Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema — Qui Si Sana – overflow tad-drenaġġ

Question

Fid-dawl li s-Sindku ta’ Tas-Sliema ilu aktar minn ġimgħa jappella lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-overflow tad-drenaġġ fuq il-bajja fi Qui-Si-Sana, fejn saħansitra poġġa filmat fuq il-midja soċjali biex juri l-periklu allarmanti għas-saħħa tal-għawwiema, għaldaqstant tista' l-Ministru tispjega għaliex dan l-overflow tad-drenaġġ ma twaqqafx immedjatament u meta se tissolva din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi jidher li hu riżolt. Ninsab infurmata wkoll li nstab is-sors tal-ilma maħmuġ li jidher kienet infrastruttura ta' terzi, u barra minn network tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Madanakollu, il-Korporazzjoni offriet l-assistenza tagħha lill-awtoritajiet kompetenti u se ssegwi l-każ skont il-bżonn. F'każijiet simili, l-investigazzjonijiet isiru mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — CEOs

Question

Tista' l-Ministru tagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tagħha u fejn huma impjegati? Tista' tagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Marsaxlokk – Triq ix-Xerriek – barumbara

Question

Tista’ l-Ministru tispjega kif ħajt li possibbilment inbena b’mod illegali b’estensjoni ma’ barumbara skedata Grad 2 b’valur ta’ wirt storiku ġewwa Triq ix-Xerriek, Marsaxlokk, jibqa’ ma jitneħħiex u għaldaqstant ikompli jimblokka lir-residenti tal-madwar milli anke jagħmlu użu tal-garaxx tagħhom minħabba li allura m’għandhomx l-aċċess dovut, u għaldaqstant qed jinkisrilhom dritt fundamentali li jgawdu l-proprjetà tagħhom fil-paċi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Mellieħa – drenaġġ li qed jasal sal-impjant taċ-ċumnija

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kif varja l-volum tad-drenaġġ li qed jasal sal-impjant taċ-Ċumnija limiti tal-Mellieħa, kull sena, mill-2010 sal-lum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Sena Drenaġġ Ittrattat Miljun Metru Kubu 2010 2.42 2011 2.98 2012 3.17 2013 3.40 2014 3.04 2015 3.15 2016 3.67 2017 3.60 2018 3.56 2019 3.47 2020 2021 3.16 3.21

Mellieħa – ilma li jkun issaffa mid-drenaġġ fl-impjant taċ-Ċumnija

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol marbut mal-provvista ta' ilma wara li jkun issaffa mid-drenaġġ fl-impjant taċ-Ċumnija limiti tal-Mellieħa? Meta kellu jitlesta x-xogħol marbut mat-twassil ta' dan l-ilma għand il-bdiewa? Fiex wasal ix-xogħol u meta mistenni jitlesta l-proġett kollu? Kemm bdiewa huma mistennija li jingħataw ilma minn din is-sistema? Sal-lum liema nħawi huma diġà pprovduti minn dan l-ilma u kemm bdiewa qed jużaw l-istess ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett tan-New Water fit-Tramuntana ta’ Malta qed iwassal għar-riżultati pożittivi. B’dan l-investimenti bla preċedent li sar minn dan il-Gvern f’din il-miżura innovattiva u ambjentali, fl-2021 ilħaqna rekord ta’ 831,000 metru kubu ta’ New Water f’dak li jirrigwarda produzzjoni, id-doppju ta’ dak li konna ilħaqna fis-sena 2019, u 6% iżjed mill-ammont li lħaqna fl-2020. Se nkomplu ntejbu fuq li diġà sar sabiex nilħqu iżjed bdiewa, se nkomplu ninvestu biex insaħħu u intejbu l-produzzjoni, iva anke b’investiment dirett fuq l-impjant. Bħalissa għadna kemm nedejna espansjoni tan-network fiż-żona b’investiment ta’ kważi sitt miljun ewro. Network ġdida li tkompli żżid ma’ dak li diġà hemm biex inkomplu nilħqu l-aspettattivi u l-bżonnijiet tal-bdiewa tagħna. Bdiewa li qed jirrikorru b’fiduċja għal dan is-servizz, bin-numri jiżdiedu minn sena għal oħra. Fis-sena 2021 kellna 'l fuq min 1100 klijent tan-New Water, żieda ta’ 'l fuq min 300 utent fuq is-sena ta’ qabel.

Ħal Qormi – Triq l-Għargħar 1979 – tibdil fl-għoli tal-ħitan

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk kienx hemm tibdil fl-għoli tal-ħitan mis-simulazzjoni diġitali li kienet intweriet fit-tnedija tal-proġett tal-ġnien fi Triq l-Għargħar 1979 f’Ħal Qormi, liema proġett qiegħed jiġi implimentat mill-Wasterserv?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop ta’ kull simulazzjoni diġitali hu li jippreżenta l-kunċett ġenerali tal-proġett. Fil-każ tal-ġnien imsemmi, dan il-kunċett kompla jiġi żviluppat fil-kors tal-implimentazzjoni li f’dan il-każ saret permezz ta’ sejħa għal “design and build”.

