Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – provvista ta’ wheelchairs

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jkun hemm provvista adegwata ta' wheelchairs fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex peress li jidher li min qed juża wheelchair li rtira mill-isptar mhux qed isibha possibbli li jbidlu meta l-wheelchair jeqdiem u lanqas ma jingħata spare parts biex isewwih?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandu total ta’ 147 wheelchair on loan fil-komunita’. Dawn jinkludu 30 wheelchair li ġew rikjesti fl-2020. Fl-2020 kien hemm talba waħda biss biex jiġi mibdul wheelchair, li ġiet akkommodata. Bħalissa hemm talba għal wheelchair gdid u talba oħra għal wheelchair biex jinbidel. Aktar wheelchairs huma ordnati u hu antiċipat li jaslu fil-ġimgħat li ġejjin.

COVID-19 – każijiet fl-iskejjel

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew irrapurtati każi ta' COVID-19 s'issa fl-iskejjel kollha u kemm qed idumu biex jiġu infurmati l-ġenituri tat-tfal meta jinstab xi ħadd pożittiv fil-klassi tat-tfal tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn meta fetħu l-iskejjel f’Ottubru 2020 sal-11 ta’ Frar 2021 ġew irrappurtati u investigati 2227 każ ta’ Covid-19 fl-entitajiet edukattivi kollha. Dan jinkludi childcare centres, kindergartens, skejjel primarji u sekondarji kif ukoll entitajiet edukattivi post-sekondarji. Il-persuni pożittivi jinkludu studenti, għalliema u ħaddiema oħra li għandhom x’jaqsmu mal-qasam edukattiv bħal staff klerikali, cleaners, ħaddiema tal-maintenance, bus drivers eċċ. Malli l-iSchools Contact Tracing Team ikun infurmat b’każ pożittiv għall-Covid-19 fi skola jikkomunika mal-liaison officer ta’ dik l-iskola sabiex jinfurmah bid-deċiżjoni li tkun ittieħdet ibbażata fuq ir-risk assessment li jkun sar. Il-liaison officer b’hekk ikun jista’ jinforma lill-ġenituri li kien hemm każ pożittiv fl-iskola u li l-każ ikun inħadem minn naħa tal-iSchools Contact Tracing Team. Minn naħa tiegħu l-iSchools Contact Tracing Team jikkuntattja lil dawk il-ġenituri li t-tfal tagħhom ikunu ġew identifikati li jridu jitpoġġew fi kwarantina mandatorja biex jinfurmahom b’din id-deċiżjoni. Ħafna drabi l-kuntatt mal-ġenituri kkonċernati minn naħa tal-Ischools Contact Tracing Team isir dak in-nhar jew l-għada li l-każ pożittiv ikun identifikat u tkun waslet l-informazzjoni mill-iskejjel.

Testijiet tad-demm lill-anzjani u persuni b'diżabilità fi djarhom

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru testijiet tad-demm għall-anzjani u l-persuni b’diżabilità li jgħixu fid-djarhom u li minħabba xi problem ta’ saħħa ma jkunux jistgħu joħorġu minn darhom f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Carers għall-persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx lista ta’ carers li jieħdu ħsieb persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jgħixu fil-komunità? Jek iva, qegħdin jingħataw korsijiet ta’ taħriġ biex iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod sodisfaċenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għandna careworkers li jassistu professjonisti li jaħdmu ma' persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jgħixu fil-kommunita’. Dawn il-careworkers jaħdmu taħt superviżjoni. Apparti minn hekk, b’mod regolari dawn il-careworkers jiġu mistiedna u jkollhom opportunitajiet biex jattendu sessjonijiet ta’ Continuous Professional Development (CPD) kull xahar, u jattendu seminars u konferenzi, flimkien ma’ professjonisti oħra. Bħala taħriġ, il-carewokers għandhom induction training minn professjonisti meta dawn jibdew jaħdmu fil-komunita', numru ta' careworkers ikollhom taħriġ biex imexxu sessjonijiet individwali, kif ukoll fi grupp, taħriġ u sessjonijiet ta' Telehealth waqt il-pandemija u dan l-aħħar attendew taħriġ ta' Mental Health First Aid offrut online mir-Richmond Foundation.

