Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pagament dovut mill-fond tal-Non-Government Organisations għas-sena 2008 lill-għaqdiet mhux governattvi sarux? Jekk le, jista' jagħti raġuni għaliex ma sarux? Hemm ħsieb meta se jsiru?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagament dovut mill-fond tan-Non-Government Organisations lill-għaqdiet mhux governattivi għas-sena 2008 sar. Is-somma mħallsa kienet tammonta għal € 1,979,318.00.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' sinjura li hija single parent u s-sena l-oħra kienet taħdem u issa qiegħda tgħix bir-relief u qed ikun diffiċli għaliha biex tħallas il-kera li minn €23.29 ġiet €116,50? Jista' jara li ssir xi ħaġa biex din is-sitwazzjoni tissolva?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kera ta’ l-applikanta inħadmet skond id-dħul li kellha s-sena l-oħra. Dan id-dħul eċċeda l-ammont ta’€ 18, 454 għalhekk il-persuna ma’ kkwalifikatx għall-sussidju fuq il-kera. Ir-reviżjoni tal-kera tinħadem kull sentejn għalhekk ir-reviżjoni li jmiss hi fis-sena 2011.
Jista' l-Ministru jara jekk l-persuna li d-dettalji tiegħu qed jidhru separatament għandux dritt li jgħix fil-post?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandha l-ebda records jew informazzjoni sabiex tkun tista tagħti risposta għal din il-Mistoqsija. Il-fond indikat mhux proprjetà ta’ l-Awtorità tad-Djar.
Jista l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu fil-gaming industry illum? Kemm minn dawn jaħdmu fil-gaming industryli hi online? X'tip ta' spezzjonijiet isiru fil-ħwienet tal-logħob biex jaraw li dawk li qed jaħdmu qed jaħdmu bil-permessi kollha neċessarji?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-numru ta’ persuni fl-aħħar ta’ Novembru 2008 li kienu qegħdin jaħdmu, fuq bażi full-time u part-time fil-gaming industry kien ta’ 1,810 (skond l-aħħar informazzjoni li ġiet ippublikata). Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma żżomx nformazzjoni fuq in-natura tal-gaming.
Informat ukoll li spetturi tal-ETC jagħmlu spezzjonijiet f’kull post tax-xogħol inkluż fi ħwienet tal-logħob biex jaraw li dawk li qed jaħdmu hemm qed jagħmlu dan b’mod legali. Per eżempju, minn Jannar ‘l hawn, saru spezzjonijiet fi 63 ħanut tal-logħob fejn instab li kien hemm 30 persuna jaħdmu mingħajr ma l-imgħallem informa lill-ETC bl-impjieg tagħhom skond l-Avviż Legali 110 tal-1993. Tnejn minn dawn il-persuni maqbuda jaħdmu llegalment kienu barranin. Fil-każijiet kollha, il-Korporazzjoni qed tieħu l-azzjoni meħtieġa skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal jgħixu ġo single parent families illum? Jista' jgħid kemm kienet il-figura kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dipartiment iżomm statistika biss ta’ dawk is-single parent families li qegħdin jirċievu xi benefiċċju minn dan id-dipartiment. In-numru ta’ tfal li qegħdin jgħixu f’single parent families (sal-31 ta’ Ġunju 2009) huwa ta’ 13, 400. In-numru ta’ tfal li għexu f’single parent families f’dawn l-aħħar 5 snin huwa kif jidher fl-iskeda:
Sena
Numru
2004
12,400
2005
12,502
2006
12,433
2007
12,913
2008
13,981
2009 (Jannar – Ġunju)
13,400
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn single mothers fuq ir-relief illum? Kemm kienet il-figura kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Minn liema lokalità huma dawk involuti s-sena l-oħra u din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn teenage pregnancies din is-sena? Kemm kienet il-figura kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Jista' jagħti breakdown tal-età ta' dawk involuti din is-sena u s-sena l-oħra? Minn liema lokalitajiet huma?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
