Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li tul dawn l-aħħar ħames snin, il-Ministeru tiegħi ħallas is-somma ta' €13,650.15 lill-avukat u €281.14 lill-kumpanija msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tarax li ż-zebra crossing li hemm fin-niżla t'Għajn Dwieli eżatt kif taqbeż id-daħla tat-Tarzna, tingħata ż-żebgħa peress li mhux qed tidher u qed tkun ta' perikolu kbir kemm għal min jaqsam kif ukoll għal min ikun qed isuq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li filwaqt li f’Mejju huwa pprogrammat li jiġu miżbugħa mill-ġdid ir-road markings matul din it-triq, iż-zebra crossing imsemmija mill-Onorevoli Interpellant se tinżebah fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33179 u jinvestiga l-kont ta' multi li rċeviet il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, inkluż il-kunsens, fuq vettura li ma baqgħetx tagħhom għaliex kienet inbiegħet u sar transfer fuqha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha Transport Malta, tal-persuna li ngħataw id-dettalji tagħha, din il-persuna xtrat din il-vettura mingħand il-persuna l-oħra fl-1 ta’ April 1997.
Ninsab ukoll infurmat li din il-vettura għandha l-liċenzja skaduta u l-liċenzja ilha ma titħallas minn Frar tal-2008. Transport Malta mhix infurmata li kien hemm xi trasferiment ieħor u jekk kien hemm bejgħ ta’ din il-vettura, allura dan ma ġiex reġistrat ma’ Transport Malta.
Ninfurmak ukoll li skont ir-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni u Liċenzjar ta’ Vetturi bil-Mutur, Leġislazzjoni Sussidjarja 368.02, is-sid tal-vettura jibqa’ responsabbli tal-vettura sakemm it-trasferiment ta’ dik il-vettura ikun reġistrat ma’ Transport Malta f’mhux aktar minn sebat ijiem.
Ħal Farruġ — Triq Ħal Farruġ - sinjali tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema tar-residenti tal-Housing Estate ta' Ħal Farruġ li qed jilmentaw li l-exits li hemm fuq Triq Ħal Farruġ qegħdin perikolużi ħafna għall-vetturi li jkunu ħerġin fuq din it-triq peress li mhemmx sinjali tat-traffiku adekwati f'kull exit?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lil Transport Malta.
Wara li riċentament intqal li se jiġu rranġati xi rotot fis-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jindika jekk fost dan it-titjib hux se jkun hemm l-introduzzjoni mill-ġdid tar-rotta li kienet taqdi lir-residenti tal-Gudja u Ħal Għaxaq, speċjalment residenti anzjani, liema rotta kienet twassalhom minn u lejn il-Pjazza ta' Raħal Ġdid direttament għal skop ta' servizz fil-poliklinika? Jekk dan mhux se jseħħ, jista' jagħti spjegazzjoni għalfejn dan mhux se jkun ikkunsidrat? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika meta dan it-tibdil se jidħol fis-seħħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, b'żieda mas-servizz eżistenti, se jkunu wkoll ipprovduti servizzi bejn Ħal Għaxaq u Paola u bejn il-Gudja u Paola.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-liċenzja ta' vetturi bil Y number plate għoliet minn €86 għal €450 fis-sena b'effett mis-sena 2012? Jista' jgħid jekk inbidlux ir-regolamenti għall-ħruġ ta' liċenzji ta' Y number plate vehicles fis-sens li issa r-requirment ta' fond biex il-vettura tkun iggaraxxjata spiċċat? Jekk dan huwa l-każ ma jidirlhux li dan it-tibdil joħloq kompetizzjoni inġusta għax min akkwista vettura s-sena li għaddiet kellu jidħol f'investiment qawwi ta' xiex ta' proprjetà u dawk li jakkwistaw liċenzja issa m'għandhom għalfejn? Dan it-tibdil ġie diskuss ma xi entità?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma d-data meta l-Arriva se tibda toffri servizz mis-Swatar sal-Belt? X'frekwenza se jkollu dan is-servizz? X'se jkun in-numru tar-rotta u u fi x'ħin se jibda l-ewwel vjaġġ u meta se jispiċċa l-aħħar wieħed?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mis-27 ta’ Mejju 2012, ir-Rotta 123 se tkun devjata sabiex tibda mill-Isptar Mater Dei, tgħaddi mis-Swatar via B’Kara u l-Ħamrun u tibqa’ sejra lejn il-Belt Valletta. Dan is-servizz se jkollu frekwenza ta’ kull 60 minuta u aktar dettalji rigward l-iskedi se jkunu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin mill-operatur tat-trasport pubbliku.
