Trattat bejn Malta u Libja — skambjament ta' priġunieri
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li t-trattat bejn Malta u l-Libja dwar l-iskambjament ta' priġunieri qed jiġi attwat? Jista' jgħid f'dan l-isfond kemm ġew trasferiti ċittadini Libjani lejn il-Libja u kemm ċittadini Maltin ġew trasferiti lejn Malta? Jista' jikkonferma li l-priġunieri Libjani mibgħuta lura l-Libja kollha ngħataw maħfra mill-Gvern Libjan? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jidhirlu l-Ministru li dan kollu huwa diskriminatorju għall-priġunieri Maltin? X'miżuri ħa jieħu biex ineħħi din id-diskriminazzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
It-Trattat bejn Malta u l-Libja dwar l-iskambjament bejn il-priġunieri li kien ġie ffirmat fl-14 ta' Ottubru tal-1994, daħal fis-seħħ fid-29 ta' Awwissu tal-1996. Ninsab infurmat illi minn din id-data sal-lum intbagħtu 20 priġunier Libjan lura lejn pajjiżhom, filwaqt li ma jirriżultax li ġew trasferiti lejn pajjiżna priġunieri Maltin miżmuma ġewwa l-Libja.
Ta' min jgħid illi t-trasferiment jista' jseħħ biss wara li jkunu saru il-verifiki kollha tal-kriterji stipulati fit-trattat, li kopja tiegħu qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Agreement of transfer of sentenced prisoners.pdf
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm serqiet u reati kriminali oħrajn rapportati lill-pulizija matul is-sena 2009? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-reati saru fuq persuni li għandhom iktar minn 60 sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 in-numru ta' reati kriminali rapportati lill-Pulizija kien jammonta għal 11,953 li minnhom kien hemm 6,843 fuq serq. Infurmat ukoll illi kien hemm 1,469 rapport li kienu jikkonċernaw persuni ta' sittin sena jew aktar li allegatament sfaw vittma ta' reat kriminali.
Magazine Style — artiklu fuq nies li jużaw persuni vurnerabli
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-pulizija Maltija fuq it-tagħrif li żvela l-magazine bil-isem ta' Style on Sunday Issue 07, June 2010, fejn Malta ġiet imsemmija bħala post li fih jiġu użati persuni vulnerabli minn persuni oħrajn għal skjavitu tas-sess, fejn ukoll isemmew diversi każijiet u eżempji ta' din l-kriminalità magħrufa aħjar bħala human trafficking?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi dwar il-każijiet imsemmija mill-Uffiċċjal tal-Pulizija intervistat mill-artikolista, l-Pulizija Maltija kienet għamlet l-investigazzjonijiet. B’riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet kienu ittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll illi f’każ minnhom żewġt irġiel ġew mogħtija sentenza ta’ priġunerija u mara ġiet mogħtija sentenza ta’ ħabs sospiża filwaqt li fil-kaz l-ieħor hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Kriminali kontra erbat irġiel u mara.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — parental leave
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment li jaqa` taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa u kemm minn irġiel? Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata? Fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar sitt xhur, kien hemm 11-il talba għal parental leavekif spjegat fit tabella t'hawn taħt:-
Entità Nisa Rġiel
Diviżjoni Qrati tal-Ġustizzja 2 0
Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 9 0
Infurmat ukoll li dawn it-talbiet kollha ġew milqugħa u li l-proċess tagħhom ħa bejn 7 u 20 ġurnata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati persuni nieqsa minn Jannar ta’ din is-sena sal-lum, xahar b’xahar? Kemm minnhom instabu? X’kienet l-età tagħhom? Minn liema lokalità kienu ġejjin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn Jannar sal-aħħar ta' Awwissu ta' din is-sena kien hemm 299 persuna li ġiet rrapurata nieqsa, li minnhom kien hemm 266 li nstabu. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif aktar dettaljat.