Mini ta’ Santa Venera – proġett tat-tisqif

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 306, tista’ l-Ministru tagħti spjegazzjoni u break down tan-nefqa stmata bħala €35 miljun u jekk hemmx il-fondi diġà allokati għal dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif semmejt fil-Mistoqsija Parlamentari 306, din hija stima tal-proġett. Stima aktar dettajlata tal-ispejjeż tkun iddeterminata ladarba jitwettqu aktar studji, ikun iffinalizzat disinn dettaljat u ladarba jitnieda l-proċess tal-procurement.

Santa Venera – upkeep u soft areas tar-roundabout

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min qed jieħu ħsieb l-upkeep u s-soft areas tar-roundabout f’Santa Venera li tagħti lejn Triq il-Kapillan Mifsud, lejn Triq il-Ferrovija, u/jew lejn Triq Reġjonali, u liema entità hi inkarigata tagħmel dan u sa meta hu l-kuntratt attwali? Meta jiskadi l-kuntratt preżentement fis-seħħ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sit inkwistjoni jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Rabat – Triq Mons. G. Depiro – tibdil ta’ kanna tal-ilma

Question

Peress li l-provvista tal-ilma fi Triq Mons. G. Depiro, fir-Rabat Malta, ilha għal dawn l-aħħar xhur ħażina ħafna u meta f’dawn l-aħħar jiem numru ta' ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) kienu fuq il-post, raw li l-problema hija li l-kanna tal-ilma li għandha ’l fuq minn 40 sena trid tinbidel, anke minħabba l-ilma maħmuġ li kontinwament qiegħed jasal fid-djar tar-residenti, għaldaqstant. tista' l-Ministru tgħid meta din il-kanna sejra tinbidel ħalli jissolva l-inkonvenjent għar-residenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq ndikata tifforma parti mill-pjan ta’ ħidma tal-Korporazzjoni għas-snin 2020-2023 biex jinbidlu 'l fuq minn 50 kilometru ta’ servizzi tal-ilma antiki ħalli ntejbu l-kwalità tal-ilma. It-tender għal din it-triq hu mistenni li joħroġ iżjed tard matul din is-sena, bix-xogħlijiet ippjanati li jkunu kompluti s-sena d-dieħla. Ħa nkomplu naħdmu sabiex dak li ma sarx f’40 sena nwettquh ħalli nagħmlu d-differenza.

Sliema – promenade –arbli tad-dawl

Question

Tista’ l- Ministru tgħid meta se jiġu installati l-arbli tad-dawl neqsin fil-promenade f’Tas-Sliema, li saritilhom il-ħsara minn maltemp aktar minn tliet snin ilu u li ilhom neqsin minn dakinhar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ser tkun qed tikkordina x-xogħol biex isir dawl ġdid fil-Promenada f’Tas-Sliema bħala parti minn proġett biex tinbidel il-bankina li ser isir minn Infrastructure Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

Delimara – xiri ta’ unit ta’ enerġija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1415, ġaladarba l-Ministru qed tgħid li ma tistax tippubblika "volumi u prezzijiet dettaljati xahar b'xahar fuq medda ta' numru ta' snin", tista' tippubblika biss il-prezzijiet u l-volumi ta' elettriku li nxtraw mill-interconnector, mill-Electrogas (Delimara 4) u minn Shanghai Electric (Delimara 3), għal xahar wieħed biss f'Mejju 2017?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xahar ta’ Mejju 2017 inxtraw 88,858 MWh mill-Interconnector għal prezz ta’ €59.20 kull MWh esklużi spejjeż anċillari. Skont stima tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, dawn l-ispejjeż anċillari ilaħħqu medja ta’ €28.06 kull MWh, għal total ta’ €87.26 għal kull Mwh. Mill-impjant Delimara 3 inxtraw 33,984 MWh għall-prezz ta’ €82.90 kull MWh li jinkludi l-ispejjeż anċillari u inxtraw 43,670 MWh mill-impjant Delimara 4 għall-prezz ta’ €91.12 kull MWh li jinkludi l-ispejjeż anċillari. Infakkar lill-Onor. Interpellant li f'Mejju 2017, l-impjant Delimara 4 kien għadu kif beda jaħdem u kien qed jopera bil-mod Open Cycle. Fix-xhur ta wara’ meta beda l-operat normali il-prezz ta’ kull MWh min Delimara 4 niżel. Għaldaqstant, wieħed għandu jieħu l-figuri li ngħataw hawn fuq fil-kuntest abnormali u partikolari tal-operat.

