Jista' l-Prim Ministru jara li dawk is-siti li ġew identifikati bħala siti miftuħa matul is-sena li għaddiet, u li s-sidien tagħhom baqgħu sal-lum m'għamlu xejn biex jgħalquhom, fil-fatt jingħalqu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jiġi evitat li jkun hemm problemi minn dawn is-siti meta joqrob is-sajf?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi l-MEPA, fl-eżerċizzji tagħha, tattwa operazzjonijiet biex art miftuħa li hi fi stat maħmuġ, titnaddaf, u tieħu l-miżuri li jitqiesu opportuni biex dan isir. Dawn l-azzjonijiet jitqiesu skont il-prijorità individwali tagħhom meta jiġi deċiż liema illegalitajiet ikunu ser jiġu ndirizzati direttament mill-MEPA. L-inkoraġġiment li kien qed jingħata biex ċertu artijiet fiż-żona ta' l-iżvilupp jiddawru b'ħitan għoljin, qed tiġi re-evalwata hekk kif issa hemm numru ta' plots li ġew fil-fatt imdawra b'dawn il-ħitan għoljin, u l-effett ta' dawn il-ħitan għoljin għalhekk jista’ jiġi mifhum aħjar.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13634, 13138 u 10806 u jgħid kemm saru riċevimenti f'dawn l-aħħar ħames xhur organizzati jew kordinati mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? X'kienet l-okkazjoni? Kemm kien hemm persuni mistiedna għal kull riċeviment? Kemm attendew? Kemm swiet l-okkażjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni għal-perjodu minn April sa Settembru 2009, kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' kunsilli lokali li talbu biex jieħdu sehem f'inizjattiva pożittiva dwar il-bini/tiswijiet ta' ħitan tas-sejjieħ? Liema huma dawn il-kunsilli lokali? Meta hu mistenni li jkun hemm deċiżjoni dwar dawn it-talbiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kunsilli Lokali li jirrappreżentaw żoni rurali ġewwa Malta kif ukoll Għawdex setgħu japplikaw għal għajnuniet finanzjarji taħt Miżura 323 – “Konservazzjoni u Titjib tal-Patrimonju Rurali”, sabiex jiġu ippriservati u restawrati strutturi rurali bħal giren, ħitan tas-sejjieħ, barumbari u kanali ta’ l-ilma fost ħafna oħrajn.
Mill-proġetti li ġew ippreżentati 19 il-proġett kienu minn Kunsilli Lokali sabiex ikunu restawrati ħitan tas-sejjieħ li jinsabu barra miż-żoni ta’ żvilupp.
Il-Kunsilli Lokali li applikaw taħt din il-miżura huma dawn li ġejjin:
L-Iklin, San Lawrenz, ix-Xagħra, il-Qala, l-Għarb, Kerċem, Munxar, is-Siġġiewi, ix-Xewkija, Sannat, iż-Żebbuġ, il-Mosta, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mellieħa, Birżebbuġia, Ħad-Dingli, iż-Żurrieq u r-Rabat.
Fil-preżent dawn l-applikazzjonijiet qegħdin jiġu evalwati u deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Għażla mistennija titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux minnu li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat pjanti ġodda għat-terminal tal-passiġieri fiċ-Ċirkewwa, li fost l-oħrajn naqqsu t-talba tal-istess Awtorità, li fil-passat b'insistenza talbet li jinbena wave wall li kien se jiswa mijiet ta' eluf ta' liri Maltin (dak iż-żmien)? Jekk fl-affermativ, x'wassal għal din il-bidla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li huwa minnu li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat pjanti ġodda mal-permess PA 6148/08. Dawn il-pjanti ma jinkludux l-imsemmi 'wave wall'. Ta' min jinnota li l-MEPA qatt ma talbet 'wave wall' iżda, meta dan kien qed jiġi propost, talbet miżuri li jnaqqsu l-impatt viżwali ta' dan il-ħajt. L-applikant neħħa l-'wave wall' mill-proposta minħabba li permezz tal-bidla fl-operat u l-bidla fil-pjanti ma kienx għad hemm il-ħtieġa ta' dan il-ħajt.
Ħidma bejn il-kunsilli lokali u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta
Question
Jista' l -Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12726 u jgħid x'rwol għandha l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mal-kunsilli lokali u kif qed taħdem mal-kunsilli lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12726.