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Kuntratt ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Ministru jgħid u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Rigward ix-xandir pornografiku fuq il-cable tv u ġol-lukandi bi qliegħ għall-werrej, u wara li tkixxift u kxift dan l-abbuż li kien u għadu jsir fil-beraħ, jista' l-Ministru jindaga u jinforma lil din il-Kamra f'liema stadju waslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ordnati mill-Ministru biex jitkixxfu dwar dan l-abbuż? Jista' jgħid jekk sarx xi ħaġa dwar dan sabiex il-poplu ma jissuspettax li l-awtoritajiet se jgħattu u mhux iwaqqfu dan l-abbuż? Jekk ma sar xejn, jista' jgħid x'se tkun il-policy tal-Gvern dwar xandiriet ta' materjal pornografu ġo lukandi, fuq cable tv u minn ħwienet tal-kiri fil-futur? Jista' jgħid ukoll għaliex il-liġi attwali li ġiet applikata fil-każ tal-kittieb, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, u anke kontra l-editur tal-magazineli ppubblika materjal allegatament pornografiku imma ma ttieħdux passi kontra sidien tal-lukandi li xandru, u ammettew li xandru, films pornografiċi bi qligħ u għalhekk kontra l-liġi u kontra television provider, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għadu sal-lum ixandar programmi li żgur jistgħu jitqiesu bħala pornografiċi u kontra l-liġi kif inhi llum fuq dan is-suġġet mikxuf?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni ta’ dak li l-Onorevoli Membru qiegħed jindika fid-domanda tiegħu għadha qed tieħu l-kors tagħha u m’hijiex kwistjoni sempliċi kif ipinġiha l-Onorevoli Membru. Ma hemm l-ebda raġuni biex xi ħadd b’konoxxenza ta’ dawn il-kwistjonijiet jaħseb li l-awtoritajiet qegħdin jgħattu xi abbuż iżda huwa fatt illi l-kwistjoni tinvolvi l-ġbir ta’ provi biex jiġu stabbiliti l-fatti fid-dawl ta’ diversi liġijiet potenzjalment applikabbli li jinkludu l-Kodiċi Kriminali, l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea u l-Att dwar ix-Xandir u r-regolamenti magħmula taħthom.
Il-policy tal-Gvern hija kontra t-tixrid ta’ materjal pornografiku pero, kif jaf sew l-Onorevoli Membru d-definizzjoni ta’ x’inhu pornografiku u l-bilanċ bejn il-bżonn tat-trażżin tal-pornografija u r-rispett għad-dritt tal-libertà ta’ l-espressjoni b’mod proporzjonat huma kwistjonijiet legali komplessi.
Il-każ tal-kittieb u tal-kitba pornografika distribwita b’xejn anke lill-minorenni ma għandu x’jaqsam xejn max-xandir imsemmi mill-Onorevoli Membru billi dan ta’ l-aħħar iqajjem kwistjonijiet legali għall-kollox differenti.
Għaqdiet tal-banda li rċevew kontijiet mill-protezzjoni ċivili
Question
Peress li xi għaqdiet tal-banda rċevew kontijiet mill-Protezzjoni Ċivili ta' mijiet ta' ewro bħala servizz standby waqt il-ħruq tan-nar tal-festa, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-ispejjeż kenux diġà avżati u konfermati minn qabel mal-għaqdiet konċernati? Jekk iva, hemm xi formula jew tabella ta' spiża, ġaladarba hemm żewġ kontijiet, wieħed iżjed mill-ieħor? Jekk le, għaliex intbagħtu dawn il-kontijiet li jekk ma jitħallsux fi żmien 30 ġurnata, jista' jiġi mitlub interess bankarju?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment għandu żewġ applikazzjonijiet, waħda (Applikazzjoni Nru. A) biex tintuża meta s-servizz se jingħata waqt festa tal-belt jew raħal, u t-tieni formola (Applikazzjoni Nru. B) biex timtela' meta l-attività hi waħda privata jew kummerċjali. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ Applikazzjoni Nru A u Applikazzjoni Nru B.
Infurmat ukoll illi meta ssir xi talba minn xi persuna/għaqda/entità għal servizz mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, dan jiġi mogħti formola biex timtela’ u tiġi ffirmata mill-istess persuna f’isimha jew f’isem is-soċjetà jew l-għaqda li hi tirrapreżenta.
F’din l-istess formola hemm indikat b’mod ċar x’inhuma r-rati li dik il-persuna li qed tiffirma, trid tħallas tas-servizz li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ikun wettaq biex ikopri l-ispejjeż ta’ sahra,
fuel
tal-vetturi tat-tifi tan-nar u manutenzjoni tal-istess vetturi.
Għalhekk wara li jingħata s-servizz kif mitlub, jintalab il-ħlas jekk ma jkunx diġà sar.