In vista tal-fatt li f'perijodu ta' 12-il xahar il-qgħad kiber minn 1,248 għal 7,266 sa l-aħħar ta' Mejju li għadda, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda perċentwali ta' żgħażagħ bejn it-18 u l-25 sena u bejn il-25 u l-35 sena? X'inhuma t-talbiet għal impjieg ta' dawn l-istess żgħażagħ fiż-żewġ gruppi? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel fiż-żewġ gruppi? Minn liema raħal ġejjin fiż-żewġ gruppi? Għandna informazzjoni tal-ħiliet akkademiċi tagħhom fiż-żewġ gruppi? Jekk iva, x'inhuma?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew mibnija blokki ta' flats tal-Gvern li għandhom tlieta, erba', ħames jew sitt sulari? Kemm minn dawn il-blokki għandom lifts ġo fihom u kemm hemm minnhom li m'għandhomx? Kemm hemm residenti li jgħixu f'dawn il-flats li għandom 'il fuq minn 65 sena? Jeżisti xi pjan biex f'dawk il-blokki ta' flats li m'għandomx
lifts
jitwaħħlulhom? Jekk iva, sa meta jaħseb li dan il-progett se jkun lest? Kemm jikkalkula li jiġi jiswa biex isiru
lifts
f'kull blokka bi tliet sulari jew iktar? Ir-residenti huma nvoluti f'dan il-proċess?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, min-naħa tal-Awtorità tad-Djar, m’hemmx informazzjoni disponibbli dwar in-numri ta’ blokki eżistenti tal-Gvern ikkategorizzati bin-numru ta’ sulari u lanqas dwar l-eta’ tar-residenti li jgħixu f’dawn il-blokki. L-istallar ta’ lifts fil-blokki mibnija ġodda mill-Gvern, inbeda mis-sena 1988 meta bdew jiġu istallati lifts fil-blokki ġodda li jkollhom erba’ sulari jew aktar. Mis-sena 1997 kienu bdew jiġu stallati lifts anke f’dawk il-blokki ġodda b’għoli ta’ tliet sulari. F’Ġunju 1999 l-Awtorità tad-Djar varat skema għall-istallazzjoni ta’ lifts fi blokki eżistenti tal-Gvern, liema skema għada fis-seħħ sal-lum. Ta’ min isemmi li l-Awtorità tad-Djar s’issa istallat wieħed u disgħin lift taħt din l-iskema waqt li qed jiġu istallati lifts f’ħames blokki oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il unit ġdida ta' djar, flats u appartamenti qassmet l-Awtorità tad-Djar bi skop soċjali matul is-sena 2008? Kemm kienet il-waiting list għall-akkomodazzjoni soċjali fl-ewwel ta' Jannar 2009? Kemm huwa maħsub li jitqassmu akkomadazzjonijiet bi skop soċjali matul is-sena li ninsabu fiha, jiġifieri l-2009?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Awtorità tad-Djar allokat 8 units ġodda ġewwa l-Qawra matul is-sena 2008. Sal-lum l-Awtorità tad-Djar allokat 126 unit fl-2009. Huwa diffiċli ngħidu kemm l-Awtorità tad-Djar sa talloka sa l-aħħar tas-sena għaliex dan jiddependi kemm units vojta jiġu ritornati lura lill-Awtorità tad-Djar u jiddependi wkoll kemm evictions isiru.
Informat ukoll li fl-ewwel ta' Jannar 2009 l-ammont ta' applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni alternativa kien ta' 3,102. Ta' min jgħid ukoll li minn 3,102 kien hemm 548 applikanti li qegħdin jikru mingħand il-privat u qegħdin jħallsu kera għolja.
Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali — rwolijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9681, 9493 u 9008 u jgħid x'inhuwa r-rwol tal-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali? Min huma l-membri ta' din il-Kummissjoni? X'attivitajiet wettqet matul is-sena l-oħra? Kemm għandha fondi allokati biex twettaq l-attivitajiet tagħha?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li r-rwol tal-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, organu konsultattiv mwaqqfa mill-Ministru, huwa dak li tagħti kontribut, permezz ta’ pariri lill-Ministru, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Att dwar is-Saħħa Mentali u f’inizjattivi ta’ riformi b’risq il-ħarsien, it-tisħiħ u sostenn tas-saħħa mentali tal-poplu Malti u Għawdxi in ġenerali u ta’ dawk il-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni.
