Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali — abbużi mid-drittijiet tal-ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fl-aħħar tliet snin kemm kien hemm allegazzjonijiet ta’ abbużi mid-drittijiet tal-ħaddiema li ġew rappurtati lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali? Kemm-il rapport ġie investigat? Kemm ittieħdu azzjonijiet? Kemm fadal rapporti pendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tad-Djar — Ittra

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex min-naħa tal-Awtorità tad-Djar għadhom ma wieġbux għall-ittra li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L- email tal-Onorevoli l-Interpellant waslet għand persuna li inzertat kienet mhux xogħol għal diversi ġranet, pero’ l-Onorevoli rċieva out of office reply fejn kienet tgħid li fin-nuqqas ta’ din il-persuna, wieħed għandu jikkomunika ma’ persuna oħra. L-Onorevoli Interpellant dan m’għamlux għalhekk huwa rċieva risposta ta’ l-email tiegħu aktar tard.

Persuni li għalqu l-età tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26150 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm hawn persuni li minkejja li għalqu l-età pensjonabbli baqgħu jaħdmu: a) part-time ; u b) full-time? Kemm minnhom huma: a) nisa; b) irgiel? Kemm iħallsu f'kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali dawn l-persuni? Jekk dawn ma jħallsux kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali, kemm iħallsu taxxa tad-dħul komplessivament? B'liema rata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li għandha Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta` persuni li għalqu l-età pensjonabli u baqgħu jaħdmu kien ta’ 5,688 persuna fuq bażi part time li minnhom 4,200 kienu rġiel u 1,488 kienu nisa filwaqt li kien hemm 4,197 persuna li jaħdmu full time li minnhom 2,908 rġiel u 1,289 nisa. In-numru ta’ persuni li laħqu l-eta’ tal-pensjoni u baqgħu jaħdmu hu ta’ 11,083 kif jidher fit-tabella iżjed ‘l isfel. Retirement Pension MF FULL TIME3815998 PART TIME50101182 REDUCED HOURS 5622 88812202 Inżid ukoll illi l-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta’ Soċjali li jħallsu dawn il-pensjonanti hu ta’ għaxra fil-mija tas-salarju bażiku fil-ġimgħa jekk il-pensjonant jagħmel xogħol bħala persuna impjegata u 15 fil-mija tad-dħul iddikjarat mill-impjieg għal rasu jekk il-pensjonant jagħmel xogħol għal rasu. Id-dipartiment ma jkollux statistika dwar ir-rata ta’ tnaqqis ta’ taxxa.

Kontribuzzjoni tal-għajnuna medika

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li fil-pensjoni tal-mard, il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, m'humiex qegħdin jirċievu l-kontribuzzjoni tal-għajnuna medika, meta dawn għandhom mard inkluż li r-raġel illum huwa pupletiku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-persuna ndikata mill-Onorevoli Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Care Order

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25319 rigward il-care order fil-konfront tal-minuri, li d-dettalji dwar qed jintbagħtu separatament li bħalissa jirrisjedi f'St. Joseph Home f'Santa Venera, tista' l-Ministru tispjega dettaljatament għaliex il-minuri għadu ma ngħaqadx lura mal-familja tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ma tistax tipprovdi l-informazzjoni speċifika rigward il-każ lill-Onorevoli interpellanti għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalita u għal raġunijiet skond il-gwidi stabbiliti mill-att dwar il-protezzjoni u l-privatezza tad-data (Kap. 440). Il-ġenitur jista’ jikkuntatja l-Aġenzija Appoġġ sabiex tingħata l-informazzjoni mixtieqa.

Skejjel tal-istat — aċċess għall-ilma tax-xorb

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-iskejjel tal-istat li m'għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb mill-main tal-ilma u xi provedimenti qed jittieħdu fil-konfront ta' din is-sitwazzjoni mill-kapijiet tal-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel kollha tal-Gvern għandhom aċċess għall-ilma tax-xorb mill- main tal-ilma tal-Gvern.