Attachments:Application A_ Feasts - Fire Engine Service Request 2010.pdfApplication B_- Fire Engine Service Request 2010.pdf
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — bdil tas-sit elettroniku
Question
Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'kienu r-raġunijiet li s-sit elettroniku www.mjha.gov.mt inbidel minn kif kien qabel għal dak li hemm issa? Min kien iddisinja u kkompleta s-sit preċedenti u min għamel is-sit li sar riċentement? Kif inħarġet l-ordni biex dan is-sit jinbidel u kif intgħażel min għamlu? Kemm swiet din il-bidla f'dan is-sit? Liema huma l-karatteristiċi ġodda li fih dan is-sit u li ma kellux is-sit ta' qabel, apparti r-ritratt tal-Ministru? Jikkonferma li s-sit il-ġdid kellu problemi minħabba diffikultà li ffaċċjaw dawk li ppruvaw jagħmlu użu minn dan is-sit?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li s-sit elettroniku www.mjha.gov.mt inbidel għal diversi raġunijiet fosthom:
1. Is-sit kien ibbażat fuq teknoloġija antikwata u ma kellux il-faċilità ta’
Content Management System
biex uffiċjali tal-Ministeru jkuni jistgħu jaġġornaw l-informazzjoni b’mod dirett.
2. Il-parti tas-servizzi elettroniċi kienet ukoll ibbażata fuq teknoloġija antikwata u ma setgħetx tlaħħaq mad-domanda li dejjem tiżdied. It-teknoloġija li qed tintuża issa fis-sit timxi mal-prinċipji attwali tal-Gvern fuq l-ICT. Għaldaqstant bidliet li jistgħu jsiru 'l quddiem fis-sit ikunu jistgħu jsiru f’mod iżjed faċli.
3. Id-disinn ġie immodernizzat għax ta’ qablu ma kienx jirrifletti l-portafoll attwali tal-Ministeru. Barra minn hekk id-disinn jagħmilha iżjed faċli għal min jużah sabiex ifittex u juża s-sit f’mod iktar effiċjenti. It-tqassim tas-sit huwa magħmul biex jiggwida lil min qed jużah biex ikollu aċċess dirett għall-informazzjoni.
4. Sar ukoll tibdil strutturali minħabba li s-sit il-ġdid tqassam f’żewġ siti separati, is-sit ewlieni (www.mjha.gov.mt) u s-sit tas-servizzi elettroniċi (www.justiceservices.gov.mt). Dan tal-aħħar jipprovdi servizzi elettroniċi relatati mal-Ministeru waqt li s-sit ewlieni jżomm fih tagħrif u aħbarijiet tal-Ministeru bħal tagħrif dwar Dipartimenti, Tenders, Opportunitajiet u ħafna aktar.
Is-sit preċedenti kien iddisinjat mill-kumpanija RGB Ltd. Il-parti tas-servizzi elettroniċi tfasslet u ġiet implimentata mill-Aġenzija tal-Gvern, MITTS.
Is-sit eżistenti ġie implimentat minn 2i Ltd. Parti mis-sezzjoni tas-servizzi elettroniċi tfasslet u ġiet implimentata mill-Aġenzija tal-Gvern MITA
Il-kuntrattur ingħazel mill-MITA skont is-sistema fis-seħħ dak iż-żmien ta'
Alliance Agreement
għall- iżviluppar tas-siti elettroniċi tal-Gvern.
L-ispejjeż involuti biex jiġi implimentat is-sit kif ukoll is-sistemi li huwa bbażat fuqhom huma mqassmin kif ġej:
Xogħol li għamlet il-MITA € 20,287
Xogħol li għamel 2iLtd € 16,305
Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li fost il-karatteristiċi ġodda tas-sit il-ġdid insibu:
1.
Content Management System
li jippermetti uffiċjali differenti jaġġornaw kontenut mingħajr dipendenza fuq kuntratturi privati. B’hekk qed jiġu ffrankati ħafna spejjeż.
2.
Databases
u programmi avvanzati għas-servizzi elettroniċi li jagħmlu t-tfittxija aktar sempliċi u effiċjenti għal min jużaha.
3. Databases ġodda (fosthom għat-Trattati) fis-sezzjoni tas-servizzi elettroniċi.
4. Aktar sigurtà għal kontenut u l-informazzjoni tas-sit.
5. Aktar aċċessibilità għal persuni b’diżabilità kif spejgat f’punt numru 3.
6. Lista ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fi ħdan il-portafoll tal-Ministeru, kif ukoll lista ta’
tenders
li tiġi aġġornata immedjatament.