Il-membri ta’ l-aħħar Kummissjoni mwaqqfa, li t-terminu tagħha skada fil-31 ta’ Diċembru 2007, kienu : Ms Connie Magro (Chairperson), Dr Joseph R. Saliba, Dr Anton Grech, Dr Ethel Felice, Ms Doris Gauci, Is-Sur (ex-Onor) Joe Abela, Dr Edward Curmi, Ms Mariel Spiteri, Ms May Caruana, Is-Sur Charlot Zahra, Ms Charmaine Vassallo, u s-Sur Paul J.Saliba (Segretarju).
Informat ukoll li matul is-sena l-oħra il-Kummissjoni ma ltaqgħetx peress li ma ġietx rikostitwita u għaldaqstant ma setatx twettaq attivitajiet.
Il-fondi allokati (Baġit 2009) lill-Kummissjoni sabiex twettaq l-attivitajiet tagħha jammontaw għal tmintax-il elf Euro (€18,000).
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9680, 9494 u 9125 u jagħti n-numru ta’ persuni, irġiel u nisa separatament, li mietu direttament jew indirettament minħabba t-tipjip fl-ewwel ħames xhur ta’din is-sena? Kemm mietu fl-2008?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li n-numru ta’ każijiet ta’ mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-Imwiet matul is-sena 2008 li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewg sessi huwa ta’ 372 mewt f’residenti ta’ Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 260 raġel u 112 mara. In-numru ta’mwiet fl-ewwel tliet xhur ta’din is-sena (Jannar- Marzu 2009) li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati mit-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta’ 113 mewt f’residenti ta’ Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 78 raġel u 35 mara. In-numru għal April u Mejju għada qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9667 u jindika kemm hemm studenti mill-Iskejjel Speċjali li se jiġu trasferiti fl-Adult Training Centres meta dawn jispiċċaw mill-iskola f'Lulju? Se jiġu ingaġġati aktar support workers biex ix-xogħol fiċ-Ċentri jimxi kif suppost? Jekk se jidħlu studenti ġodda, x'tip ta' transizzjoni saret mill-Aġenzija Sapport biex dawn l-istudenti jintegraw ruħhom b'mod professjonali?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li kien ġie deċiz li din is-sena iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum ma jeħdux klijenti ġodda min naħa tal-iskejjel Speċjali. Għaldaqstant mhux ser jiġu ingaġġati aktar support workers. It-tranżizzjoni ma sarietx minħabba il-fatt imsemmi hawn fuq.
Peress li jien infurmat li dan il-wax wasal, jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9686, 9497 u 9013 u jgħid meta se jkun hemm xemgħa fl-Isptar Mater Dei ħalli tkun tista' ssir dik li tissejjaħ wax therapy? Jikkonferma li l-Isptar Mater Dei ilu żmien f’din is-sitwazzjoni li qed tkun ta’ detriment għal dawk li għandhom bżonn din it-tip ta’ terapija?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-wax therapy reġgħet bdiet tiġi amministrata mill-Occupational Therapy Department tal-Isptar Mater Dei mill-1 ta' Ġunju 2009. Qabel din id-data, l-wax kien out of stock bejn il-15 ta' April u l-31 ta' Mejju 2009.