B'referenza għall-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu seperatament u billi l-persuna kkonċernata kellha problemi u żvantaġġi ta' komunikazjoni oħra relatati ma' problemi fil-proċess tas-separazzjoni, jista' l-Ministru jara kif tista' tiġi mgħejjuna din il-persuna? Billi għal xi żmien din il-persuna kienet tbati minn dipressjoni, jista' jara li jinstab rimedju immedjatament ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma naħsibx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Billi xi xhur ilu l-Ministru kien informa lill-Kamra li kont rreferejt lill-Transport Malta problemi marbutin mas-servizz offrut lir-residenti tal-Għargħur, u billi xi xhur ilu Transport Malta permezz tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, infurmaw lil wieħed mill-kunsilliera tal-Għargħur li wieħed irid jifhem li ċerti problemi kienu dovuti għall-fatt li ċertu tibdiliet kienu għadhom fil-fażi tal-bidu tagħhom, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk minn dak iż-żmien lil hawn ittieħdux jew humiex jiġu kkunsidrati li jittieħdu passi effettivi biex r-residenti tal-Għargħur jibdew jinqdew aħjar kif kienu fl-imgħoddi fejn jidħol servizz tat-trasport pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta hija konxja tal-problemi assoċċjati mar-rotta bin-numru 35. Dan hekk kif kien ġie spjegat lill-Kunsill Lokali tal-Għargħur.
Transport Malta baqgħet tissorvelja din ir-rotta filgħodu mit-Tnejn sal-Ħadd, kif ukoll wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Minn dan l-istħarriġ qed jirriżulta li:
· Fil-perjodu ta’ bejn Diċembru u Frar, filgħodu saru medja ta’ 84% vjaġġi skedati, filwaqt li wara nofsinhar saru medja ta’ 91%;
· Fl-istess perjodu filgħodu żammew mal-iskeda medja ta’ 84% u wara nofsinhar medja ta’ 87%;
· Medja ta’ 20% tal-vjaġġi kemm ta’ filgħodu kif ukoll ta’ wara nofsinhar qabżu l-ħin massimu ta’ stennija, fuq l-istess perjodu.
Dan kollu jikkonferma li għalkemm Transport Malta żammet kuntatt kontinwu mal-operatur fuq din ir-rotta speċifika, is-servizz mogħti għadu mhux qed ilaħħaq mal-livell mitlub fil-kuntratt iffirmat bejn l-awtoità u l-operatur. F’dan ir-rigward bdew jiġu applikati penalitajiet minn Marzu, wara li għaddew 4 xhur minn meta daħlet fis-seħħ din ir-rotta.
Infurmat ukoll li Transport Malta se tiddiskuti xi soluzzjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Għargħur sabiex jiġi mtejjeb il-mod kif qed topera din ir-rotta.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmak ta' Misraħ Pizzuta fiż-Żejtun?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari nru 16410, ninsab infurmat li hemm biċċa żgħira minn dan il-misraħ li għadha qatt ma saret.
Matul is-survey li Transport Malta tkun qed tagħmel mal-Kunsill Lokali f’Mejju/Ġunju li ġejja, tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar dik il-parti li għadha qatt ma saret.
Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — car allowances
Question
Fid-dawl tad-dibattitu parlamentari li sar dan l-aħħar dwar id-dħul tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jista' l-Ministru jikkonferma jekk fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010 ikkunsidrax dħul bħala car allowance u ġentilment jgħid kemm kien dan l-ammont filwaqt li jikkonferma wkoll jekk hux minnu li għandu karozza leased mill-Ministeru tiegħu jew proprjetà tal-istess Ministeru għad-dispozizzjoni privata tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nikkonferma li bħala Ministru minbarra l-karozza uffiċċjali, jien għandi wkoll id-dritt ta’ użu ta’ karozza oħra li fuqha niġi ntaxxat bħala fringe benefit. Nikkonferma wkoll li jien ma nieħu l-ebda car allowance.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol li kien inbeda fl-Isqaq Għadira f'Ħal Qormi ilu wieqaf aktar minn ġimgħa u dan wara li r-residenti ilhom is-snin kbar ibtu mit-tħarbit li fiha din it-triq? Jista' jassigura li x-xogħol li hemm bżonn isir f'din it-triq jitlesta fl-iqsar żmien possibli? Jekk iva, f'kemm żmien dan ix-xogħol għandu jitlesta? Jekk le, jista' jgħid x'se jsir f'din it-triq li minkejja hija triq żgħira, għandha funzjoni importanti ħafna mhux biss għar-residenti iżda għaliex fost affarijiet oħra: tgħaqqad toroq importanti u ukoll hija speċi ta' emergency exit meta fil-wied ikun hemm l-ilmijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab informat li x-xogħol fuq Sqaq l-Għadira f’Hal Qormi beda fil-5 ta’ Marzu 2012. Fis-16 ta’ Marzu 2012 tlestew is-servizzi. Bejn l-20 ta’ Marzu u t-23 ta’ Marzu 2012 saru t-testijiet fuq is-servizzi tal-WSC u dawn ġew ikkonfermati mill-WSC. Immedjatament wara, l-kuntrattur rega’ kompla bix-xogħlijiet. Dan kollu juri li x-xogħol ma damx gimgħa wieqaf.