Frontliners li rrifjutaw il-vaċċin tal-Covid-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' front liners li ġew offruti l-Covid-19 Vacine u rrifjutawh? JIsta' jagħti in l-informazzjoni skont il-grad tagħhom, eżempju tobba, nurses, physiotherapists, carers eċċ.?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn dawk eliġibbli, 91 % ta’ frontliners mediċi aċċettaw u filfatt ħadu l-vaċċin tal-Covid 19. Hemm diversi frontliners li ma ħadux dan il-vaċċin minħabba raġunijiet mediċi u oħrajn li għadhom ma kkonfermawx jekk hux se jkunu qed jieħdu dan il-vaċċin.

Frontliners li mhux ħa jieħdu l-vaċċin tal-Covid-19

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'ħa tkun il-policy tal-Gvern rigward il-frontliners li rrifjutaw li jieħdu l-vaċċin tal-Covid-19? Dawn xorta ħa jitħallew jibqgħu b'kuntatt dirett mal-pazjenti jew ma residenti fi djar tal-anzjani sew dawk tal-Gvern kif ukoll dawk tal-privat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern qiegħed joffri it-tilqima kontra l-COVID-19 fuq bażi volontarja, inkluż għall-professjonisti tas-saħħa inkluż dawk li jaħdmu mal-pazjenti jew ma residenti fi djar tal-anzjani . Huwa ta’ sodisfazzjoni li l-maġġoranza l-kbira ta dawn il-professjonisti diġa ġew biex jitlaqqmu. Dawk li s’issa ma tlaqqmux ovvjament se jkomplu jaħdmu bħal qabel għaliex il-protokolli ta infection control huwa effettivi biex jevitaw tixrid tal-infezzjoni. Madanakollu l-opportunita’ tibqa hemm għalihom biex jieħdu t-tilqima.

Mosta Home u Mtarfa Home – residenti li ngħataw it-tilqima tal-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il resident ingħata t-tilqima tal-vaċċin tal-COVID-19 fil-Mosta Home u l-Imtarfa Home u l-etajiet tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Mosta Home ingħataw 231 dożi tal-vaċċin tal-Covid-19 lill-residenti u staff filwaqt li fl-Imtarfa Home ingħataw 119. L-etajiet ta’ dawn il-persuni ivarjaw minn 25 sena sa 101.

