Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Ċitazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ċitazzjoni (traffic fine) weħel il-Ministeru tagħha minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x'pożizzjoni għandu fil-Ministeru tagħha, kemm ammontaw fi flus u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures. Dan il-manwal jagħti linji gwida dwar kif għandhom jiġu trattati ċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku relatati ma’ karozzi tal-Gvern, inkluż il-ħlas taċ-ċitazzjoni.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22211 u tagħti dettalji speċifiċi ta’ inizjattivi ta’ Project Green li tlestew, inklużi valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali?
Project Green — Tħawwil, żvilupp urban u manutenzjoni
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22213 u tagħti dettalji tal-infiq ta’ Project Green għas-snin 2022-2024, speċjalment fuq it-tħawwil, l-iżvilupp urban u l-manutenzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet li tajtha għall-mistoqsijiet parlamentari 24043, 24184 u 24188.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22219 u tagħti dettalji dwar kwalunkwe sħubija mal-entitajiet privati fi ħdan Project Green u tispjega x’vantaġġi ambjentali sostennibbli nkisbu minn dawn il-kollaborazzjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green issieħbet mal-Kulleġġ De La Salle, Birdlife Malta, Hospice Malta u mal-Laboratorju tal-Paċi biex twettaq proġetti ta’ tħaddir u riabilitazzjoni ambjentali. Il-proġett mal-Kulleġġ De La Salle jinvolvi r-riabilitazzjoni ta’ ġnien ta’ 4,500 metru kwadru u, b’mod simili, l-kollaborazzjoni ma’ Hospice Malta issarfet fil-ħolqien ta’ ġnien ta’ 2,700 metru kwadru għall-pazjenti li qed jirċievu kura paljattiva u l-familjari tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-proġett ma’ Birdlife Malta jinvolvi xogħol ta’ riabilitazzjoni fuq medda ta’ 4,000 metru kwadru fir-riserva tas-Simar, waqt li l-proġett tal-Labortaorju tal-Paċi kien jinvolvi r-riġenerazzjoni tal-ġnien li huwa mifrux fuq medda ta' 2,000 metru kwadru.
Dawn il-proġetti minn Project Green mhumiex l-uniku eżempju ta’ kollaborazzjoni bejn entitajiet tal-Ministeru u oħrajn privati. Fil-fatt, fost inizjattivi oħrajn, insemmi l-kollaborazzjoni bejn Wasterv u Nature Trust Malta, li permezz tagħha se jinħoloq proġett edukattiv fil-ġonna storiċi ta’ Romeo Romano f’Santa Venera, u anke l-ftehim bejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u l-istess għaqda volontarja li jkopri l-immaniġġjar tas-sit taċ-Chadwick Lakes. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi wkoll daħlet għal kollaborazzjonijiet simili ma’ għaqdiet volontarji u fost oħrajn dawn jinkludu management agreements għall-ħarsien ta’ siti naturali u inizjattivi oħra favur l-ambjent. Inizjattiva interessanti oħra, msejħa Football for the Goals, qed issir bejn id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol li permezz tagħha għadd ta’ studenti qed jitgħallmu dwar is-sbatax-il mira tal-iżvilupp sostenibbli filwaqt li jikkompetu f'turnew tal-futbol bejn l-iskejjel.
Fid-dawl li l-ġimgħa li għaddiet il-Ministru ħabbret li tħawlu 6,000 siġra u arbuxell fis-sena 2024, tista’ l-Ministru tgħid kemm minnhom kienu siġar u kemm minnhom kienu arbuxelli?
Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Project Green ġewwa Għawdex u fejn? Tista’ tgħid ukoll fiex jikkonsistu u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża matul is-sena 2025?
Tista’ l-Ministru tgħid meta nbdew ix-xogħlijiet fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex u fiex jikkonsistu u għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat ma tkomplewx ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid ukoll kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol kollu relatat mas-sejħa u jekk hux maħsub li jkun hemm xi spejjeż u xogħlijiet addizzjonali u meta hu stmat (xahar u sena) li jitlesta x-xogħol relatat ma’ din is-sejħa għall-offerti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-triq indikata nbdew fis-16 t’Ottubru u jikkonsistu f’titjib tan-network eżistenti tal-ilma tax-xorb. Infurmata li x-xogħlijiet mhumiex weqfin, imma qegħdin isiru testijiet tat-terran kif ukoll evalwazzjoni biex jinbidel ukoll il-mejn tad-drenaġġ. Il-valur tal-kuntratt huwa dak ta’ €125,500, filwaqt li dak tax-xogħlijiet anċillari jinħadem skont il-ħtiġijiet li jinqalgħu. Ix-xogħlijiet huma ppjanati li jitlestew fit-tieni kwart tas-sena.
B'referenza għax-xogħlijiet li nbdew f’dawn l-aħħar ġimgħat fi Triq Xandriku fin-Nadur, Għawdex, tista’ l-Ministeru tgħid jekk hux ser jinbidel il-main antik tad-drenaġġ ta' din l-imsemmija triq u s-servizzi relatati, biex b'hekk ilaħħqu mad-domanda tal-lum u jsiru ġodda?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mibdijin fit-triq indikata jinkludu l-bdil tal-mejn eżistenti tad-drenaġġ għal wieħed ġdid, flimkien mat-tibdil tas-servizzi relatati.
ARMS – Dħul mill-kirjiet ta’ arloġġi tal-ilma f’binjiet residenzjali
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24684 u tgħid kemm kien id-dħul tal-ARMS mill-kirja tal-arloġġi tal-ilma li huma f'binjiet residenzjali matul is-sena 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ammont inkwistjoni li nġabar nġabar s’issa huwa ta’ €12,655,202.