Jista' l-Prim Ministru jara li dawk is-sentenzi li ilhom is-snin pendenti u li qed jistennew sentenza mill-Bord ta' l-Appell tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jiġu maqtugħa kemm jista' jkun malajr tenut kont li b'konsegwenza ta' dan id-dewmien qed jinħoloq mhux biss inkonvenjent, imma wkoll dannu u preġudizzju lill-persuni konċernati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ż-żewġ Bordijiet ta’ Appell qed jaħdmu sabiex numru sostanzjali ta’ każijiet jiġu deċiżi bejn Marzu u Ġunju. B’hekk in-numru ta’ każijiet pendenti ser jonqos sew.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — dikjarazzjoni tal-ispejjeż għal safar
Question
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż GA 27B magħmula skond paragrafu 8.10.1.4 tal-PSM Code għal kull safra uffiċjali li saret mill-Ministeru matul l-2009, fejn l-ispiża qabżet l-€2,000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra erba’ kopji ta’ dikjarazzjoni (GA27B) minn Dipartimenti f’dan id-dekasteru fejn joħroġ li l-ispiża fuq safar matul l-2009 qabżet is-somma ta’ €2,000.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' talbiet għall-bini ta' ġibjuni/reservoirs quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar preżentement?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta’ l-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha pendenti quddiemha mitejn wieħed u tletin (231) applikazzjoni u erba’ (4) notifiki għal żvilupp li jikkonċernaw bini ta’ ġibjuni/reservoirs. Mill-applikazzjonijiet pendenti, mija tlieta u disgħin (193) każ qed jistennew l-ewwel deċiżjoni, u tmienja u tletin (38) każ qegħdin fi stadju ta’ rikonsiderazzjoni.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem “
reserv
oir
”, “ġiebja”, jew “
ġibjun
/i”.
Jista' l-Ministru jgħid fejn se jiġu rilokati n-nissan huts li hemm taħt is-Sur ta' Notre Dame, Bormla fejn skont PA 05057/09 tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar huwa ppjanat li se jinbnew sitt tennis courts?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-applikazzjoni msemmija għadha ma ġietx validata sakemm l-applikant/perit jissottometti site plan li tindika fejn hu propost li jiġu relokati in-nissen huts in kwistjoni.
Peress li Triq Angelo Pullicino f San Ġiljan se tiġi upgraded, jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jsir mir-rampa li nbniet illegalment mill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan li ħadd qatt ma uża minkejja s-signs li hemm għat-trolleys? X'infurzar sar min-naħa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, min ħallas għal dan ix-xogħol illegali u x'sanzjonijiet ħarġu kontra min għamel dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li ma jirriżultax illi r-rampa ndikata, meta saret, kienet saret illegalment mill-Kunsill Lokali u dan għaliex dan ix-xogħol speċifiku huma awtomatikament permess bis-saħħa tal-AL 115/07 Class 3 Sezz 1 (i) & (ii), fejn hu speċifikat li toroq u bankini fil-konfini tal-Pjan Regolatur jew ħolqien/twessigħ/titjib jew manutenzjoni ta’ toroq u bankini minn agenziji tal-Gvern, Kunsilli Lokali jew entitajiet imqabbdin minnhom jista’ jsir mingħajr il-ħtieġa ta’ notifika (DNO). Dan l-ilment kien diġa ġie investigat lura fl-2008 meta l-Awtorità qieset li ma’ setgħatx tieħu xi passi t’infurzar kontra l-Kunsill dwar din ir-rampa.
Fil-frattemp inħareġ il-permess biex isir ‘upgradin’ ta’ din it-triq fejn hu ndikat illi r-rampa ser eventwalment tinqala’ u minflok ser isir taraġ,
paving
,
flower planters
u
street furniture
adattat. (Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 14816). Għalkemm l-Awtorità ser tassigura li x-xogħol jirrifletti dak li ġie approvat fil-permess meta dan jinbeda. L-istess Awtorità m’hiex f’posizzjoni li tgħid minn kien ħareġ il-flus biex kienet saret din ir-rampa (u li din issa ser tinqala kif indikat fil-permess imsemmi).
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14483 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta approvata li tindika l-area (sq.metres.) ta' estensjoni tal-bankina kif ukoll it-tkabbir tal-quays (metres) fil-Malta Freeport Terminal, liema estensjoni u tkabbir ġew approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-ġimgħa li għaddiet?
Jista' jgħid ukoll jekk din l-estensjoni hix marbuta ma' xi obbligazzjoni finanzjarja min-naħa tal-Gvern, bħal ħlas ta'
dredging
eċċ
.,
kif ukoll jekk l-istess estensjoni hix se timmodifika jew taffettwa b'xi mod il-parametri tal-kirja u/jew il-liċenzja tal-immaniġjar tal-Malta Freeport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi l-area approvata fl-applikazzjoni għall-iżvilupp imsemmi. Il-permess ikopri 55,000m² għal dredging u 8,000m² għal reklamazzjoni sabiex tiġi fformata l-estensjoni tal-quay. Dan il-permess inħareġ b'kundizzjoni li l-applikant jagħti s-somma ta' EUR 73,000 bħala kontribuzzjoni finanzjarja għal 'Urban Improvements Fund' fil-lokalità ta' B'Buġia.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslet l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta' ramla fl-inħawi ta' Fra Ben il-Qawra? Meta hu mistenni li din l-applikazzjoni tiġi deċiża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni li tikkonċerna l-iżvilupp propost imsemmi (PA 2000/09) għadha qed tiġi proċessata.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kkummissjonat
Mathematical Modelling Study
sabiex jistabbilixxi numru ta’ kunsiderazzjonijiet importanti fosthom it-tip ta’ lqugħ li jrid isir biex il-bajja tkun stabbli, id-daqs tar-ramel li jrid jintuża u t-telf tar-ramel li jista’ jkun hemm kull sena. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju qed jiġu kkunsidrati.