Strateġija Nazzjonali biex Titnaqqas l-Obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika xi twettaq f’dawn l-aħħar tliet snin mill-Istrateġija Nazzjonali biex Titnaqqas l-Obeżità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn is-sena 2017 u l-2020, sar ħafna proġress f’ażżjonijiet relatati mal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Obeżita’. L-aktar importanti kienu f’dawn it-taqsimiet: Serviżżi: Tkompliet l-edukazzjoni għal professjonisti tas-saħħa dwar il-kura tal-Obeżita’ fl-adulti. Saru tlett seminars għall-professjonisti tas-saħħa (inkluż tobba tal-familja) dwar aspetti varji tal-kura ta’ adulti li huma obeżi. Dawn saru flimkien mal-assoċjazzjoni internazjonali EASO – European Association for the Study of Obesity, fejn grupp ta’ seba’ speċjalisti minn diversi pajjiżi ġew iħarrġu l-professjonisti Maltin. Sar titjib fis-servizzi ta’ programmi ta’ telf ta’ piż (Piż tajjeb tul Ħajtek) minn nutrizzjonisti u għalliema tal-attività fiżika. Din l-aħħar sena, il-programm beda’ jsir online minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Studji: Sar Studju Nazzjonali dwar il-Konsum tal-Ikel. F’dan l-istudju ġdid, madwar elf persuna ipparteċipaw. Kull persuna kien intervistat darbtejn dwar l-ikel li kiel fl-aħħar 42 siegħa. Ir-riżultati qegħdin jintużaw: biex jigu aggornati l-linji gwida tad-dieta’ nazzjonali fl-ippjanar u l-evalwazzjoni tal-politiki tas-saħħa biex tgħin l-isforzi tal-kummerċ u tal-formulazzjoni mill-ġdid biex tidderieġi riżorsi għal aktar riċerka Nutrizzjoni u Attivita’ Fiżika: Saret it-tnedija ta’ Linji Gwida ġodda dwar id-Dieta għat-Tfal Maltin ta’ bejn it-6 xhur u 3 snin – il-Mod Mediterranju. Saret Kampanja biex nippromwovu dawn il-Linji gwida. Saru ukoll diversi seminars għall-ġenituri dwar il-Linji Gwida. Saru wkoll seminars għall-professjonisti tas-saħħa u għall-carers fin-nurseries. Ġew mneħdija ukoll l-Linji Gwida ġodda dwar id-Dieta għat-Tfal Maltin ta’ bejn it-3 snin u 12-il sena – il-Mod Mediterranju. Dawn il-linji ġwida huma ibbażati fuq il-linji ġwida għal-adulti u jużaw il-platt bnin biex jispjeġaw is-7 gruppi ta’ nutrijenti li huma il-qofol ta’ dieta’ bbilanċjata. Il-Promozzjoni ta’ dawn il-Linji gwida saret ukoll permezz tal-mezzi tax-xandir lokali u użu tal-mezzi ta’ siti soċjali . Saru diversi preżentazzjonijiet lill-ġenituri, kif ukoll lill-għalliema tal-Home Economics bħala parti mit-Taħriġ tagħhom sabiex b’hekk dawn il-linji gwida se jservu bħala l-qafas tal-Kurrikulu Edukattiv dwar in-nutrizzjoni fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. L-għan ta’ dawn il-Linji gwida huwa li tfal jieklu dieta’ bbilanċjata u li ġenituri jevitaw li tfal jieklu porzjonijiet kbar iżżejjed. Sar taħriġ għal professjonisti tas-saħħa dwar interventi qosra dwar is-saħħa, sar ukoll seminar għal diversi professjonisti tas-saħħa, inkluż tobba tal-familja, u ħaddiema oħra tal-kura primarja. Dan sar flimkien mal-Għaqda Dinjija Għas-Saħħa, fejn tim ta sitt esperti ġew iħarġu lill-professjonisti Maltin dwar interventi qosra dwar is-saħħa. Dawn l-interventi huma dwar it-tabakk, dieta’ mhux ibbilanċjata, nuqqas ta’ eżerċizzju, u l-użu mhux meqjus tal-alkoħol. Saret it-tnedija tal-Avviż Legali 266 ta’ 2018 fejn hemm linji ġwida dwar l-ikel li jista’ jinbiegħ fl-iskejjel. Saru l-laqgħat informattivi mas-sidien tat-tuckshops li jissuplixxu l-ikel u x-xorb waqt il-ħin tal-iskola. F’dawn il-laqgħat ġew spjegati kemm dak li jingħad f’dan l-avviż kif ukoll ġie spjegat it-tipi ta’ ikel u xorb permessibbli u dawk li mhux permessibbli fl-iskejjel. Dawn il-laqgħat informattivi saru ukoll lill-kapijiet tal-iskejjel kollha kemm tal-Istat, tal-Knisja u kif ukoll dawk Indipendenti. Saru ukoll laqgħat informattivi għall-ġenituri. Sar taħriġ dwar il-prattika tal-Motivational Interviewing. L-Motivational Interviewing hija teknika li professjonisti tas-saħħa jużaw biex jgħinu lill-persuni li jixtiequ jagħmlu xi tibdil iżda mhumiex ċerti kif. Dan huwa l-ewwel pass biex inżidu l-użu ta’ din it-teknika u ngħinu l-klijenti tagħna biex ibiddlu l-istil ta’ ħajja għal-aħjar. Kien hemm diversi linji ġwida dwar l-attivita fiżika għall-etajiet differenti fil-popolazzjoni flimkien ma’ attivitajiet ta’ edukazzjoni. Sar taħriġ dwar ir-riformulazzjoni tal-ikel għall-partijiet interessati involuti fl-industrija tal-ikel lokali.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika x’benefiċċji hemm indikati għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u għal min jieħu ħsiebhom skont il-Budget 2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward benefiċċji finanzjarji li qed jirreferi għalihom hu, għandu jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Ninfurmah ukoll illi s-servizzi għal kura tas-Saħħa Mentali kif ukoll mediċini psikjatriċi se jkomplu jingħataw bla ħlas kif ukoll se jkompli jsir Immodernizzar tal-Faċilitajiet tas-Saħħa Mentali.

