Ministeru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riforma u Djalogu Soċjali — Reklami fuq gazzetti - Nefqa
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17912 u jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq gazzetti mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-gazzetti li l-Ministeru xtara r-reklami?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq l-Mejda tal-Kamra ta' kemm kienu l-ammonti ta’ flus li ntefqu f’reklami fuq gazzetti minn dak li kien il-Ministeru għall Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riforma u Djalogu Soċjali u l-entitajiet fi ħdanu.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm għandha persuni jaħdmu magħha l-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li huma mħallsin mill-Gvern?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li hemm persuna waħda li taħdem ma' din l-organizzazzjoni u hi mħallsa mill-Gvern.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-istaff complement tad-Domestic Violence Unit, kemm mill-membri tal-istaff huma professjonisti u x’inhi l-professjoni tagħhom?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’tip ta’ danger assessment tools qed jintużaw fil-każijiet ta’ vjolenza domestika u x’tip ta’ taħriġ sar lill-assessuri? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-assessment tools użati? Jista’ jgħid ukoll jekk iddaħħlux il-panic alarms u jekk iva, meta?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2024?
Servizz Pubbliku — Manwal li jirregola l-Headship Positions
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema hu l-Manwal li jirregola l-Headship Positions fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta? Jista’ wkoll jindika d-data li fih ġie fis-seħħ tali Manwal u permezz ta’ liema strument legali?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li tali Manwal huwa intitolat Manual regarding Headship and Assistant Director positions in the Malta Public Service li huwa aċċessibbli mis-sit tas-Servizz Pubbliku, bil-verżjoni kurrenti fis-seħħ mit-31 ta’ Lulju 2024. Qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dan il-Manwal huwa komplementari mal-Kodiċi dwar l-Immaniġġjar tas-Servizz Pubbliku (PSMC) u għandhom status legali ta’ Direttiva bis-saħħa tad-Direttiva emendata 1.1, maħruġa skont l-Att dwar L-Amministrazzjoni Pubblika.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21109, 21110 u 21111 li oriġinarjament saru lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal rispettivament u jgħid jekk il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni humiex intitolati għal sick leave fl-ewwel sena tax-xogħol tagħhom? Peress li din hija bbażata fuq il-liġi applikabbli, jista’ jgħid għalfejn fejn jidħlu d-drittijiet, din il-liġi qiegħda toħloq inġustizzja bla bżonn bejn ħaddiema u oħrajn?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19800 rigward in-nefqa tal-Public Service Expo 2024 li saret bejn il-15 u d-19 ta’ Mejju 2024, jista’ l-Prim Ministru jgħid:
i. kemm kienu direct orders;
ii. kemm kienu permezz ta’ tender u/jew sejħa pubblika;
iii. x’inhu inkluż taħt ‘ospitalità’;
iv. x’inhu inkluż taħt ‘servizzi tal-uffiċċju’; u
v. kif kienet maqsuma n-nefqa ta’ €95,071.93 f’reklamar?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi taħt ospitalità kien hemm inkluż kull tip ta’ coffee breaks u ikel għal min attenda għall-konferenzi, madwar 1000 impjegat pubbliku, u għal organizzaturi fosthom madwar 150 uffiċjal li qdew funzjoni ta’ ushering u uffiċjali li kienu fuq stands. Taħt servizzi tal-uffiċċju hemm inklużi wristbands li nagħtaw lil kull min attenda u rreġistra biex jintagħaraf minħabba saħħa u sigurtà kif ukoll servizzi anċillari bħal loġistika, stationery u IT. Min-naħa ta’ reklamar dawn huma varji u tqassmu bejn il-media houses u influencers.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19801 u jgħid jekk kienx hemm sejħiet pubbliċi għas-servizzi li ntużaw biex ittellgħet il-Public Service Expo 2024? Jista’ jgħid ukoll liema servizzi saru permezz ta’ direct orders, kemm kien il-valur ta’ dawn id-direct orders u għalfejn ma saritx sejħa pubblika?
Response (ABELA, ROBERT)
Filwaqt li nirreferi lil-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19800, ninsab infurmat li fejn jidħol il-qasam artistiku s-suppliers jintgħażlu fuq kriterji artistiċi, fejn jidħlu medja u influencers jintgħażlu skont l-udjenzi filwaqt illi bħala sit u catering dawn huma marbuta mal-uniku post li jiflaħ il-massa ta’ nies li żżur l-EXPO. Fejn ikun hemm xogħol ieħor varju li mhux artistiku, jintalbu kwotazzjonijiet.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19803 u jgħid kemm kienet in-nefqa biex sar ir-rebranding tal-Public Service u l-website www.publicservice.com.mt?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li din il-website ma teżistix. Kull domain tal-Gvern tkun .gov.mt u mhux .com.mt
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Public Service Expo 2024 - Stands
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-istand tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Public Service Expo 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk minbarra l-istand tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienx hemm stands ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20499 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm tammonta l-obbligazzjoni finanzjarja tal-Gvern lejn l-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħid għal xiex qed jirreferi bħala obbligazzjoni finanzjarja.
Organizzazzjoni volontarja — Ħlas għall-proprjetajiet f’Pembroke u fil-Belt Valletta
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20501 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm jammontaw il-kirjiet li l-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tħallas għall-proprjetà li għandha ġewwa Pembroke u kemm tħallas għall-proprjetà li għandha ġewwa l-Belt Valletta?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20498 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm ingħataw fondi lill-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li fl-2021, l-organizzazzjoni volontarja li għaliha qed jistaqsi l-Onor.Interpellant ingħatat 40 elf Ewro mis-Social Causes Fund.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra li permezz tagħha l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament irriżenja minn Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi d-dokument mitlub fuq l-Mejda tal-Kamra.
Belt Valletta – Parkeġġi riservati għall-Ministeri
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17183 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jgħid kemm-il spazju ta' parkeġġ ta' vetturi hemm li huma riservati għall-użu mill-Ministeri u mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-Belt Valletta? Jista’ jgħid f'liema triq qegħdin, għal liema Ministeru, u kemm-il spazju ta' vetturi qegħdin jieħdu?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-dekasteru tiegħu inkluż l-Uffiċċji tas-Segretarji Parlamentari fi ħdanu, għandu 47 spazju ta’parkeġġ riservati fil-Belt Valletta għal-ħinijiet tal-uffiċċji.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19799 u jgħid kemm ħarġu sejħiet interni u esterni f’kull Ministeru biex jimtlew postijiet (vacancies) fis-settur pubbliku matul April, Mejju u Ġunju 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom imtlew?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-perjodu msemmi kien hemm 3 sejħiet interni, sejħa waħda li kienet kemm esterna kif ukoll interna u kif ukoll 27 sejħa esterna. Minn dawn rigward sejħa interna t-3 kienu intlew, rigward is-sejħa li kienet kemm interna u esterna mtliet ukoll u rigward is-sejħiet esterni, kienu 5 li mtlew.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi proġetti saru f'Għawdex mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjoni oħra matul is-sena 2023? Jista' jgħid kemm kien id-dħul minn Għawdex u dan peress li l-Ministri għal Għawdex, għat-Turiżmu u għall-Finanzi qalu fi tweġibiet separati li m'għandhomx x'jaqsmu ma’ din il-materja? Jista' jgħid kemm minn din it-taxxa ġiet investita f'Għawdex stess?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-darba kien hemm talbiet għall-whistleblower status minn mindu daħlet il-liġi sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-darba ntlaqgħu talbiet għal whistleblower status minn mindu daħlet il-liġi sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?