Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imtarfa Home — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-servizz ta' tindif fl-Imtarfa Home huwiex provdut mill-privat? Jista' jgħid kemm hemm cleaners impjegati mal-gvern li jservu fl-istess residenza? Jista' jgħid kemm hu l-ammont ta' impjegati mqabbda mill-kuntrattur, kemm qed jaħdmu sigħat kull wieħed u b'liema rata qed jitħallsu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru wieħed u tletin elf, mitejn u erba’ u sebgħin (31274).

għajnuna finanzjara f'każ ta' saħħa

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tbati minn kundizzjoni tistax tingħata għajnuna finanzjarja mill-gvern Malti peress li hemm kura speċjalista fl-Italja li qed tagħti r-riżultati u dan peress li din il-kura speċjalista f'Milan tista' tevita intervent ta' operazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba ghadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’di Seduta oħra.

tfal li għandhom xi tip ta' kanċer

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm preżentament hemm tfal li għandhom ħames snin, bejn ħamsa u għaxar snin u bejn 10 u 15-il sena (tal-aħħar żgħażagħ) li huma rikoverati fl-isptar minħabba xi tip jew ieħor ta' kanċer?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fix-xahar ta’ Novembru 2011 kien hemm medja ta’ 3 pazjenti bejn l-etajiet imsemmijja li ġew rikoverati kuljum fl-Isptar Mater Dei bħala inpatients sabiex jirċievu kura għall-kanċer. Kien hemm ukoll medja ta’ 7 pazjenti bejn dawn l-etajiet li attendew l-Isptar Mater Dei bħala day cases kuljum sabiex jirċievu xi tip ta’ kura għall-kanċer, bħal testijiet tad-demm, trasfużjonijiet tad-demm jew chemotherapy. L-istess pazjent jista’ jiġi rikoverat għall-kura, kemm bħala inpatient , kif ukoll bħala day case , iktar minn darba fl-istess perjodu.

dar tal-anzjani tal-Mellieħa — talbiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti minn anzjani biex jintbagħtu bħala residenti fid-dar tal-anzjani tal-Mellieħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ talbiet pendenti biex anzjani jidħlu fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa huwa 153.

Operazzjoni tal-Irkoppa

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li jieħu ħsieb lit-tfal tiegħu u jinsab bil-krozzi minħabba uġiegħ f'irkopptejh u li għandu bżonn operazzjoni fl-irkoppa u finanzjarjament ma jistax jagħmilha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa mniżżel għal knee arthroscopy fuq il-lista tal-każijiet urġenti. Il-konsulent inkarigat se jsejjaħ lil pazjent għal dan l-intervent fi żmien sitt xhur.

Ħal Kirkop — Triq San Pietru - ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jara li dawk inkarigati mis-sezzjoni tal-velenu tal-ġrieden jieħdu ħsieb l-area fil-parti fejn tagħlaq Triq San Pietru, Ħal Kirkop peress li fil-mument hemm infestazzjoni tal-ġrieden?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li għalkemm din is-sena id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment rigward infestazzjoni ta’ ġrieden fiż-żona ndikata, fis-7 ta’ Dicembru, 2011 bħala prekawzjoni ħaddiema mis-sezzjoni tal-Pest Control Unit wettqu trattament għal kontra l-ġrieden fiż-żona ndikata. Uffiċċjal għas-Saħħa Ambjentali wettaq ukoll spezzjoni f’din iż-żona iżda ma ġie nnutat l-ebda akkumulu ta’ ħmieġ jew irregolarijiet oħra li jistgħu jikkawżaw infestazzjoni ta’ ġrieden. Trattament ieħor għal kontra l-ġrieden ser jiġi repetut fl-14 ta’ Diċembru, 2011, kif ukoll din iż-żona ser tibqa tiġi monitorjata skont il-bżonn.

