Floriana – Triq Sant’Anna u Triq Nazzjonali – sinjali tat-traffiku u inċidenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu jżomm l-entità li hu responsabbli minnha biex fi Triq Sant'Anna u Triq Nazzjonali fil-Floriana jsiru tabelli u sinjali biex jagħtu indikazzjoni tal-veloċità li tista' tintlaħaq f'dawn it-tali toroq?
Jista’ jgħid kemm seħħew inċidenti fi Triq Nazzjonali u fi Triq Sant'Anna fil-Floriana fl-aħħar għaxar snin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjan dwar parkeġġ pubbliku ġewwa r-Rabat, Għawdex? Jekk iva, fejn hu ppjanat li jiġi mibni u meta ser jinbeda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3744 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 658, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull tip ta' rmiġġ f'kull port ta' Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proċess tal-permessi tal-irmiġġi hemm żewġ stadji. L-ewwel tiġi sottomessa applikazzjoni mill-individwu għal Irmiġġ u wara, jekk dan jiġi approvat wara l-verifiki neċessarji, joħroġ l-Irmiġġ Temporanju (Temporary Mooring Permit – TMP). Temporanju għaliex dan il-permess mhuwiex wieħed permanenti iżda joħroġ għal perjodu ta’ sena, u jiġi mġedded kull sena. L-ebda permess Temporanju ma jitneħħa sakemm jitħallas it-tiġdid jew sakemm l-individwu ma jikser l-ebda kundizzjoni tal-permess jew xi regolamenti relatati.
Il-proċess tal-applikazzjoni (l-ewwel stadju) u tal-ħruġ tal-Irmiġġ Temporanju (it-tieni stadju) japplika għal kull żona u f’kull port ta’ Malta u Għawdex, kemm għall-irmiġġi poppa l-art mal-mollijiet, dawk li bl-ingliz jissejħu stern-to moorings kif ukoll għall-irmiġġi fuq mazri fil-baħar.
Servizz tal-ferry mix-Xatt ta’ Bormla sal-Belt Valletta
Question
Jista’ l-Ministru jressaq ir-rappreżentazzjonijiet, direzzjonijiet jew ordnijiet neċessarji sabiex fil-ġimgħa ta’ bejn l-1 ta’ Diċembru u t-8 ta’ Diċembru, is-servizz tal-Ferry mix-xatt ta’ Bormla sal-Belt jiżdied u jidħol wara l-ħin tal-11.30 p.m. in vista tal-Festa tal-Immakulata?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-Ferry, għalkemm jopera bi ftehim mal-Awtorità, huwa servizz privat.
Sfortunatament, ir-rotta bejn it-3 ibliet u l-Belt Valletta meta fuq talba tal-Awtorità tiġi estiża waqt l-istaġun tas-sajf, normalment topera b’telf.
Għaldaqstant, iktar u iktar issa li qegħdin fl-istaġun tax-xitwa id-domanda tkun ferm inqas speċjalment f’ħinijiet estiżi u allura, estensjoni sal-11.30 p.m. għal ġimgħa sħiħa għal din l-okkażjoni ma tkunx vijabbli għall-Operatur bl-ispejjeż kollha involuti biex jiġi pprovdut is-servizz.
Madankollu, l-Awtorità, bi ftehim mal-Operatur, se titlob estensjoni tas-servizz għal ġurnata massimu tnejn bejn is-7 u t-8 ta’ Diċembru, anke jekk din tinvolvi spejjeż addizzjonali, biex il-pubbliku jkun jista' jgawdi lejliet u nhar il-festa tal-Kunċizzjoni.
Peress li fl-2019, fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11570, tat-Tlettax-il Leġiżlatura, il-Ministru tal-Infrastruttura ta’ dak iż-żmien kien wiegħed li se jsir xogħol fi Triq Leli Falzon, fin-Naxxar, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għadu ma sar l-ebda xogħol f’din it-triq? Meta se jibda x-xogħol u fiex jikkonsisti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-lokalità tan-Naxxar, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye, Triq San Franġisk t’Assisi, Triq San Pawl, fit-Telgħa ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq il-Forġa, Triq Ħannewija, Triq Francis Attard, Triq il-Fortizza tal-Mosta, Triq il-Mazza, triq bla isem fi Vjal il-Labour, Triq Ċipru, Triq Ġibiltà, Triq il-Libja, Triq il-Marokk, Triq Korfu, Triq l-Arġentina, Triq l-Ingilterra, Triq Ċili, Triq il-Brażil, Triq il-Mitħna, Triq Spanja, Triq il-Ġermanja, Triq il-Milizzja, Triq it-Tuffieħ, Triq l-Irziezet, Triq l-Oqbra ta’ Ħawwat, Triq il-Kappella ta’ Santa Marija, Tal-Qadi, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa u Triq San Pawl, Triq iċ-Ċirasa, Triq il-Berquq, Triq il-Ġellewż u Triq is-Sgħajtar. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina.
Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Margaret Murray, Triq Andrea Debono, Triq Jean Houel u Triq l-Emigranti.
Ix-xogħlijiet biex tinbena mill-ġdid Triq Leli Falzon u jinbidlu s-servizzi taħt l-art skont il-ħtieġa qed ikunu ppjanati biex jibdew fix-xhur li ġejjin. Minħabba diversi xogħlijiet oħrajn li saru fl-inħawi, fosthom dawk tar-roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, din it-triq kien meħtieġ li tintuża bħala rotta alternattiva u għalhekk ma setgħux jinbdew xogħlijiet fiha wkoll fl-istess żmien.
Jista’ l-Ministru jagħti raġuni għan-nuqqas ta’ konsistenza fis-servizz tar-rotta 238, li qiegħed jaffettwa ħażin b’mod partikolari lir-residenti tal-Imġarr (Malta) li kull filgħodu jkunu jridu jirkbu fid-direzzjoni lejn l-Isptar Mater Dei u l-Università, speċjalment fl-aħħar ġimgħat fejn numru ta’ residenti lmentaw li f'istanzi l-karozzi tal-linja tgħaddi tard, jew saħansitra ma tiġix? Jista’ jinvestiga dawn l-ilmenti u jassigura titjib fis-servizz?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn eżerċizzju li għamlet Transport Malta, fejn giet analizzata l-informazzjoni miġbura permezz tal-GPS li hemm fuq kull karrozza tal-linja, bejn it-tnejn u għoxrin u t-tletin t’ Ottubru 2022 fuq din ir-rotta jirriżulta li l-affidabilita medja kienet ta’ kwazi 96%.
F’ċertu ħinijiet it-trasport pubbliku jiġi affetwat mit-traffiku li jkun hemm f’ċertu inħawi bil-konsegwenza li l-puntwalita tiġi affettwata.
San Ġiljan, Tas-Sliema u Gżira – postijiet ta’ parkeġġ għall-iscooters
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jinħolqu postijiet ta’ parkeġġ għall-e-scooters f’San Ġiljan, tas-Sliema u l-Gżira?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi avolja Transport Malta bħalissa m’għandiex talbiet pendenti fir-rigward ta’ parking ta’ e-scooters, bhalissa għaddejja riforma sħiħa fuq l-istess suġġett. Il-Ministeru flimkien mal-Awtorita tat-Trasport kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-kunsill Lokali qegħdin iħarsu lejn pjan ħolistiku biex issir riforma sħiħa għall-parkeġġ tal-e-scooters.
Kunsill Lokali Għawdxin – għajnuna għall-pedestrian friendly roads
Question
Peress li Infrastructure Malta taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3173 u jgħid jekk il-Kunsilli Lokali Għawdxin humiex se jingħataw għajnuna minn Infrastructure Malta bħalma se jingħataw kunsilli lokali f'Malta jekk jidentifikaw toroq fil-lokalitajiet tagħhom li jistgħu jkunu 'pedestrian-friendly roads'?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta toffri sapport lill-Ministeru għal Għawdex skond u meta mitluba tagħmel hekk.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-policy/prassi applikata minn Infrustructure Malta meta jkun qed isir xogħol ta’ toroq u jkun hemm il-bżonn li jsir ilqugħ (catchment grills) sabiex jinġabar l-ilma tax-xita ħalli jimtlew bjar fl-għelieqi? Jista' jgħid dawn l-ilqugħ jitħallsux minn fondi pubbliċi bħala parti mill-proġett jew inkella Infrustructure Malta titlobx lil persuna li tkun ser tibbenefika mill-ilma miġbur sabiex iħallsu huma?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fejn ikun possibli, Infrastructure Malta tinkorpora dawn it-tipi ta’ faċilitajiet fix-xogħol tagħha biex issostni s-settur agrikolu fil-pajjiż.
Jista' l-Ministru jelenka l-istakeholders u/jew NGOs li ġew ikkonsultati għall-pjan ta' Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ta' 76 paġna? Dawn kienu jinkludu xi wħud mill-istakeholders preżenti li qed jokkupaw il-port?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-pressjoni indebita li l-kuntratturi, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, għamlu fuq is-CEO, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ukoll, li pprefera jirriżenja minn CEO ta' Infrastructure Malta wara xahar minflok iċedi għall-pressjonijiet illegali ta' dawn in-nies? Għala ma sarx rapport lill-Pulizija dwar l-aġir ta' dawn in-nies?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hawn taħt qed nirriproduċi kelma b’kelma statement pubbliku li kien għamel l-Inġinier Farrugia Cann meta irrifjuta (u mhux irriżenja) l-pożizzjoni ta’ CEO ta’ Infrastructure Malta, statement li jirrifletti preċiż id-diskussjoni li kellna bejnietna. Tali stqarrija tinnewtraliżża għal kollox l-allegazzjoni, b’ebda mod sostanzjata, tal-Onorevoli Interpellant, li qed tiġi miċħuda.