Marsaxlokk – Triq ix-Xerriek – barumbara

Question

Tista’ l-Ministru tispjega kif barumbara skedata Grad 2 b’valur ta’ wirt storiku ġewwa Triq ix-Xerriek, Marsaxlokk, ingħata fuqha l-permess biex tiġi żviluppata f’binja privata li ser tkun qed tinqasam f’diversi units?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – tisħiħ fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar xi pjanijiet hemm imfassla biex is-sistema tad-drenaġġ tissaħħaħ biex tkun tista' tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-lokalità ta' San Pawl il-Baħar kollu, mill-Qawra u Buġibba sax-Xemxija, għaż-żmien li ġej?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħala parti mill-Business Plan tal-Korporazzjoni mħabbar fis-sena 2020, din iż-żona ngħatat priorita minħabba ż-żieda fid-domanda reġistrata fl-aħħar 15 il-sena. Beda l-ivettjar intern ta’ proġett ta’ mina tad-drenaġġ b’tul ta’ 2 kilometri. Dan ix-xogħol ser jadotta metodoloġija ‘trenchless’ biex b’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti u t-traffiku fl-akwati. Erba' ‘pumping stations’ ser ikunu qed jitfgħu direttatment ġo din il-mina u għaldaqstant ma’ dan il-proġett ser jinbidlu ukoll numru ta’ ’rising mains’ biex b’hekk ikollna sistema iktar effiċjenti u sostenibli. Wara li din is-sistema tibda topera, ser isir rinovar tal-mejnijiet antiki fi Triq San Pawl permezz ta’ ‘lining’ intern tas-sistema eżistenti. Din l-istess teknoloġija ser tkun adottata wkoll fuq il-mejnijiet eżistenti fit-Telgħa tax-Xemxija. Huwa ppjanat li fit-tliet snin li ġejjin il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tinvesti direttament 'il fuq minn 10 miljun ewro biex issaħħaħ l-infrastruttura tal-ilma u drenaġġ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi

Question

Tista' l-Ministru tagħti n-numru ta' impjegati li huma mqabbda ma' kuntratturi privati li għandhom kuntratti għal servizzi mal-Gvern ta Malta li jaqa' taħt il-Ministeru? Għal kull post, tista' l-Ministru tagħti n-numru rispettiv ta’ ħaddiema? Tista' tagħti l-grad u l-paga tal-ħaddiema rispettivi skont il-kuntratt? Tista' tagħti l-lista ta' gradi ekwivalenti ta' ħaddiema ċivili li għandhom l-istess job description u l-paga tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li mhux fil-kompitu tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.

Ħal Qormi — Proġett fi Triq l-Għargħar u l-Wied - Konsultazzjoni

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 309 li oriġinajrjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttutra u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: Peress li rċevejt numru ta' lmenti mir-residenti li qed juru t-tħassib tagħhom dwar il-proġett fi Triq l-Għargħar u l-Wied f'Ħal Qormi, fejn ir-residenti qed jisħqu li ma saritx konsultazzjoni biżżejjed u ma jafux eżattament x'se jkun qed isir, għaldaqstant tista' l-Ministru tgħid jekk saritx konsultazzjoni serja mar-residenti? Tista’ tikkonferma li l-ispjazju ta’ parkeġġ mhux se jonqos? Tista’ tikkonferma li l-proġett mhux se joħloq iktar inkonvenjent, li jista’ jipperikola ħajjet in-nies, vis-à-vis l-ilma li jkollu jgħaddi kull sena miż-żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt fil-Mistoqsija Parlamentari 563.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Direct orders

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, minn Jannar 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il direct order ħarġet mill-Ministeru tagħha u kull entità li taqa’ taħtha u kemm kien il-valur totali ta’ dawn id-direct order? Lil min inħarġet u x’kien il-valur ta’ kull direct order?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ħal Qormi – żieda ta’ spazji miftuħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi ħsieb hemm biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa f’Ħal Qormi? Tista’ tagħti dettalji dwar dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta’ Greenserv, bħalissa jinsab diġà għaddej ix-xogħol sabiex parti mill-culverts fiż-żona tal-wied ta’ Ħal Qormi tissaqqaf u tinbidel fi spazju miftuħ għat-tgawdija tar-residenti. Ma’ dan, il-Gvern huwa wkoll impenjat li jrodd lill-poplu l-akbar proġett ta’ spazji miftuħin kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien. Għal dan se jkunu qed jiġu allokati €700 miljun. Il-proċess għall-iżvilupp ta’ pjanijiet t’azzjoni għal kull spazju miftuħ huwa wieħed kontinwu u d-dettalji ta’ kull proġett jitħabbru fil-mument opportun.

Ħal Luqa – żieda ta’ spazji miftuħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi ħsieb hemm biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa f’Ħal Luqa? Tista’ tagħti dettalji dwar dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa impenjat li jrodd lill-poplu l-akbar proġett ta’ spazji miftuħin, kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali 'Malta Flimkien'. Il-proċess għall-iżvilupp ta’ pjanijiet t’azzjoni għal kull spazju miftuħ huwa wieħed kontinwu u d-dettalji ta’ kull proġett jitħabbru fil-mument opportun.