Sptar Mater Dei — ilmenti fil-customer care

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti fil-customer care tal-Isptar Mater Dei sena b’sena matul l-2008, 2009 u 2010 b’mod separat? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti? Kemm-il każ kien magħluq u kemm-il każ għadu miftuħ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kiri ta' tagħmir mediku lill-isptarijiet u kliniċi privati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30439, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li l-mistoqsija tiegħi kienet dwar kirjiet u mhux self. Ghaldaqstant jista l-Ministru b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29365 jgħid kemm kienet l-ispiża fil-każ ta’ kull kirja?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferei lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 29365, u nikkonferma li l-lista mehmuża tkopri self u mhux kiri ta’ apparat mediku. Kif indikat bin-nota taht it-tabella mehmuza mal-istess Mistoqsija Parlamentari (Nru 29365) ma kien hemm l-ebda apparat mediku li gie mikri mill-Isptar Mater Dei lil sptarijiet jew kliniċi privati bejn Ottubru 2010 u Settembru 2011. Kien hemm imma self ta’ apparat mediku li joħroġ min ftehim reċiproku bejn l-isptar Mater Dei u l-isptarijiet u kliniċi privati.

Sptar Mater Dei — professjonisti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30588 u jgħid kemm hemm infermiera, ħaddiema soċjali, tobba u speċjalisti li bħalissa qed jagħtu s-servizz tagħhom fl-Isptar Mater Dei? Kemm-il siegħa fil-ġimgħa jaħdmu dawn il-professjonisti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ Staff Mediku li jaħdem l-isptar Mater Dei huwa ta’ 643. Dan jinkludi it-tobba f’kull livell. It-total ta’ sigħat li jaħdmu fil-ġimgħa bejniethom huwa ta’ 35,105 (jiġifieri medja ta’ 55 siegħa fil-ġimgħa għal kull tabib). In-numru ta’ nfermiera li jaħdmu l-Isptar Mater Dei huwa ta’ 1,324. It-total ta’ sigħat li jaħdmu fil-ġimgħa bejniethom huwa ta’ 53,035 (jiġifieri medja ta’ 40 siegħa għal kull infermier). Fl-isptar Mater Dei m’hemmx ħaddiema soċjali għaliex l-isptar juza s-servizz tal-Aġenzija Appoġġ.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — xogħol ta' Back office

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-Ministeru u dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jagħmlu xogħol ta' back office?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

atleti li huma f'riskju ta' korriment

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 30478, jista' l-Ministru jgħid kemm minn Settembru sa Novembru jirrizulta li kien hemm: a)persuni riferuti l-E&A Department fl-Isptar Mater Dei b'xi forma ta' injury waqt attività sportiva? b)kemm minn dawk f'(a) kellhom jiddaħħlu l-isptar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Accident and Emergency Module tal-Patient Administration System, fejn jiġu rreġistrati pazjenti li jattendu d-dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei ma tinġabarx informazzjoni dwar is-sintomi jew djanjożi tal-istess pazjent u għalhekk din l-informazzjoni ma tistax tingħata. Ma tistax tingħata lanqas informazzjoni dwar in-numru ta' każijiet ta' injuries waqt attività sportiva li ddaħlu fl-Isptar Mater Dei minn Settembru sa Novembru ta’ din is-sena. Dan minħabba li fl-Electronic Case Summary/Hospital Activity Analysis System , minn fejn tittieħed din l-informazzjoni jiġi mniżżel biss dak li l-pazjent ikun qed ibati bih b’konsegwenza tal-inċident bla ma jkun hemm referenza għall-fatt li dan l-inċident ikun seħħ waqt attività sportiva.

MRIs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru MRIs minn Settembru sa Novembru 2011? Kemm minn dawn kienu tal-irkoppa? Kemm minn dawn saru lil persuni taħt il-35 sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru u t-30 ta’ Novembru 2011, saru 2,108 MRIs li minnhom 297 kienu għall-irkoppa. 163 minn dawn l-MRI’s tal-irkoppa kienu għal persuni taħt il-35 sena.