National Standards of Out of Home Child Care — dokumenti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9465, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokumenti b'verżjoni għat-tfal u għall-adulti tan-National Standards of Out of Home Child Care?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li d-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali lesta u ġiet stampata il-verżjoni għat-tfal tan-National Standards of Out of Home Child Care, filwaqt il-verżjoni għal adolixxenti u adulti qegħdha tiġi stampata u tkun tista tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati hekk kif tiġi mgħoddija lid-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jara li jiġi rranġat id-drenaġġ tar-residenza ta' persuna, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li wara numru ta' spezzjonijiet mid-Dipartiment tas-Sanità ta' Raħal Ġdid qalulhom li bil-liġi hija l-Awtorità tad-Djar li hija obbligata li tirranġah? Jista jara li l-każ jingħata l-attenzjoni meħtieġa?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħsara tinsab għand terzi persuni. Il-persuna kkonċernata għandha tinforma lil din l-inkwilina tal-ħsara li qed toħloq ħalli tagħmel it-tiswijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10170 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5789 fejn intqal illi mill-2009 il-Gozo Employment Aid Scheme li kienet amministrata mill-Malta Enterprise u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ se tkun trasferita taħt l-Employment Aid Scheme amministrata mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ weħidha u ffinanzjata minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja, jista’ l-Ministru jgħid kemm Għawdxin ibbenefikaw minn din l-iskema din is-sena? Jista’ jgħid jekk huwiex l-uffiċċju tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ f’Għawdex li qed jamministra din l-iskema f’Għawdex? Jekk le, għaliex? Jekk iva, hemm xi uffiċjal maħtur speċifikament biex jamministra din l-iskema f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kif inħatar? X’inhuma l-funzjonijiet f’Għawdex fit-tħaddim ta’ din l-iskema?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-iskema Employment Aid Programme ġiet imnedija fl-20 ta’ Frar ta’ din is-sena. S’issa hemm 57 persuna Għawdxija li ġew impjegati taħt din l-iskema u daħlu lura fid-dinja ta-xogħol.
Informat ukoll li huwa l-uffiċju tal-KXT f’Ghawdex li qed jamministra din l-iskema f’Ghawdex. Iva, hemm uffiċjal maħtur apposta biex jamministra din l-iskema. Dan l-uffiċjal intgħażel wara li l-KXT imxiet mal-proċeduri ta’reklutaġġ fis-settur pubbliku kif ġej;
§ Ma nstab ħadd tajjeb fuq l-ewwel parti u t-tieni parti tar-reġistru.
§ Mit-tielet parti, intagħżlet persuna li bdiet u rriżenjat.
§ Inħareg avviż pubbliku skond il-liġi
§ Ntgħażlet persuna oħra li għadha tħaddem l-iskema sal-lum.
Il-funzjoni ta' dan l-uffiżjal hu;
§ Li jgħin lil min iħaddem japplika għal din l-iskema;
§ Li jipproċessa l-applikazzjonijiet;
§ Li jibħat kull korrispondenza meħtiega lill-applikant; u
§ Li jara li l-iskema miexja kif ippjanat.
Peress li fil-11 ta' Ottubru, 2005 il-Gvern kien stqarr f'dan il-Parlament f'mistoqsija parlamentari 14577 li "peress li t-tqassim tal-mediċini jkun f'kuntest ta' pandemija u din ma tkunx sitwazzjoni normali, il-mediċini Tamiflu se titqassam b'xejn lil kull min jiġi ddikjarat minn tobba li għandu bżonn il-mediċina" filwaqt li issa "The WHO has reported that healthy adults are not considered vulnerable and the majority of people recover without Tamiflu", jikkonferma l-Ministru li anke jekk mhux se jiġu swabbed min mhux tqil, jew min hu ta' età ta' inqas minn ħames snin jew m'għandux mard kroniku xorta waħda se jingħata t-Tamiflu b'xejn mill-istat jekk din tiġi preskritta minn tabib li jsib li l-healthy adult qed ibati minn xi kumplikazzjoni tal-infezzjoni b'influwenza tal-virus A H1N1?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-policy segwita mid-Diviżjoni tas-Saħħa hija dik segwita f’ħafna pajjizi skond rakkomandazzjonijiet tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Fil-preżent il-mediċina Tamiflu qed tingħata lill-dawk kollha konfermati li qed isofru mill-
virus
Influenza A (H1N1) li jaqgħu fil-grupp deskritt bħala vulnerabbli. Testijiet biex tiġi konfermata l-infezzjoni qed isiru biss fuq dan il-grupp ta’ pazjenti li jinkludi, tfal taħt il-ħames snin, nisa tqal, nies ibatu minn mard kroniku u nies li għanhom bidu ta’ kumplikazzjonijiet tal-virus.
Informat ukoll li f’dawn il-każi it-tabib kuranti għandu jiddiskuti kull każ mad-Dipartiment u jittieħu il-miżuri kollha meħtieġa, inkluż it-test neċessarju u l-għoti tal-mediċina Tamiflu jekk l-infezjoni tkun konfermata.
Kull min ikollu bżonn it-tamiflu dan se jingħata b'xejn.