Skola Primarja ta' Għajnsielem — Għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid u tispjega kif fl-iskola primarja ta' Għajnsielem inħolqot sitwazzjoni li permezz tagħha għalliema li ilha tgħallem f'din l-iskola għal iktar minn 20 sena se tintbagħat fi skola oħra għaliex għalliem ieħor intbagħat f'din l-iskola meta ma kienx hemm bżonnu? Dan biex ma jibqax joqgħod ġej u sejjer Malta ġie trasferit f'din l-iskola u minħabba n-natura tal-workload f'din l-iskola m'hemmx wisa' għat-tnejn u issa dan l-għalliem se jibqa' hemm u din l-għalliema se tiġi trasferita band'oħra. Tista' tagħti spjegazzjoni għal din is-sitwazzjoni anomala li b'konsegwenza tagħha din l-għalliema li wettqet xogħol b'tant dedikazzjoni għal 20 sena, issa se tispiċċa trattata b'dan il-mod biex jiġi aġevolat għalliem ieħor li ma kienx hemm bżonnu f'din l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan l-għalliem ġie transferit minn Malta għal Kulleġġ ta' Għawdex, Primarja Għajnsielem fid-19 ta’ Settembru 2007. Il-klassijiet li għallem tul dawn l-erba’ snin kienu: · 2007 – 2008: Year 6 · 2008 – 2009: Year 6 · 2009 – 2010: Year 5 · 2010 – 2011: Year 6. Rigward is-sena skolastika 2011 – 2012 il-ħidma fuq il-klassifikazzjoni għadha għaddejja u l-ebda deċiżjoni finali ma ttieħdet. Id- deployment ta’ għalliema huwa prerogattiv tal- Management .

ulied ta' koppji separati li jkomplu jistudjaw

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħmel xi emendi fil-Liġi biex jipproteġi lil dawk l-ulied ta' koppji separati, li jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu 18-il sena, iżda li jsibu problema għax il-manteniment għalihom jieqaf kif jagħlqu din l-età, anki jekk ikunu għadhom jistudjaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Avviż Legli li jirregola l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jipprovdi biex dawk l-istudenti li jkunu ġejjin minn familji bi bżonnijiet finanzjarji, jingħataw għotja supplemenentari. Dawn jistgħu jkunu tfal ta’ koppji separati, jekk id-dħul tal-ġenitur li jkunu qed jgħixu miegħu ikun dħul baxx. Id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali jagħti diversi beneffiċċji soċjali lil familji fil-bżonn. Familji li jirċievu l-Għajnuna Soċjali jirċievu additional rate ta’ l-għajnuna soċjali sakemm it-tfal jibqgħu dipendenti.

Kunsill Malti għall-Isport — Bord tad-Diretturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri li jiffurmaw il-Bord tad-Diretturi tal-Kunsill Malti għall-Isport? X'inhuma r-responsabbilitajiet tagħhom fi ħdan dan il-Bord? U jekk jeżistu xi ħlasijiet għal dan ix-xogħol, tista' tgħid x'inhuma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pixxina Nazzjonali — mezz alternattiv ta' kif jissaħħan l-ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienet in-nefqa matul is-sena 2010 sabiex jissaħħan l-ilma tal-Pixxina Nazzjonali? Tista' tgħid jekk hux qed tkun ikkunsidrata xi alternattiva ta' kif jissaħħan dan l-istess ilma u tonqos l-ispiża mingħajr ma jbatu l-għawwiema li jużaw il-pixxina?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena 2010, in-nefqa totali sabiex ikun operat il-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali kienet ta’ € 1,269,393.67. Fl-2009, il-Kunsill Malti għall-iSport ikkummissjona studji dwar kif il-Pixxina Nazzjonali tista’ tissaħħan b’użu ta’ enerġija alternattiva. Sal-lum jirriżulta li l-ispiża kapitali u rikorrenti li jridu jsiru ma jiġġustifikax finanzjarjament dak li jista’ jkun gwadanjat permezz ta’ din is-sistema.