Ministeru għas-Saħħa — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ proġetti li huma għaddejjin bħalissa kif ukoll dawk li huma pjanati fiż-żmien li ġej.

Advisory Committee for Healthcare Benefits – diskussjoni fuq il-mediċina Xeralto

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk saritx id-diskussjoni fuq il-mediċina Xeralto fl-Advisory Committee for Healthcare Benefits? Jekk iva, jista’ jgħid x'kienet id-deċiżjoni? Jekk le, meta se tiġi diskussa? U meta huwa ppjanat li l-mediċina Xeralto tidħol fil-formolarju tal-mediċini li jingħataw b'xejn lill-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17880.

Xiri tal-Constant Glucose Monitors

Question

Jista' d-Deputat Prim Minsitru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk il-proċess biex jinxtraw il-Constant Glucose Monitors ġiex konkluż u li dawn il-monitors fil-fatt waslu Malta? Jista' jgħid meta se jibda dan ir-roll-out mat-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom Type 1 Diabetes?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif spjegajt jiena stess fil-parlament fis-seduta 424 ta’ nhar l-Erbgħa 3 ta’ Frar 2021 is-sistema tal-Constant Glucose Monitors se tibda minn għada t-Tlieta 9 ta’ Frar 2021.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – kardjologu tal-għassa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjanijiet hemm sabiex ikun hemm kardjologu tal-għassa fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex bil-faċilitajiet relatati ma' cardiac lab għall-bżonn ta' pazjenti li jkollu bżonn intervent immedjat wara l-bidu ta' attakk tal-qalb mingħajr il-ħtieġa li jinġieb Malta bil-helicopter?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi servizzi relatati mal-Cardiac Cath Lab inkluż dak ta’ kardjoloġista tal-għassa, huma ppjanati biex ikunu parti mis-servizzi ġodda offruti ġewwa l-bini ta’ sptar akut ġdid fil-gżira Għawdxija.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Helipad

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm sabiex ikun hemm helipad fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kif ukoll ieħor fl-Isptar Mater Dei? Jidhirlux li l-arranġamenti preżenti tal-ġarr f'emerġenza ta' pazjenti bil-helicopter qed ikunu ta' detriment għas-saħħa tal-pazjenti minħabba traġitt evitabbli li jieħu aktar ħin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa ppjanat li jkun hemm il-faċilita’ tal-użu ta’ helipad mat-tkomplija tal-bini ta’ sptar akut ġdid f’Għawdex filwaqt li ladarba tinbena il-blokka il-ġdida (Mother and Child) li se tkun tagħmel parti mill-isptar Mater Dei, se jkun hemm il-faċilita’ tal-helipad fuq din l-istess blokka. Ninfurmah ukoll illi attwalment fl-isptar Ġenerali t’Għawdex l-helipad m’huwiex permissibli minħabba li l-pjanijiet futuri se jirrendu li s-sit preżenti se tkun waħda ta’ kostruzzjoni u żvilupp.Filwaqt f’Mater Dei minkejja li kienu diġa bdew isiru xi xogħlijiet biex ikun jista’ jsir helipad, dawn kellhom jitwaqqfu minħabba li kien hemm problema ta’ saħħa fil-bini.

Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika – rapport dwar il-qasam tas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17824 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-qasam tas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema rapport qed jirreferi.