7. Kull bidla li ssir fil-liġijiet ta’ Malta qed tiġi riflessa mill-ewwel, skont id-data ta’ l-aġġornament, fil-ftuħ tal-istess liġijiet
Infurmat ukoll li problemi tekniċi dejjem jinqalgħu meta jkunu implimentati siti u programmi ġodda. Madnakollu jien infurmat li l-maġġoranza tal-problemi ġew solvuti wara ftit jiem li s-sit ġie implimentat u l-kumplament li ġew identifikati s’issa qed jiġu indirizzati. Titjieb fuq kif jaħdem is-sit huwa proċess kontinwu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' suwiċidju matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, kull xahar separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Sena
2009
2010
Total
Jannar
-
1
1
Frar
-
3
3
Marzu
-
5
5
April
-
2
2
Mejju
-
3
3
Gunju
-
1
1
Lulju
-
3
3
Awissu
-
3
4
Settembru
-
5
5
Ottubru
2
-
2
Novembru
5
-
4
Dicembru
2
-
2
Total
9
26
35
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni nqabdu mill-puliżija jimportaw id-droga f'Malta matul din is-sena? X'kienet in-nazzjonalità ta' dawn il-persuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 22 persuna li ġew investigati mill-Pulizija fuq importazzjoni ta’ droga kif ġej:
Nazzjonalità
Nru. ta’ persuni
Nazzjonalità
Nru. ta’ persuni
British
3
Libyan
1
Bulgarian
1
Lithuanian
1
Costa Rican
1
Maltese
2
Domenican Republic
1
Romanian
1
Egyptian
2
Spanish
2
Hungarian
3
Portughese
1
Latvian
1
U.S.A
2
Peress li fil-bidu ta’ Lulju 2010 l-istampa tar-Repubblika tal-Irlanda rrappurtat li : Irish politicians have passed a bill granting gay and lesbians couples the right to civil partnerships. The bill passed in the Dail yesterday without a vote and justice minister Dermot Ahern said the move reflected change in Irish society, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq abbozz ta’ liġi simili fil-Parlament Malti u jgħaddi wkoll bla vot kif għadda fir-Repubblika Irlandiża biex ma jkunx hemm min juża r-reliġjon u l-preġudizzji omofobiċi biex dawn il-persuni jibqgħu mċaħħda mid-drittijiet umani sħaħ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ma jidhirlix li l-kejl tal-liġijiet li jgħaddu mill-Parlament Malti għandu jkun jiddependi minn dak li jiġri f'Parlamenti barranin.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Talbiet għal reduced working hours
Question
Jista l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal reduced working hours fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment separatament li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn ħaddiema nisa u kemm minnhom saru minn ħaddiema rġiel? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?
Jista' jgħid fil-każ tar-rifjut tat-talba x'kienet ir-raġuni u fil-każ ta' talbiet pendenti f'liema stadju waslet it-talba?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru hija kif ġej:-
tfixxija fuq persuni u dħul ġo proprjetà privata mill-ALE
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema hija dik il-liġi li ssuperat id-dritt ta' proprjetà kif sanċit mill-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea u li permezz tagħha membri tal-Administrative Law Enforcement qegħdin jidħlu fuq art privata u għelieqi, bla permess u għall-ebda raġuni u jikkonduċu tfittxijiet fuq il-persuna u ġo dwejriet bit-tama li jsibu l-inqas oġġett biex imexxu quddiem il-Qorti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Membru, d-dritt tal-proprjetà m’huwiex sancit mill-Kostituzzjoni bħala dritt assolut u individwu jista' jiġi assoġġettat għad-dħul tal-awtorità pubblika fuq il-proprjetà tiegħu fost raġunijiet oħra fejn ikun hemm suspett raġonevoli li ġie kommess reat u għall-investigazzjoni ta’ l-istess reat taħt il-kondizzjonijiet imposti mill-Kodiċi Kriminali.