Bormla — Triq San Ġwann - ġnien

Question

Issa li l-bini fi Triq San Ġwann f'Bormla ilu lest numru ta' snin, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx data meta se jsir ix-xogħol fuq il-ġnien żgħir li hemm quddiem il-club tal-Cospicua Rangers? Ma taħsibx li għadda ħafna żmien biżżejjed sabiex dan il-proġett isir u jerġa' jibda jilqa' fih ir-residenti tal-akkwati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa l-Awtorità tad-Djar għadha ma rċevietx talba min-naħa tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla sabiex isir ix-xogħol ta’ tisbieħ fuq il-ġnien żgħir quddiem il-club tal-Cospicua Rangers li għalih diġà hemm permess ta’ żvilupp fl-iskema l-ġdida tal-istess awtorità għal-landscaping tal-binjiet residenzjali tal-gvern.

EUPA — eżitu tar-riżultat mill-awdituri

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk il-fondi lill-EUPA humiex se jingħataw mill-Unjoni Ewropea u tgħid x'kien l-eżitu tar-riżultat mill-awdituri? Tista' telenka fejn spiċċaw jaħdmu l-impjegati li kienu mal-EUPA wara d-deċiżjoni tal-OLAF?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif kien maqbul mal-Kummissjoni Ewropea, id-Dikjarazzjonijiet tal-Assigurazzjoni tal-2010 tal-Programmi “ Lifelong Learning ” u tal-“Youth in Action ” intbagħtu b’mod elettroniku fid-29 ta’ April 2011 u kopja fiżika tad-dokumentazzjoni kollha fit-2 ta’ Mejju 2011. L-Aġenzija qed tistenna li tingħata l-informazzjoni mingħand il-kummissjoni dwar ix-xogħol li għamlet l-aġenzija. L-OLAF fl-ebda waqt ma kienu nvoluti fis-sospensjoni tal-Programmi.

Politika Nazzjonali tat-Tfal — diskussjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru konferenzi/laqgħat ta' diskussjoni u ma' min a rigward it-tħejjija tal-politika nazzjonali tat-tfal u fejn wasal il-proċess għat-tnedija ta' din il-politika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-grupp ta’ ħidma ffinalizza l-Abbozz tal-Politika Nazzjonali tat-tfal f’nofs Mejju u għaddih lil numru ta’ stakeholders biex jarawh qabel ma joħroġ għal konsultazzjoni. Hemm laqgħa fl-ewwel parti ta’ Ġunju biex issir diskussjoni dwar dan l-abbozz. S’issa saru diversi mezzi ta’ parteċipazzjoni mat-tfal rigward il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal. Dawn jinkludu: 1. Fl-Okkażjoni tal-għoxrin anniversarju tar-ratifikazzjoni ta’ Malta tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal saru mistoqsijiet ta’ konsultazzjoni mat-tfal preżenti. 2. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Internazzjonali tat-Tfal saru mistoqsijiet ta’ konsultazzjoni, u diskusskoni mat-tfal. 3. Bħalissa qegħda ssir konsultazzjoni mat-tfal permezz ta’ eżerċizzju tal-arti, bit-tema ’It-tfal illum u għada’. 4. Fl-istess waqt għaddej ukoll eżerċizzju mat-tfal permezz tal-lezzjonijiet tal-PSD, dwar it-temi li titratta l-Politika Nazzjonali tat-Tfal, fosthom il-parteċipazzjoni, il-protezzjoni, id-drittijiet u d-dmirjiet.

