Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċekkijiet tar-Rifużjoni tat-Taxxa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20208, jista' l-Ministru jagħti l-ammont ta' kemm-il persuna ma rċivitx iċ-ċekk imsemmi u jista' jagħti r-raġuni għala ma nħarġux dawn iċ-ċekkijiet? Jista' jgħid sa meta jistgħu jinġabru dawn iċ-ċekkijiet u x'jiġri jekk ma jinġabrux?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif irrapportajna fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20208 iċ-ċekkijiet lil persuni eliġibbli ntbagħtu kollha. Jekk persuna eliġibbli ma rċevietx iċ-ċekk għandha tikkuntattja lil servizz.gov fuq freephone 153 biex tivverifika l-każ tagħha.

Ministeru għall-Finanzi - Press conferences

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru press conferences mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll: (i) x’kienet it-tema; (ii) kemm ġiet tiswa din il-press conference; (iii) kif intefqu l-flus (eż. post, catering, backdrop, sound, dawl, eċċ.); (iv) min kienu l-kuntratturi u/jew l-individwi li għamlu x-xogħol; (v) kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ direct order u kemm kienet permezz ta’ sejħa pubblika?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi ġejt infurmat li sabiex tingħata l-informazzjoni kif mitluba, tinqabez l-advisory cost.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Entitajiet Regolatorji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13512, fir-rigward ta’ entitajiet regolatorji (irrispettivament mill-mod kif deskritti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u f’kull każ jgħid: a. jekk din l-entità għandhiex il-poter skont il-liġi ordinarja li timponi penalitajiet finanzjarji (irrispettivament minn kif deskritti) ta’ natura ċivili jew amministrattivi u, jekk iva, jgħid kemm hu l-massimu tal-penali li tista’ tiġi imposta minn dik l-entità, kemm fuq bażi one-off u/jew għal jum ta’ nuqqas ta’ konformità u f’kull istanza fejn applikabbli jagħmel referenza għad-dispożizzjonijiet tal-liġi ordinarja li tagħti lil dik l-entità l-poter li timponi tali penalitajiet; b. quddiem liema forum ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jistgħu jiġu kkontestati deċiżjonijiet fejn l-entità kkonċernata timponi penali ta’ din ix-xorta; u ċ. jekk kienx hemm u/jew jekk hemmx pendenti kawżi ta’ natura kostituzzjonali li fihom intalab li d-dispożizzjonijiet taħt il-liġi ordinarja li jagħtu l-poter li l-entità kkonċernata timponi tali penalitajiet jiġu ddikjarati li jikkostitwixxu ksur tal-Kostituzzjoni b’mod partikolari tal-artikolu 39 tal-istess Kostituzzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Finanzi — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2024 u t-8 ta' Ġunju 2024? F'liema grad/skala kienu u f'liema grad/skala tpoġġew?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ċekkijiet — Spiża fuq proċessar, stampar u posta

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19893 u 20081, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali fuq proċessar, stampar u posta taċ-ċekkijiet li nħarġu fil-ġimgħat li għaddew?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Finanzi — Reklami fuq stazzjonijiet tat-televixin - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq stazzjonijiet tat-televixin mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-istazzjonijiet li l-Ministeru xtara r-reklami?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tweġiba turi n-nefqa minn Jannar 2024 ’l hemm.

Dejn Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex dan id-dejn nazzjonali jibda jitħallas u jonqos?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-piż ta’ dejn nazzjonali bħala proporzjon tal-Prodott Gross Domestiku ser ikompli jonqos hekk kif l-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikber b’rata b’saħħitha filwaqt li d-defiċit fiskali ser ikompli jonqos b’0.5 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku fis-sena.