Kartuna r-Roża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30513 u 29983 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kartuna r-roża?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jkollu biss l-istatistika dwar kemm ħarġu Karti Roża mill-Uffiċċji Distrettwali. Tajjeb jingħad li Karta Roża trid tiġġedded kull sena għal min għandu ‘l fuq minn sittin sena u kull erba’ xhur f’każijiet oħra. Skont kif infurmata mid-Dipartiment matul l-2010 ħarġu 8,254 Karta Roża u sal-aħħar ta’ Novembru 2011 ħarġu 7,559.

stennija għal operazzjoni tal-katarretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet fil-waiting list is-Sinjura li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, peress li ilha tistenna għall-intervent tal-katarretti mill-2005?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont il- file mediku tal- pazjenta li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant din kienet ġiet irriferuta għall-ewwel darba bħala New Case għal Right Cataract fl-2003. L-operazzjoni biex titneħħa ir-Right Cataract saret fis-7 ta’ Mejju 2005. Il-pazjenta reġgħet ġiet irreferuta b’ticket of refarral bħala New Case għall-operazzjoni tal-Left Cataract fis-26 ta’ Marzu 2011. Hija tpoġġiet fuq waiting list għal Left Cataract Extraction f’April tal-2011. Għaldaqstant, is-sinjura Agius ilha tistenna fuq il-waiting list għal Left Cataract Extraction għal dawn l-aħħar 7 xhur.

Mosta — Dar tal-Anzjani - lift bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi biex il-liftijiet tad-Dar tal-Anzjani tal-Gvern tal-Mosta jiġu msewwija għaliex wieħed ilu għaxar snin imkisser u l-ieħor ilu xahar ma jaħdimx? Huwa minnu li m'għandhomx parts għal dan il-lift u li l-mudell ta' dan il-lift ilu għaxar snin skadut?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30689.

Mosta — Dar tal-Anzjani - lifts bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju ta' kemm qed joħloq inkonvenjent għall-anzjani meta l-lifts fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta jkunu bil-ħsara, speċjalment għal dawk l-anzjani li jkollhom problemi bl-immobilità u għalhekk kull darba li dawn il-lifts ikunu bil-ħsara dawn l-anzjani jispiċċaw jew jibqgħu fuq, jew inkella l-anzjani li jkunu isfel ma jkunux jistgħu jitilgħu fuq biex jisimgħu l-quddiesa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Naċċerta lill-Onor. Interpellat li kif ġie spjegat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30689, qed isir dak kollu possibli biex is-servizz tal-lifts jiġi għan-normal fl-iqsar żmien possibli. Naċċerta lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed isegwi dan il-każ mill-qrib.

każ ta' anzjan biex jidħol fid-dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li applika biex jidħol fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa peress li hemm xi familjari li jaf bihom hu, ħalli l-każ jitmexxa kemm jista' jkun malajr?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat fil-15 ta’ Marzu 2011. Is-Social Report sar fit-3 ta’ Mejju 2011 u ġie approvat mill-Bord tal-Ammissjoni fit-2 ta’ Ġunju 2011 għad-Dar tal-Anzjani tal-Mtarfa. B’hekk dan l-anzjan qiegħed fuq il-lista ta’ stennija għad-dħul fid-Dar tal-Anzjani tal-Mtarfa skont il-mertu tal-każ.

Injection 5 in 1 tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-injection 5 in 1 li tingħata lit-tfal qegħda out of stock? Jista' jgħid meta se terġa tkun in stocku tinsab fiċ-Ċentri tas-Saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-raġuni għaliex l-injection 5 in 1 kienet out of stock kienet kkawzata minn dewmien minn naħa tal-aġent sabiex jissuplixxi din il-vial. Id-Dipartiment ipprova jieħu miżuri oħra, iżda ż-żmien li kien ser jittiehed sabiex jitwasslu kien xorta ser jieħu fit-tul. Madankollu l-injection 5 in 1 waslet Malta l-bieraħ (1,560 vials) u għandha tasal konsenja oħra ta’ 8,000 vial il-ġimgħa d-dieħla.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — lista ta' tenders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' tenders mogħtija fl-2008, 2009, 2010 u bejn Jannar u Novembru 2011 mill-Ministeru, l-aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħtu u li l-valur tagħhom kien ta' iktar minn miljun ewro? Jista' jagħti dettalji ta' x'tenders kienu u lil min ingħataw? Jista' jgħid fuq kemm minnhom tħallas iktar minn kemm kienet l-ispiża oriġinali u kemm kienet id-differenza f'kull każ u jagħti r-raġuni għaliex ġara hekk f'kull każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.