Kwistjonijiet relatati mat-tfal u familja — laqgħat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru laqgħat/konferenzi li jitrattaw kwestjonijiet relatati mat-tfal u mal-familja f'din l-aħħar sena u tagħti d-dettalji relattivi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Statementing Board ta' studenti Għawdxin — każijiet pendenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem l-istatementing board ta' studenti Għawdxin u tgħid minn liema skola ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Każijiet pendenti quddiem l-iStatementing Moderating Panel ta’ studenti għawdxin: Bishop’s Conservatory 3 St. Theresa 2 St. Francis 2 Laura Vicuna 1 Nadur Primary 1 Gozo BSS 3 Kercem Primary 2 Zebbug Primary 1 Sannat Primary 1 Rabat Primary 2 Ghajnsielem 2 Sannat Primary 1 Agius De Soldanis GSS 1 Total 22

Shared LSAs — talbiet pendenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm talbiet pendenti sabiex shared learning support assitants ikunu individwali u tgħid minn liema skola ġejjin dawn it-talbiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Guardianship Act — persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-gvern a rigward il-guardianship act għall-persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Guardianship Act qed jiġi diskuss mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jiġu indirizzati diffikultajiet leġislattivi marbuta mal-liġi kif kienet miktuba fl-abbozz fil-passat. Hu meħtieġ li din il-liġi terġa’ tinkiteb mill-ġdid.

MCAST — Kindergarden Assistant

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu jżomm milli tiġi riveduta d-deċiżjoni tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li hija kindergarden assistant wara li din ikkonkludiet b'suċċess l-140 hours course li kien ġie aċċettat mill-MCAST fl-4 ta' Mejju 2010 u li għaddiet b'pass, skont ittra datata 25 ta' Jannar 2011 u li sal-lum hija għadha ma ġietx aċċettata bħala kindergarden 2 meta din għandha esperjenza ta' 24 sena? Tara li l-fatt li kienet fi special school u għaxar snin f'normal school m'għandux iżomm milli hija tingħata din il-pożizzjoni ta' kindergarden 2? Tara li jekk dan il-każ jibqa' kif inhu u li diġà kien hemm protest mill-istess MUT, huwa każ klassiku ta' inġustizzja maż-żgħir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kindergarten Assistant imsemmija kien jonqosha li tattendi għal kors ta’ sebgħin siegħa addizzjonali li jlaħħaq 210 siegħa u Practicum Visit biex wieħed ikun jista’ jgħid li kompliet b’suċċess il-kors fl-MCAST. Il-kors ta’ 140 siegħa ma kienx biżżejjed biex hi tkun tista’ tikseb il-grad ta’ Kindergarten 2 għaliex is-snin t’ esperjenza b’responsabbilta’ għal grupp ta’ tfal tal-Kindergarten kien biss ta’ ftit snin u għaldaqstant kien meħtieġ li tagħmel kors ta’ 210 siegħa. Il-persuna nvoluta kienet konxja ta’ dan, iżda xorta waħda ħasset li ma tkomplix bil-kors. Il-kriterji dwar kemm għandhom ikunu s-snin stabbiliti biex wieħed isir kindergarten assistant 2 kienu ġew miftehma f’Agreement mal-MUT fl-2009 u għandhom jiġu osservati. Ma naqbilx li wieħed għandu jikkonkludi li saret inġustizzja meta wieħed iqis il-fatti kollha ta’ dan il-każ.

Ministeru tal-Edukazzjoni — seminars u konferenzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu organizzati seminars u konferenzi (inkluż workshops u contact meetings) mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Impjiegi u l-Familja, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-istess ministeru, minn Jannar 2010 sal-lum? Tista' tgħid x'kien is-suġġett ta' kull konferenza, fejn saret kull waħda minn dawn il-konferenzi, x'kienet l-attendenza (numri), kemm kienet l-ispiża, u jekk din tħallsitx minn fondi pubbliċi jew minn fondi Ewropej?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li waslitli mingħand l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Hekk kif tasal l-informazzjoni meħtieġa mingħand l-Universita’ ta’ Malta, l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u d-Direttorati tal-Edukazzjoni, peress li kien hemm ammont ta’ xogħol sostanzjali involut fil-ġbir tal-informazzjoni mitluba, ngħaddi din informazzjoni lill-Onor. Interpellant.

assigurazzjoni li l-care workers jingħataw kumpens għall-għoli tal-ħajja

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali jistax jassigura li l-care workers impjegati mal-kuntratturi, humiex jingħataw kumpens għall-għoli tal-ħajja kif ġiet imħabbra fil-budgets matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.