Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site-plan ta’ fejn eżatt hi ppjanata li tinbena l-iskola primarja l-ġdida tar-Rabat Għawdex? Jista’ jpoġġi wkoll kopja fuq il-Mejda tal-Kamra ta’ fejn huma ppjanati li jsiru l-grounds fejn it-tfal ta’ din l-iskola l-ġdida jkunu jistgħu jirrikrejaw rwieħhom u jilagħbu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. interpellant li s-site map tal-proġett qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar din is-site plan għandu jiġi nnotat li:
· l-estensjonijiet li se jinbnew huma dawk immarkati b'linja rqiqa ħamra
· l-Iskola Primarja se tkun fil-parti ta' quddiem, filwaqt li l-
Middle School
se tkun fil-parti ta' wara
· il-
playgrounds
taż-żewġ skejjel huma indikati bil-kuluri.
Attachments:PQ 5013 - Site Plan - Victoria Primary School.pdf
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — ħaddiema - xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 265 u jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-Onor. interpellant japprezza li wħud mill-entitajiet li qed nitkellmu dwarhom huma entitajiet edukattivi u għaldaqstant marbutin ma’ programmi speċifiċi. Għaldaqstant, il-ħtieġa li jingaġġaw edukaturi partajm b’kuntratt definit skont il-ħtieġa tal-entità kkonċernata.
Fil-fatt biex ikunu jistgħu joffru l-firxa ta’ servizzi tagħhom, żewġ entitajiet, jiġifieri SportMalta u l-MCAST, jagħmlu użu minn staff skont il-ħtieġa. Hekk pereżempju SportMalta tuża s-servizz ta’ 407 partajm coaches/helpers biex tkun tista’ tanalizza l-bżonn, tipproċessa applikazzjonijiet, u torganizza l-programmi/korsijiet sportivi tagħha. L-MCAST tagħmel użu minn 309 partajm Teachers li l-għadd tagħhom huwa marbut skont il-ħtieġa tal-units tal-programmi offruti u l-għadd ta’ studenti li japplikaw għal kors partikolari, minn 16 Awturi tal-units partajm li jaħdmu fuq assignments skont il-ħtieġa tal-MCAST, u tmien (8) persuni f’xogħol speċjalizzat li l-MCAST mhux dejjem ikollu bżonnhom.
L-għadd ta’ ħaddiema oħrajn b’kuntratt definit fl-entitajiet (18 minn 19-il entità) li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hu ta’ 77, ilkoll b’objective reason kif indikat fid-Direttiva nru. 12.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li jonqos tingħata kjarifika dwar in-numru ta’ ħaddiema b’kuntratt definit ta’ xogħol minn entità waħda (l-Università ta’ Malta). Din l-informazzjoni tkun tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħata l-kjarifika mitluba.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — lista ta' xiri ta' servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xiri ta’ servizzi u xiri ta' prodotti li ġew ordnati minn April 2013 mis-Segretarjat privat permezz ta’ quotation jew permezz ta’ direct order? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji/individwi intalbu l-quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order u min ingħata x-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4886.
Studenti li ġew excluded mill-Iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Privat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti mill-Iskejjel kollha li ġew excluded milli jattendu l-iskola mis-sena 2015 sal-ġurnata tal-lum? Għal kemm-il ġurnata dawn l-istudenti ġew imkeċċija mill-iskejjel u għal liema raġunijiet ġew imkeċċija u minn liema skola ġew imkeċċija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għas-sena skolastika 2015/16 u s-sena skolastika 2016/17 (sa Marzu 2017) hija kif mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32712 tat-12-il Leġiżlatura u ċjoè:
In-numru ta’ studenti li ġew excluded mill-iskola fl-iskejjel tal-Istat kien kif se nsemmi:
Sena skolastika 2015/16 - 262 student
Sena skolastika 2016/17 (sa Marzu) - 277 student
In-numru ta’ ġranet ta’ exclusion ivarja minn jum wieħed skolastiku ta’ student wieħed fi skola waħda għal 137 jum ta’ tkeċċija akkumulati mferrxa fuq numru ta’ studenti fi skola waħda, sena sena.
In-numru ta’ studenti li ġew excluded mill-iskola fl-iskejjel mhux tal-Istat kien kif se nsemmi:
Sena skolastika 2015/16 - 74 student
Sena skolastika 2016/17 (sa Marzu) - 64 student
In-numru ta’ ġranet ta’ exclusion ivarja minn nofs jum tal-iskola għal 25 ġurnata.