Dejn Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex jara li d-dejn nazzjonali ma jkomplix jikber b’tali mod li jsir insostenibbli, u li b’hekk jista’ jwassal għal nuqqas ta’ sostennibiltà fl-edukazzjoni u saħħa bla ħlas dirett, servizzi soċjali u pensjonijiet?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dejn nazzjonali huwa kkunsidrat bħala wieħed medju hekk kif jinsab taħt is-60.0 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku hekk kif stabbilit fir-regoli l-ġodda ta’ l-Economic Governance Framework. Għaldaqstant, la l-Gvern, la l-Kummissjoni Ewropea u anqas l-Aġenzija tar-Rating tal-Kreditu ma jqisu dan l-ammont ta’ dejn bħala wieħed mhux sostenibbli.

Applikazzjonijiet għall-post ta’ piloti

Question

Jista’ Ministru jgħid meta se jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-post ta’ piloti mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għal-post ta’ piloti mal-kumpanija KM Malta Airlines ser joħorġu fix-xahar ta’ Lulju 2024.

Ċekkijiet mibgħuta fl-2023 li għadhom ma ssarrfux

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċekkijiet li l-Gvern bagħat għall-ħabta ta’ Mejju 2023 li baqgħu ma ssarrfux sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur totali taċ-ċekkijiet li ma ssarrfux?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn iċ-ċekkijiet kienu ntbgħatu bħala parti mill-proċeduri li ddaħħlet fis-seħħ b’mod annwali mill-2018 biex il-ħaddiema f’pajjizna jiġu kkumpensati, b’dawk li jaqilgħu l-inqas jieħdu l-akbar kumpens. Inżid ukoll illi n-numru ta’ ċekkijiet li l-Gvern bagħat għall-ħabta ta Mejju 2023 li baqgħu ma ssarrfux huwa ta’ 38,267; u l-valur tagħhom hu ta’ € 4,039,320.

Ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux iċ-ċekkijiet kollha tar-rifużjoni tat-taxxa ntbagħtu lil min kien eliġibbli? Jista’ jgħid jekk hemmx ċekkijiet li ma ntbagħtux u se jkollhom jinġabru personalment? Jista' jgħid ukoll għaliex ma ntbagħtux, sa meta jistgħu jinġabru dawn iċ-ċekkijiet u x'jiġri jekk ma jinġabrux?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-persuni li kienu eliġibbli għaċ-ċekkijiet tar-rifuzjoni tat-taxxa, hekk magħrufa bħala “Nippremjaw il-bżulija”, intbagħtu kollha. Persuni li ma rċevewx l-imsemmi ċekk għandhom jagħmlu kuntatt mal-freephone 153 sabiex jiġu ggwidati biex iressqu t-talba tagħhom.

Ministeru għall-Finanzi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Diċembru 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19682.

Ministeru għall-Finanzi — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru, u m'hemmx ħsieb li jsiru f’dan l-istadju.

Dejn Nazzjonali

Question

Jista’ l-Gvern jipprovdi tabella ta’ kemm kien id-dejn nazzjonali għal kull sena mill-2012?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni hi skont it-tabella hawn taħt: YearGeneral Government sector debt - € millions 20124,907.42 20135,278.42 20145,433.34 20155,623.09 20165,769.67 20175,705.44 20185,662.09 20195,720.27 20206,974.02 20218,263.29 20228,999.68 20239,767.81 *Source of debt data: NSO News Releases 70, 71, 102 of 2024, dated 22 April and 3 June respectively.

Prodott Domestiku Gross u Dejn Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’persentaġġ, kemm jammonta d-dejn nazzjonali meta mqabbel mal-prodott domestiku gross (GDP)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-NSO, l-persentaġġ tad-dejn nazzjonali meta mqabbel mal-prodott domestiku gross (GDP) għas-sena 2023 kien ta’ 50.4%.

Dejn Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħala medja, kemm tħallsu interessi kuljum fuq id-dejn nazzjonali, mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dejn Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Gvern, kemm qed jipproġetta li jkun id-dejn nazzjonali sat-tmiem din il-Leġiżlatura?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-dejn nazzjonali ser jibqa’ taħt is-60.0 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku hekk kif stabbilit fir-regoli l-ġodda ta’ l-Economic Governance Framework.

Ministeru għall-Finanzi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19682.