Fil-każijiet li qiegħed jalludi għalihom l-Onorevoli Membru ninsab infurmat illi l-Pulizija jkunu qed jaġixxu skont il-poteri u d-dmirijiet tagħhom taħt il-Kodiċi Kriminali sabiex jipprevjenu u jikxfu reati kriminali inklużi dawk bi ksur ta’ l-Att dwar il-Ħarsien ta’ l-Ambjent u tar-Regolamenti tal-2006 Dwar il-Konservazzjoni ta’ l-Għasafar Selvaġġi u ta’ l-Att dwar l-Armi.
liġi li tippermetti li l-Pulizija tal-ALE jiħdlu ġol-għelieqi privati
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema hija dik il-liġi li permezz tagħha l-Pulizija u cioe l-Administrative Law Enforcement, mingħajr permess u mingħajr ma jkun hemm l-iċken ħjiel ta' kontravenzjoni tal-liġi, jaqbdu u jidħlu fl-għelieqi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19694.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' ċċekjar u verifiki jsiru fuq il-kimika li tiġi importata f'Malta għall-użu fil-manifattura tal-murtali peress li ġieli jingħad li dan il-materjal ikun ta' kwalità inferjuri bil-konsegwenza li jista' jkun ta' riskju kbir għad-dilettanti li jaħdmu f'dan il-qasam?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-ewwel nett ta’ min wieħed jgħid li ċertu kimika użata fil-manifattura tal-logħob tan-nar, bħal Klorat tal-Potassju u il-Perklorat tal-Potassju fost oħrajn, huma suġġetti għal liċenzja kemm jekk importati minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll jekk importati minn kwalunkwe pajjiż ieħor. Hekk kif ikun importat il-prodott l-awtoritajiet jivverifikaw li l-prodott huwa fil-fatt dak li hu iddakjarat mill-importatur.
Iżda sal-lum ma kienu jsiru l-ebda verifiki xjentifiċi fir-rigward tal-kwalità tal-materjal użat fil-manifattura tal-logħob tan-nar, minkejja li saru diversi riformi f’dan is-settur sabiex tissaħaħ is-sigurtà. Għal din ir-raġuni wieħed mil mandati tal-Bord ta’ Inkjesta li nħatar mill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern huwa preċiżament li jiġbor u jeżamina kampjuni tal-materjal użat mill-kmamar tan-nar. Wara li ssir l-evalwazzjoni in kwistjoni il-Ministeru se jieħu azzjoni neċessarja kif ikun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jirranġa l-Għassa tal-Pulizija ta' Wied il-Għajn li bħalissa tinsab fi stat diżastruż? Jaħsibx li Wied il-Għajn jixraqlu aħjar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi peress li il-bini fejn hemm allokata l-Għassa ta’ Wied il-Għajn bħalissa qed jiġi użat ukoll minn entitajiet oħra, ċioe l-Girlguides, qed isiru l-isforzi kollha sabiex wieħed jara kif l-aħjar dan il-bini jiġi rranġat sabiex l-Għassa tal-Pulizija jkollha l-faċilitajiet kollha neċessarji. Però ta’ min wieħed ifakkar ukoll li l-bini huwa post antik ħafna u għaldaqstant wieħed irid joqgħod attent għal dak li jirrigwarda ir-restawr u xogħol ieħor li jkun meħtieġ.
Infurmat ukoll illi l-possibilità illi din l-għassa tkun traslokata għal post ieħor għadha tkun mistħarrġa, però dan jiddependi fuq meta jinstab post li jkun addatat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet aħjar mill-għassa preżenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti sena b'sena akkużati bir-reat kontemplat taħt artiklu 208 tal-Kodiċi Kriminali fl-aħħar għaxar snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:-
Jista' l-Ministru jgħid:
Kemm mietu persuni b'overdose tad-droga fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2010?
Kemm ġew ikkundannati persuni b'teħid tad-droga għall-użu personali tagħhom?
Kemm ġew ikkundannati persuni b'pussess?
Kemm ġew ikkundannati persuni bi traffikar?
Kemm iggradwaw persuni minn programmi ta' riabilitazzjoni matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 2 persuni li ġew irrapurtati li mietu b'overdose ta' droga. Matul l-istess perijodu kien hemm ukoll 260 persuna li nstabu ħatja ta' pussess ta' droga, filwaqt li 51 instabu ħatja ta' traffikar ta' droga.
Infurmat ukoll illi l-Pulizija ma jkolliex tagħrif dwar kemm persuni jigradwaw minn programmi ta' riabilitazzjoni mid-droga.