San Ġiljan — Triq Angelo Pullicino - pjanti ta' xogħlijiet
Question
Jista' l-Prim Mnistru jgħid hux minnu li hemm pjanti ta' xogħlijiet fit-triq imtarrġa, Triq Angelo Pullicino, San Ġiljan? Jekk dan hu minnu, il-pjanti qegħdin għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanat jew għand il-kunsill lokali? Min applika għal dawn ix-xogħlijiet? Meta ġew infurmati r-residenti? Se ssir xi laqgħa ta' diskussjoni mar-residenti? Jekk iva, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, huwa minnu li hemm pjanti ta’ xogħolijiet fi triq mtarrġa Triq Angelo Pullicino, San Ġiljan. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet permess għal dawn ix-xogħolijiet (PA 639/09) fit-22 ta’ Lulju 2009. L-applikazzjoni għal xogħol ta’ tisbieħ tat-triq saret mingħand id-Dipartiment tax-Xogħolijiet. Avviż ta’ din l-applikazzjoni dehret f’gazzetta lokali fl-4 ta’ April, 2009, u twaħħal ukoll avviż fuq is-sit, filwaqt li l-Kunsill Lokali ġie nfurmat li daħlet applikazzjoni għand il-MEPA.
Ma kien hemm l-ebda talba la mill-Kunsill u lanqas mill-pubbliku biex isiru xi laqgħat fuq din l-applikazzjoni.
Billi l-Ministru Fenech ftit ilu għarraf lill-Kamra li l-emendi għall-masterplan ta' Manoel Island tal-MIDI li jolqtu ukoll il-bini ta' football ground ġdid għall-Gżira Utd FC ilhom li ġew sottomessi mill-11 ta' Ottubru 2006, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-approvazzjoni ta' dan il-masterplan minħabba li qed iżomm l-iżvilupp tal-football ground konċernat, apparti minn żviluppi oħrajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess relatat ma’ din l-applikazzjoni għadu għaddej u fil-fatt ġew sottomessi emendi oħra għall-masterplan ta’ Manoel Island, l-aħħar emenda waslet għand il-MEPA fl-4 ta’ Diċembru 2009. Il-fatturi li qed jiġu kkunsidrati huma marbuta ma’ diversi aspetti fosthom l-impatt viżwali, l-aspett storiku kif ukoll l-ippjanar tas-sit kif ipparagunat ma’ dak li diġà kien approvat bil-permess ‘Outline’ oriġinali li kien maħruġ fl-1999. Wara dan l-istadju ta’ din l-applikazzjoni, id-direttorat ta’ l-ippjanar ikun jista’ jipproċedi bir-rakkomandazzjoni għall-Bord ta’ l-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal bini ġdid f’Għawdex kull sena mill-1999 ‘l hawn? Jista’ jgħid kemm applikazzjonijiet għal bini ġdid f’Għawdex ġew approvati kull sena mill-1999 ‘l hawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li tgħati l-figuri mitluba.
Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
In vista tas-sentenzi li ngħataw mill-qrati fis-sens li l-provediment tal-liġi li forza tiegħu persuna għandha dritt li tikkonverti ċens temporanju tar-residenzi tagħha għal wieħed perpetwu ġie dikjarat li hu kontra l-Kostituzzjoni u peress li l-Parlament huwa tenut li jilleġisla anke soċjalment meta l-esiġenzi soċjali bħal fil-każ preżenti li hekk jirrikjedu, jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jsir biex l-effetti ta' dawn is-sentenzi jiġu mitigati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern qed jistudja s-sentenza u l-impatt tagħha. Ninsab infurmat li din is-sentenza ma ddikjaratx il-liġi de quo bħala anti-kostituzzjonali iżda l-applikazzjoni tal-Att 23 tal-1979 għal każ in diżamina bħala anti-kostituzzjonali.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet għall-bini ta' serer li ġew approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-2009? Fejn kienu l-applikazzjonijiet li fil-fatt ġew approvati, lokal b'lokal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-2009 ġew approvati erbatax (14) il-applikazzjoni li jirrigwardaw serer. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet approvati li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem “serra”, “serer” jew “greenhouse/s”.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14870 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jara li ssir xi sleeping policeman fi Triq Santa Tereża Bormla, fl-area ta' maġenb il-Knisja ta' Santa Tereża, peress li qed ikun hemm ħafna karozzi li jinżlu gas down f'din it-triq li suppost hi service road u allura qed nistennew xi disgrazzja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fis-26 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla irċieva talba mingħand it-Transport Malta biex fi Triq Santa Tereża isir sleeping policeman. Din it-talba ser tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.