faċilitajiet temporanji ta’ irmiġġ għall-jottijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħolqitx xi infrastruttura ġdida f’dawn l-aħħar sentejn ta’ faċilitajiet temporanji ta’ irmiġġ għall-jottijiet u bħala sapport għas-suq tal-cruise liners? Jekk fl-affermattiv, fejn inħolqu u meta? Jekk fin-negattiv, hemm xi pjan biex tinħoloq din l-infrastruttura? Jekk hemm, tista’ tpoġġi kopja ta’ dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li f’Awwissu tas-sena l-oħra r-Royal Malta Yacht Club poġġa żewġ pontoons qrib il-Club tiegħu ġo Ta' Xbiex, u dawn jieħdu madwar sittin yacht bejn ix-xahar ta' Mejju u Ottubru.
Din is-sena ġod-daħla ta' Marsamxett bdiet topera faċilità magħrufa bħala Sandy Marina. Dawn għandhom irmiġġi organizzati biex jorbtu l-jottijiet.
Mistenni wkoll li f'April tibda topera marina ġdida fid-daħla tal-Kalkara magħrufa bħala Kalkara Marina.
Barra minn dawn, saret estensjoni tal-marina tal-Imġarr ġewwa Għawdex biex din issa tieħu 250 jott.
Fir-rigward tal-
cruise liners
, ġie mmodifikat ix-xatt ta' Lascaris biex ikunu jistgħu jiġu akkomodati
cruise liners
akbar mal-Moll ta' Pinto.
Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Għaxaq — xogħlijiet fi Triq San Ġorġ f'Ħal Għaxaq
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li jara li Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta' Ħal Għaxaq jiltaqgħu ħalli jiġi diskuss it-tkomplija tax-xogħlijiet fi Triq San Ġorġ f'Ħal Għaxaq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Perit tad-distrett ta’ Transport Malta kellha taħdidiet mal-Kunsill Lokali kkonċernat u Transport Malta qiegħda tikkonsidra diversi għażliet sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-kunsill lokali.
Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — remunerazzjonijiet ta' chairpersons
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irreklutat persuni Transport Malta minn Jannar 2012 sal-lum, anke bħala konsulenti u f'kull każ, x'inhu l-pakkett finanzjarju li tat lill kull wieħed u waħda minnhom? X'inhu x-xogħol rispettiv tagħhom? Kemm-il siegħa jaħdmu f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — Xogħlijiet lill-Kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-2004 sal-lum kemm ingħataw xogħlijiet lill-kumpaniji li isimhom qed jintbgħat separatament? Jista’ jagħti d-data u l-ammonti u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet ingħatawx b’tender jew direct order ?
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — informazzjoni dwar l-impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid, matul l-2011 kemm ħarġu applikazzjonijiet għal impjieg fid-dekasteru responsabbli mill-Ministru u kemm ġew impjegati, kemm abbażi ta' kuntratt definit jew indefinit? F'kull każ x'kien il-grad/nomenklatura ta' impjieg li ġew imħaddma fih?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Issa li tħabbar li nbidel il-kuntrattur li qiegħed jagħmel xogħlijiet madwar il-Baċir Nru 1, jista' l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur il-ġdid u kif intagħżel? Il-valur tax-xogħol se jibqa' l-istess jew ir-rati tax-xogħol ġew mibdula?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Lime Building Products Ltd ġew ingaġġati b’Direct Order għall-valur ta’ €76,000 biex tispiċċa t-triq li hi biswit id-Dock 1. Id-differenza fir-rati meta mqabbla mal-kuntratt oriġinali ser tiġi rikjesta mingħand Marinelli Spa.