Klinika tar-Rabat Għawdex – xogħlijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-klinika ġdida tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid meta din ser tibda tintuża? Jista' jagħti lista ta' servizzi li hu maħsub li se jibdew jingħataw f'dan il-post minflok fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Kemm hi l-ispiża li tħallset s’issa mill-Ministeru għas-Saħħa fuq din il-klinika

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fl-istruttura esterna kif ukoll interna tal-binja taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid fir-Rabat Għawdex huwa lest. Wara li t- tender for mechanical, electrical works and other finishes ingħata permezz ta’ sejħa għall-akkwist pubbliku, issa jmiss l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt sabiex għal-aħħar ta’ Frar jibdew isiru l- finishings neċessarji ta’ din il-binja. L-għamara kif ukoll it-tagħmir mediku ġew ordnati. Huwa mistenni li jilqa’ l-ewwel pazjenti għal-aħħar ta’ din is-sena. Minn dan iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid fir-Rabat Għawdex huwa maħsub li jingħataw servizzi ta’ General Practitioner, Treatment and Emergency Room Services, Diabetes Mellitus Clinics, Tissue Viability / Leg Ulcer Clinic, Blood Letting Clinic, National Immunisation Service, Point of Care, Mental Health Services u Podiatry Service.

Spiża għall-importazzjoni tal-vaċċin għal kontra l-COVID-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont tal-ispiża li swiet s’issa lill-Gvern Malti sabiex kienu importati l-vaċċin għal kontra l-COVID 19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ftehim bħal dan huwa kopert minn kriterji ta' kunfidenzjalità li huma parti mill-ftehim ta' akkwist bil-quddiem, hekk kif stabbiliti mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea.

Central Procurement and Supplies Unit – ħaddiema — allowances

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont fuq liema kriterji ċertu ħaddiema fis-Central Procurement and Supplies Unit ingħataw allowance filwaqt li ħaddiema oħra fl-istess Dipartiment ma ngħataw l-ebda allowance? Kemm swiet din l-ispiża tal-allowance inkluż il-ħlasijiet b’lura li ngħataw dawn il-ħaddiema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f'konformità mal-MOU iffirmat bejn il-Gvern, l-GWU u l-UHM fis-27 ta 'Frar fl-2020, ġiet elenkata lista tal-gradi li huma ntitolati għal allowance. Dawn jinkludu dawk li jwettqu dmirijiet ta' akkwist u provvisti fi ħdan is-CPSU.

Għawdex – swab tests

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa jispjega lill-Parlament kemm-il swab test sar f'Għawdex mill-bidu ta' Diċembru 2020 sad-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jispjega kemm kien l-average time li fih ingħataw ir-riżultati kwantu dawn is-swab tests? Jista' jgħid ukoll kemm kien l-average time meħud biex jingħataw ir-riżultati kwantu swab tests li saru f' Malta fl-istess perjodu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru totali ta’ swabs li saru f’Għawdex mill-1 ta’ Diċembru 2020 sal-aħħar ta’ Jannar 2021 kien 9,260 li minnhom 908 kienu rapid tests. Il-ħin tal-analiżi minn mindu jasal swab (PCR) għal Covid- 19 fil-laboratorju tal-isptar Mater Dei sa ma joħroġ ir-riżultat huwa l-istess kemm għall-kampjun li jittieħed minn Malta kif ukoll minn Għawdex.

Sospensjoni tas-servizz tal-IVF minħabba l-pandemija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizz tal-IVF ġiex sospiż minħabba l-pandemija minn Marzu 2020? Jekk iva, jista' jindika meta se jitkompla u jekk iċ-ċikli li saru ntilfux, fis-sens illi min għamel ċiklu li ma tkompliex, dan iċ-ċiklu se jerġa’ jinbeda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull servizz ieħor mogħti minn ġewwa Mater Dei is-servizz tal-IVF ġie sospi¿ wara li sar l-aħħar ċiklu fl-1 ta’ April 2020 minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Dan is-servizz reġa beda’ jingħata bl-ewwel ċiklu bi trasferiment ta’ embrijun krijopreservat li sar fil-25 ta’ Ġunju 2020. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ għall-Protezzjoni tal-Embrijun fi 22 ta’ Marzu 2020, ħabret li minħabba l-COVID-19, in-nisa li kienu se jilhqu l-eta’ massima sa l-aħħar ta’ Diċembru 2020 kienu qegħdin jingħataw estensjoni ta’ sitt xhur fuq l-eta’ massima sabiex ħadd ma jitlef l-opportunita li jkollu ċiklu tal-IVF.