Il-kumplament tal-informazzjoni għall-perjodi April-Ġunju 2017 u Settembru 2017-Marzu 2018, inkluż għal kemm-il ġurnata u għal liema raġuni ġew imkeċċija, tkun tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Sħubija bejn l-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn u l-ġenituri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn biex jippromwovi l-politika ta’ tisħib tal-ġenituri fl-iżvilupp ta’ din l-iskola u biex jinħoloq sħubija effettiva bejn l-iskola u d-dar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li nemmnu li l-ġenituri huma essenzjali fil-progress edukattiv tal-istudenti. Matul dawn l-aħħar ġimgħat fl-Iskola Primarja ta’ Marsaskala ġew organizzati laqgħat mal-għalliema fejn dawn iddiskutew flimkien mal-ġenituri l-progress ta’ wliedhom. Saru laqgħat oħra dwar il-PSCD u l-iskola ngħatat sapport permezz ta’ laqgħat offruti minn Aġenzija Sedqa u minn Aġenzija Appoġġ, sabiex il-ġenituri jingħataw tagħrif dwar it-trobbija ta’ wliedhom, speċjalment dwar l-użu għaqli tal-media soċjali. Inizjattivi oħra jinkludu attivitajiet fejn il-ġenituri jaraw lit-tfal tagħhom jaħdmu flimkien fil-klassi stess u jingħataw tagħrif regolari dwar dak kollu li jkun qed isir fl-iskola permezz ta’ ittra kull xahar lill-ġenituri u wkoll permezz tas-sit elettroniku li ġie mniedi fl-aħħar xhur. Dan biex ikun hemm sħubija effettiva bejn l-iskola u d-dar.
Jista’ l-Ministru jindika fid-dettal fiex jikkonsistu l-proġetti Youth in Focus u Embark for Life? X’għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dawn is-servizzi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Kurrikulu Nazzjonali biex dan jiġi implimentat fl-iskejjel kollha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Kurrikulu Nazzjonali tal-pajjiż ġie żviluppat f’Learning Outcomes Framework li jinsab online fuq il-website – www.schoolslearningoutcomes.edu.mt
Jista’ l-Ministru jagħti fid-dettal is-servizz ta’ customer care biex jiġu ttrattati l-ilmenti ta’ studenti, ġenituri u għalliema skont il-policies maħruġa mid-Direttorati? Kemm kien hemm każijiet li ġew ittrattati fis-sena skolastika li għaddiet u fuqiex kienu l-ilmenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta' customer care li qiegħed jirreferi għalih huwa servizz ġdid li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES) qiegħed jieħu azzjoni permezz tal-KPI 23 (Key Performance Indicator 23): Jiġu introdotti ħdax-il proċedura fl-iskejjel tal-Istat biex nagħtu lill-edukaturi aktar serħan tal-moħħ u niffaċilitaw ix-xogħol siewi tagħhom. Dawn il-proċeduri jinkludu Proċedura 1: Customer Care Service: Office of the College Principal and College Schools fejn qiegħda tiġi fformulata Standard Operations Procedure biex ilmenti, appuntamenti u kull mhu meħtieġ mill-ġenituri u l-kommunità mill-uffiċini tal-Prinċipal u l-iskola jiġu ttrattati bl-istess mod u fl-istess tul ta’ żmien. Dan is-servizz se jkun attwat għas-sena skolastika 2018-19.
Sadanittant, il-prassi fl-iskejjel Maltin huwa li jitrattaw kull każ jew sitwazzjoni li jidħlu l-uffiċċju tal-Prinċipal, l-uffiċċju tal-Kap tal-iskola, tal-Assistent Kap jew l-uffiċini klerikali tagħhom malajr kemm jista’ jkun.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Customer Care fl-uffiċċju prinċipali tal-Edukazzjoni ittratta 245 każ fis-sena skolastika 2016-2017. Dawn iżda mhux kollha kienu marbuta ma' edukazzjoni. Il-każijiet li jikkonċernaw edukazzjoni kienu jinkludu problemi fi skejjel tal-Istat jew tal-Knisja, ilmenti fuq kotba tal-iskola, eżamijiet fl-iskejjel primarji u trasport tal-iskola, LSAs għat-tfal, u ilmenti oħrajn dwar skejjel li ġew mgħoddija lill-Prinċipal tal-Kulleġġ.