ARMS – Dħul mill-kirjiet ta’ arloġġi tal-ilma f’binjiet residenzjali
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24685 u tgħid kemm kien id-dħul tal-ARMS mill-kirja tal-arloġġi tal-ilma li huma f'binjiet mhux residenzjali matul is-sena 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ammont inkwistjoni li nġabar s’issa huwa ta’ €3,771,086.
ARMS – Dħul mill-installazzjoni ta’ arloġġi tal-ilma f’binjiet residenzjali
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24686 u tgħid kemm kien id-dħul tal-ARMS mill-installazzjoni ta' arloġġi tal-ilma li huma f'binjiet residenzjali matul is-sena 2024? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew installati arloġġi f'dan l-istess perjodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmat li l-ammont inkwistjoni li nġabar s’issa huwa ta’ €2,773,755. L-ammont ta’ meters installati huwa 8,046.
ARMS – Dħul mill-installazzjoni ta’ arloġġi tal-ilma f’binjiet mhux residenzjali
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 24687 u tgħid kemm kien id-dħul tal-ARMS mill-installazzjoni ta' arloġġi tal-ilma li m’humiex f'binjiet residenzjali matul is-sena 2024? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew installati arloġġi f'dan l-istess perjodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ammont inkwistjoni li nġabar s’issa huwa ta’ €621,575. L-ammont ta’ meters installati huwa 865.
Tista' l-Ministru tgħid min kienu l-kapijiet eżekuttivi tal-Enemalta mill-2012 ’il quddiem? Tista’ tipprovdi l-ismijiet kif ukoll id-data tal-bidu u t-tmiem tal-kariga tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba kien hemm nuqqas ta' provvista tal-elettriku mhux ippjanat fl-2024 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll f'liema dati u f'liema lokalitajiet kienu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-qtugħ fil-provvista kien skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, jew minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew inkella s-sospensjonijiet tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.
Kif spjegajt diversi drabi, l-Enemalta kontinwament għaddejja b’investimenti u xogħlijiet qawwija biex issaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun moqdi dejjem aħjar.
Awtorità għall-Azzjoni Klimatika — Rendikont ta’ spejjeż
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22203 u tagħti rendikont ta’ spejjeż relatati mal-Awtorità għall-Azzjoni Klimatika, inkluż in-nefqa fuq l-attività tat-tnedija, PR, membri tal-bord u l-kunsill u l-pagi tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fil-bidu t’Ottubru li għadda waqqafna l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-Ewropa u li l-għan aħħari tagħha huwa li tiżgura li l-effetti tal-bidla fil-klima jkunu segwiti ħalli hekk dan il-fenomenu jibqa’ jiġi miġġieled b’mod effettiv u b’saħħtu. L-Awtorità se tagħmel dan billi tisma’, tikkordina, u tieħu azzjoni b’mod effettiv, fosthom anke b’leġiżlazzjonijiet u regolar, filwaqt li tikkonsolida l-isforzi maqsuma tal-passat f’ħidma waħda kollettiva għall-azzjoni klimatika. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-nefqa fuq l-attività tat-tnedija, inkluż ir-relazzjonijiet pubbliċi, kienet ta’ madwar €40,000, filwaqt li l-onorarja pagabbli lill-membri tal-bord u tal-kunsill bejniethom tammonta għal €94,824 fis-sena.
Installazzjoni ta’ pannelli solari u apparat għall-effiċjenza enerġetika — Skemi
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22204 u tagħti dettalji dwar l-iskemi għall-installazzjoni ta’ pannelli solari u apparat għall-effiċjenza enerġetika? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew implimentati, u kemm kienet in-nefqa, inkluż in-nefqa tal-PR, fl-2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif turi l-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, ftit inqas minn elfejn familja irċevew bejniethom €6,652,454 f’benefiċċji mill-skemi għall-installazzjoni ta’ pannelli solari u apparat għall-effiċjenza enerġetika.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22205 u tagħti informazzjoni dwar kemm-il installazzjoni ta' enerġija rinnovabbli fuq skala kbira (10MWp) ġew implimentati? X'riżultati inkisbu u x'inhu l-infiq għall-2024, inkluż il-PR?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li s’issa l-Ministeru tal-Enerġija approva l-allokazzjoni ta’ appoġġ lil żewġ installazzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli b’kapaċità ta’ 10MW wara sejħiet (ITB) għall-allokazzjoni ta’ għajnuna fis-snin 2023 u 2024. Dawn il-installazzjonijiet għadhom iridu jinbnew u għandhom massimu ta’ tliet snin biex jitlestew. In-nefqa totali fuq medda ta’ 20 sena ta’ ġenerazzjoni minn dawn l-installazzjonijiet hija stmata li tlaħħaq l-€20 miljun. Matul is-sena li għaddiet, REWS allokat l-ammont ta’ €13,100 (VAT inkluża) għal dak li huwa tixrid ta’ kontenut b’informazzjoni dwar din l-iskema.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22206 u tgħid jekk l-iskema għall-apparat ta' purifikazzjoni tal-ilma għadhiex għaddejja fl-2024? X'riżultati kisbet u kemm infaqna, inkluż il-PR relatat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din l-iskema għadha attiva u kien hemm 2,500 applikazzjoni, waqt li n-nefqa s’issa taqbeż is-€60,000 li jinkludu €6,000 għal dik li hija twassil ta’ informazzjoni biex il-pubbliku jkun konxju tal-iskema u jagħraf jibbenefika minnha.