"Filwaqt li napprezza l-fiduċja li ntweriet fija biex inservi fl-irwol ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, nistqarr li fl-aħħar ġimgħat irealiżżajt li hu diffiċli ħafna, kważi impossibbli, li nibbilanċja bejn l-impenji ta’ din il-kariga u dik ta’ referee internazzjonali tal-FIFA.
Għalkemm ħsibt li dan il-bilanċ seta’ jkun possibbli, kif irnexxili nagħmel fil-passat, fhimt li l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv f’din l-entitá jitlob impenn li mhux kompatibbli ma’ rwol ieħor impenjattiv u li jirrikjedi wkoll ammont ta’ safar.
F’dan il-mument ħassejt li ma nixtieqx nitfa’ fil-ġenb dak li b’ħafna sagrifiċju bnejt fil-karriera tal-football.
Għalhekk b’responsabbiltà infurmajt lill-Ministru li mhux se jkun qed niffirma l-kuntratt biex nieħu l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta."
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – Advisors fuq kuntratti/direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2596 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja humiex tracked bil-GPS f’ħin reali? Jekk iva, jista’ jgħid għalfejn din l-informazzjoni ma tintweriex fuq it-Tallinja App?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozzi tal-linja kollha huma mgħammra b’sistema ta’ GPS li turi l-pozizzjoni tagħhom waqt il-ħin kollu li jkunu qed joperaw. Il-karozzi tal-linja jibagħtu l-Ġeo-location tagħhom kontinwament, b’intervall ta’ bejn 3 u 5 sekondi, u b’hekk isir il-moniteraġġ mill-Kamra tal-Kontroll tal-operatur. Din l-informazzjoni tintbagħat ukoll lis-sistema ta’ Tallinja App, li ġġedded l-informazzjoni tagħha b’intervalli ta’ bejn 30 u 40 sekonda.
Id-diffikulta tinqala’ meta minħabba ċirkustanzi mhux previsti, bħall devjazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom ix-xufiera waqt li jkunu fuq ir-rotta, is-servizz tat-trasport pubbliku jista’ jiġi affetwat u jkun hemm sitwazzjonijiet li informazzjoni preċiża ma tintweriex fuq Tallinja App.
Ta’ min jinnota li t-teknoloġija li tintuża fl-app, li tintuża f’ħafna pajjiżi u bliet oħra, ma kinitx iddisinjata biex tilqa’ għal devjazzjonijiet u xogħlijiet fit-toroq.
Infurmat mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku li din is-sistema li tħaddem l-App qegħda tiġi aġġornata u dan sabiex ikollha aktar informazjoni dwar id-devjazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, hijiex triq arterjali/distributorja u jekk din hijiex koerenti man-North West local plan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-programm tat-Tramuntana NWTR7 li kien sar fl-2006 kien pjan lokali propost fil-kuntest ta’ programm ta Struttura. Din il-proposta relatata ma’ Vjal il–Ħaddiem qatt ma kienet aċċettata/diskussa mal-Awtoritatjiet u issa l-pjan ġie mibdul bil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u Żvilupp. Vjal il-Ħaddiem mhux klassifikata la bħala triq arterjali u lanqas distributorja f’dan il-pjan.
Marsaskala – Triq il-Qaliet — sinjali tat-Traffiku
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1878, jista’ l-Ministru jara li jkun hemm sinjali/tabelli dwar il-limitu ta’ veloċità tat-trasport fi Triq il-Qaliet, Marsaskala?
Marsaskala – Triq il-Qaliet — traffic calming measures
Question
Jista’ l-Ministru jara jekk l-esperti relevanti jaqblux li jsiru traffic calming measures fi Triq il-Qaliet, Marsaskala biex jiġi evitat li jkun hemm sewqan bi speed esaġerat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari Nru 3578.
Uffiċċju tal-Public Transport fir-Terminus tar-Rabat Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Uffiċċju tal-Public Transport fit-Terminus tar-Rabat, Għawdex ingħalaq? Per konsegwenza, min jitlef Tallinja Card f’Għawdex irid imur bilfors Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninfomra lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex ikun regolat il-livell ta’ volum ta’ vetturi li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni, speċjalment f’żoni residenzjali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.