B’referenza għall-isparar fuq il-ħamiem li sar fid-dawl tax-xemx fit-toroq tal-Birgu, għalkemm hemm metodi oħra anqas krudili kif jiġi kkontrollat il-ħamiem li meta jkun fi kwantità hu pest, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu li dan l-isparar sar fid-dawl tax-xemx fit-toroq tal-Birgu quddiem tfal li raw b’għajnejhom il-ħamiem jaqa’ mal-art wara li jiġu sparati tiri fuqu u jibqa’ jirtogħod sakemm imut (filmat tat-Times of Malta)? Barra li dan il-fatt hu kundannabbli fin innifsu, jaħsibx il-Ministru li hu ferm aktar gravi meta dan l-isparar fuq ħamiem sar proprju meta t-tfal tal-iskola kienu fil-vaganzi tal-Għid?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan il-każ kif spjegata fl-istqarrija tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima maħruġa permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni - PR 180722.
B’referenza għall-qtil barbaru li sar fil-Birgu quddiem tfal fl-età tal-iskola meta ngħatat ordni biex il-ħamiem jinqatel permezz ta’ sparar fuqu, jaħsibx il-Ministru li dan jikkontrasta sew ma dak li qed jiġi mgħallem fl-iskejjel tagħna biex it-tfal iħobbu u jitrattaw sew lill-annimali u li dak li sar fil-Birgu jmur kontra d-diversi inizjattivi li jsiru fl-iskejjel tagħna biex it-tfal jiġu mgħallma jħobbu l-annimali u inizjattivi oħra simili biex tinħoloq kultura fost it-tfal kontra l-moħqrija tal-annimali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 5161.
Ftehim kollettiv mal-MUT – żieda lill-edukaturi fl-iSkejjel tal-Knisja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-edukaturi fl-iSkejjel tal-Knisja mistennija jieħdu ż-żidiet dovuti lilhom skont il-ftehim kollettiv iffirmat fl-aħħar tas-sena li għaddiet mal-MUT?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u s-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja qablu li s-salarji ta’ Mejju ser jirriflettu ż-żidiet u sa Ġunju l-arretrati kollha jkunu mħallsa.
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-proċess li bih jitħallsu l-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, huwa differenti minn dak tal-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat. Filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol joħroġ direttament is-salarji għall-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat, fil-każ tal-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jibgħat il-fondi meħtieġa biex ikopri dawn is-salarji lis-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja li mbagħad joħroġ is-salarji tal-edukaturi li jinsabu fl-Iskejjel tal-Knisja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti, ċittadini ta' Malta, li jattendu l-Iskejjel Ewropej, skola b'skola u skont is-sezzjoni lingwistika u ċ-ċiklu (nursery, primarja u sekondarja)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli kif ser nispjega:
L-ewwel tabella turi l-istudenti Maltin li hemm jistudjaw fl-iskejjel Ewropej, kull skola u kull Klassi. M tfisser maternelle (kinder) P hija l-Primarja u S tirreferi għas-sekondarja. S6 u S7 qishom il-post-sekondarja tagħna. Bħala tqassim f'sezzjoni tal-lingwa dawn ġeneralment ikunu fis-sezzjoni tal-Ingliż jew tal-Franċiż. L-informazzjoni preċiża ma jagħtuhiex minħabba data protection u tkun trid tintalab lil kull skola bil-kunsens tal-ġenituri.
It-tieni tabella hija l-istess bħall-ewwel waħda imma tindika lil dawk l-istudenti Maltin li jkollhom ġenituri ta' nazzjonalità mhux Maltija. Għalhekk ikun hemm il-0.5 u l-0.33 li hija s-sistema tagħhom biex jindikaw kemm kull pajjiż ikollu verament studenti tiegħu biex jikkalkulaw il-kontribuzzjonijiet ta' għalliema li kull pajjiż irid jibgħat.
Attachments:PQ 5249 - studenti maltin li jattendu skejjel ewropej.pdf
B'referenza għal dak li ġie kkwotat fil-media lokali fejn intqal li skond il-Eurostat, il-ħlas medju għal siegħa xogħol f'Malta hu kważi €14, jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema (separatament) li jitħallsu minn €4 sa €6, minn €6 sa €8, minn €8 sa €10, minn €10 sa €12 u minn €12 sa €14 fis-siegħa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-entitajiet li jaqgħu taħtu mhumiex responsabbli minn kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż salarju.
Università ta’ Malta – temm ta’ impjieg ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif intemm l-impjieg tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mal-Università ta’ Malta? Jista’ jgħid jekk l-impjieg intemmx wara riżenja jew wara xi proċess dixxiplinarju? Jekk l-impjieg intemm b’riżenja, jista’ l-Ministru jgħid kienx inbeda proċess dixxiplinarju fil-konfront tiegħu u jekk iva jekk dan il-fatt kienx ikkomunikat lil dan l-individwu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-impjieg tal-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ġie tterminat meta naqas milli jirrapporta għax-xogħol.
