif ġie imħabbar fil-ġimgħat li għaddew, il-Gvern huwa kommess li jiġu mibnija shelters permanenti għaż-żwiemel tal-karozzini, mhux biss fl-area tal-Waterfront, iżda wkoll f’areas oħrajn madwar il-Belt, fl-area tar-Rabat u l-Imdina u ta’ San Giljan u tas-Sliema. Dan il-proġett ser ikun qed jinkludi wkoll water points u bins u ser ikun qed jiswa €300,000.
Riġward il-mistoqsija tal-Onorevoli interpellant dwar ix-shelters fil-Waterfront tal-Belt, filwaqt li niġbidlu l-attenzjoni li diġa twaħħlu tined temporanji biex immedjatament itaffu l-problema proviżorjament, nixtieq ninfurmah li t-tender għal dawn ix-xogħolijiet diġa’ gie aġġudikat u x-xogħol mistenni jibda dalwaqt
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27331 u 27334, billi l-area indikata fiż-żewġ domandi huma differenti minn xulxin, l-area indikata fil-mistoqsija parlamentari 27334 tikkonsisti f'ġenb ta' triq distributorja, filwaqt li l-area indikata fil-mistoqsija parlamentari 27331, hi l-area li jidher li qiegħdha għand il-Birdlife, jista' l-Ministru jagħti risposta għal dawn iż-żewġ domandi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li t-triq indikata f’Mistoqsija Parlamentari numru 27334 mhix klassifikata bħala triq distributorja jew arterjali u għaldaqstant nikkonferma li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali.
Rigward l-art indikata f’Mistoqsija Parlamentari numru 27331, kif qal sew l-Onorevoli Interpellant din l-art hija responsabbiltà tal-Birdlife u għaldaqstant qed nirreferi din it-talba lid-Dipartiment tal-Artijiet
Sliema — Bisazza Street - Security guard mal-monument għall-artisti
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27510, ġaladarba issa hemm konferma tas-security guards, jista' l-Ministru jinfurmani kemm hi l-ispiża ta' dawn is-security guards u minn liema fondi huma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li s-servizz ta’ security jingħata mill-impjegati tal-Ministeru, iżda fid-dawl ta’ numru ta’ proġetti li tlestew riċentement u oħrajn li għaddejjin, il-Ministeru ġieli juża s-servizz ta’ security privati biex jikkumplimenta s-servizz li jingħata mill-ħaddiema tal-Ministeru fid-diversi proġetti mxerrda madwar Malta.
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ħlas lis-security li huma impjegati tal-Ministeru jsir skont is-salarji tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u li bħas-soltu jitħallas mill-vot tas-Salarji filwaqt li l-ispiża għas-servizz ta’ sigurta’ temporanju pprovdut minn kumpanija privata hija ta’ €5.85 fis-siegħa (eskluża l-VAT), liema spiża qed tittieħed mill-vot rilevanti li jismu ‘Contracted Services’.