Dan wassal għall-korrispondenza mibgħuta mir-Rettur, il-Professur Juanito Camilleri, datata 15 ta' Novembru 2007.
F'din l-ittra l-individwu kkonċernat ġie mgħarraf illi l-Kunsill tal-Università ta' Malta, wara rakkomandazzjoni tal-iStaff Affairs Committee, caħad it-talba tal-individwu kkonċernat għal emigration leave bil-konsegwenza illi jekk ma jassumix il-kariga full-time fl-Università ta' Malta sat-30 ta' Novemberu 2007, l-Università ta' Malta ser tqis illi jkun abbanduna l-impjieg.
Dan seħħ għaliex il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ma estendiex il-kariga tal-individwu msemmi mill-Onor. Interpellant {Post of Head, Private Secretariat} lil hinn (oltre) mill-1 ta' Ottubru 2007.
Sena qabel, u cjoè, fl-1 ta' Ottubru 2006, l-individwu kkonċernat kien ingħata extraordinary unpaid leave mill-Università ta' Malta sabiex jassumi dan ir-rwol.
Għal kull bon fini, jiġi rilevat illi l-individwu kkonċernat bagħat ittra ta' riżenja lill-Università ta' Malta fit-12 ta' Diċembru 2007.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-impjegati (inkluż project managers, periti, project design officers u procurement officers) tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada impjegati wara Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba? Jista’ jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju ta’ kull wieħed u d-data meta kull wieħed ġie impjegat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant.
Università ta’ Malta – tfittxijiet arkeoloġici fl-ibħra Maltin
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk u kemm tfittxijiet arkeoloġiċi fl-ibħra Maltin hemm għaddejjin jew maħsuba għal futur qarib, mill-Università ta' Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Università ta' Malta f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, għandha programm ta' survey tal-ibħra territorjali Maltin kollha.
Dan is-survey ilu għaddej għal dawn l-aħħar erba' snin u ser jibqa’ għaddej fix-xhur u fis-snin li ġejjin.
L-isfidi loġistiċi marittimi kif ukoll l-elementi imprevedibbli, jikkundizzjonaw meta u kemm-il darba jkun jista' jsir xogħol ta' survey marittimu. L-għan tas-survey hu li l-informazzjoni li tinġabar titpoġġa fl-inventarju.
S’issa sar survey ta' madwar 800km kwadru f’25 sezzjoni (survey blocks).
Ħatra ta’ Regolatur ikkontemplat fil-Leġislazzjoni Sussidjarja dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk inħatarx ir-Regolatur ikkontemplat fil-Leġislazzjoni Sussidjarja dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ faċilitajiet sportivi li daħlet fis-seħħ fil-bidu tas-sena 2017? Jekk fl-affermattiv, kemm-il applikazzjoni rċieva sa issa? Kemm-il applikazzjoni minn entitajiet sportivi ġew approvati minn dan ir-Regolatur u ta’ liema entità sportiva huma?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-Kummissjoni għall-Faċilitajiet Sportivi Kummerċjali ġiet maħtura f'Diċembru tal-2017. Infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Għaqdiet sportivi interessati li jippreżentaw proġetti kummerċjali dwar il-ħtiġijiet tagħhom, kif ukoll għaddejjin diskussjonijiet oħra mal-awtoritajiet l-oħra tal-Gvern interessati sabiex jiġi stabbilit proċess mexxej dwar kif għandhom jibdew jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema tal-Ingliż fl-Iskejjel Sekondarji tal-Istat li huma fi grad ta’ supply u li m’għandhomx kwalifika fit-tagħlim?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-iskejjel tal-Istat hemm 239 għalliem li jgħallmu l-Ingliż. Minn dawn 227 huma gradwati bħala għalliema tal-Ingliż. Il-kumplament (tnax) huma fil-grad ta’ supply, li minnhom waħda (1) hija għalliema gradwata iżda mhux fl-Ingliż, disgħa (9) għandhom Degree (MQF Level 6) iżda mhux gradwati bħala għalliema u tnejn (2) għandhom livell ta’ A-Level (MQF Level 4).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-paġna Edukazzjoni hijiex amministrata mill-Ministeru tiegħu jew minn wieħed mid-direttorati li jaqa’ taħtu, u jekk iva jgħid min hu l-persuna responsabbli minnha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Paġna Edukazzjoni hija amministrata mill-uffiċċju tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti approvati/ jew sottomessi quddiem il-MEPA b'rabta mal-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa u jindika meta mistenni jibda u jispiċċa x-xogħol fuq din l-estensjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjanti tal-proġett, u li ġew sottomessi quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. It-timeframes tal-proġett jiġu stabbiliti meta jinħarġu l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar.