Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn — Triq iż-Żafran - siġar oleandri miżbura

Question

Jista' l-Ministru jara jekk is-siġar li huma ta' oleandri u jinsabu fi Triq iż-Żafran f'Wied il-Għajn jiġu miżbura wara talba li saret minn xi individwi? Għaliex meta kienu se jinqagħtu s-siġar, il-Kunsill Lokali ta ordni biex ma jinżabrux?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-manutenzjoni ta’ soft area f’żona ta’ kunsill lokali (b’esklużżjoni ta’areas li jagħmlu parti minn toroq arterjali) hija tal-kunsill lokali rispettivi. Barra minn hekk ta’ min jgħid li m’hemmx bzonn ta’ permessi minn xi direttorat fi ħdan dan il-Ministeru biex issir iż-żabra.

Tender għar-restawr tas-swar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw tenders għar-restawr tas-swar? Kemm hu l-valur ta' kull tender u meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol f'kull każ? X'inhu l-persentaġġ tax-xogħol li tlesta f'kull tender sal-lum u kemm tħallas kull kuntrattur għal dawn ix-xogħlijiet s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

venda ta' Ħaż-Żabbar — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li spiċċat il-venda ta' Ħaż-Żabbar xi pjanijiet għandu l-Gvern fuq dan is-sit?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru m’għandux pjanijiet immedjati ta’ xogħol għas-sit imsemmi.

Ħanut fil-Kumpless San Franġisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-ħanut li hemm fil-Kumpless San Frangisk minn min qed jitmexxa? Il-Ministeru jagħmel monitoring tal-prezzijiet li qegħdin jintalbu għas-servizz, kif ukoll għall-prodotti li jinbiegħu bħala parti mit-trattament u wkoll mill-ħanut li hemm fl-istess kumpless, biex jara kif jitqabblu ma' dawk ta' Vet Clinics u ħwienet tal-pets oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-prezzijiet jiġu ffissati mill-operatur u huma rregolati skont il-liġijiet tal-kompetizzjoni. Nerġa’ ntenni li l-pubbliku huwa fil-liberta’ li jagħżel veterinarju tal-għażla libera tiegħu u li l-iskop ta’ dan iċ-Ċentru dejjem kienet li jingħata servizz kuljum u kull ħin.

Kumpless San Franġisk — Standards tal-Unjoni Ewropea

Question

X'inhuma li standards rikjesti mill-Unjoni Ewropeja għat-tmexxija ta' kumplessi bħal dawk ta’ San Franġisk f'Ta' Qali? Jista l-Ministru jaċċertana li dawn l-istandards qed jigu segwiti rigorożament f’dan il-kumpless? Kemm-il darba saru spezzjonijiet uffiċjali (audits)biex jigi eżaminat il-livell ta' servizz li qed jingħata minn dan il-kumpless u jekk dan il-livell huwiex skond dawk stabbiliti mill-Unjoni Ewropea? Jekk saru dawn l-ispezzjonijiet, x'kien ir-riżultat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Unjoni Ewropeja ma tistipula ebda standard għall-kumplessi bħaċ-Ċentru San Franġisk f’ Ta’ Qali. Madankollu, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma beda jopera iċ-Ċentru San Franġisk saru l-konsultazzjonijiet kollha neċessarja mal-Veterinary Surgeons Council biex ikun żgurat li dan iċ-Ċentru ikun konformi ma’ prattiċi tajba biex dan jkun jista’ jagħti servizz veterinarju tal-għola kwalità.

Kumpless San Franġisk — Survey

Question

Il-Ministeru jagħmel surveys fuq nies li jieħdu l-annimali tagħhom fil-Kumpless ta’ San Frangisk, biex ikun jaf "first hand" x'jaħsbu dawn il-klijenti dwar is-servizz li qed jingħata? Il-Ministeru għandu statistika ta' kemm annimali qed jigu ttrattati f'dan il-kumpless, kemm qed jinzammu fil-kumpless għal aktar kura u kemm hija r-rata ta' mwiet li qed ikollhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa għadu ma sar l-ebda survey f’dan ir-rigward. Tajjeb li jkun emfasizzat li l-klijenti huma liberi jmorru għand il-veterinarju tal-għazla tagħhom. L-iskop prinċipali taċ-Ċentru San Frangisk huwali joffri servizz bla preċendent ta’ 24 siegħa fil-gimgħa (Ħdud u festi inklużi) sabiex sid ta’ annimal ferut jew li jkollu bżonn xi kura, din tkun tista’ tingħatalu. In-numru globali ta’ annimali li ġew trattati fiċ-Ċentru San Franġisk jammontaw għal madwar 14,300 sal-aħħar ta’Settembru 2011.

Kumpless San Franġisk — Dritt tal-awtopsja

Question

Jista' l-Ministeru jikkonferma jekk il-Kumpless ta’ San Franġisk hux suppost li jagħti lill-proprjetarju tal-annimal sodisfazzjon bil-miktub tal-mediċina li tkun ġiet amministrata fuq l-annimal tiegħu? Meta annimal imut waqt li jkun taħt il-kura tal-Kumpless, il-proprjetarji tal-annimali għandhom dritt jitolbu awtopsja minn Vets indipendenti, biex jiġi aċċertat u stabbilit minn xiex ikun miet l-istess annimal - effettivament biex jiġi aċċertat jekk l-annimal ikunx miet minħabba trattament amministrat ħażin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull veterinarju huwa legalment marbut li jagħti riċetta veterinarja għall-dawk il-mediċinali li jridu jinxtraw minn spizerija. Il-klijent huwa liberu biex jekk jrid, jitlob rapport separat dwar il-mediċini li ġew preskritti lill-annimal tiegħu, jew rapport dwar il-kundizzjoni medika. Meta annimal jmut, il-klient jista’ jekk irid jitlob awtopsja minn veterinarju kwalifikat u indipendenti tal-għażla tiegħu biex jagħmel awtopsja fuq l-annimal li jkun miet.

Kumpless San Franġisk — Annimali mhux trattati tajjeb

Question

Meta jkun hemm klijenti li jħossu li l-annimali tagħhom ma ġewx trattati tajjeb, waqt li jkunu għal kura fil-Kumpless San Frangisk, fejn jistgħu jirrikorru biex jieħdu rimedju? Jeżisti kodiċi tad-drittijiet li għandhom proprjetarji tal-annimali li jittieħdu f'dan iċ-ċentru u fi kliniċi simili oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil-Onorveli Interpellant li f’każ li xi klijenti jħossu li l-annimali tagħhom ma ġewx trattati kif stennew waqt li jkunu għall-kura fil-kumpless San Franġisk, dawn għandhom l-ewwelnett jiddiskutu mal-veterinarju li jkun tat-trattemant mediku lill-annimal tagħhom fi ħdan iċ-Ċentru. F’każ li l-klijent jidhirlu li setgħa kien kemm xi ksur ta’ professjonalità jew ta’ etika, dan għandu kull dritt jagħmel rapport lill-Veterinary Surgeons Council.

Shelters għall-użu taż-żwiemel tal-karozzini

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol biex jinbnew numru ta' shelters permamenti għall-użu taż-żwiemel tal-karozzini? Jista’ jgħid kif minkejja li f'Ġunju kien ta' x’jifhem li dawn se jkunu lesti f’qasir żmien, għadda sajf ieħor u għadu ma sar xejn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istallazzjoni ta' dawn it-tined tirrikjedi l-permess tal-MEPA li għadhom pendenti. Biex jitħaffef il-proċess is-sejħa għal tenders inħarġet mit-Transport Malta u l-aġġudikazzjoni tat-tenders mitfuha u jien infurmat li dan wasal fil-fażi finali tiegħu.

Buġibba, San Pawl il-Baħar — water park

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-water park li hemm ippjanat fl-inħawi ta' Buġibba, San Pawl il-Baħar? Fiex hu mistenni li jkun jikkonsisti dan il-park?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari bil-miktub numru 398, ngħarrfu li l-progett huwa maħsub li jkunjikkonsisti f’żona ta’ rikreazzjoni b’logħob interattiv bl-ilma għat-tfal. Hekk kif jaghti x’jifhem l-isem tal-proġett, il-logħob jikkonsisti f’apparat speċjalizzat ikkulurit li minnu joħroġ l-ilma f’diversi modi u b’effetti differenti.

Bajjiet — xogħol ta' upgrading

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-bajjiet li sar x-xogħol ta' upgrading fuqhom matul l-2008, 2009 u 2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011 rispettivament u kemm kienet l-ispiża tax-xogħol li sar b'mod rispettiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Illum il-Cleansing Services Directorate(CSD) fi ħdan dan il-Ministeru minn Mejju 2009 huwa f’dan ir-rigward responsabbli mill-istallar u manutenzjoni tal-għamara tal-bajjiet (beach furniture) kif ukoll mill-indafa tal-bajjiet u l-kosta tal- madwar. In-nefqa fuq għamara tal-bajjiet(beach furniture) bejn Ġunju 2009 u Lulju 2011 kienet tammonta għal €109,470.36. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-upgrading tal-bajjiet f'dawn l-aħħar snin minn April 2009 sar mill- Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta (MTA). Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli.

Investiment fuq żvilupp tal-ġonna madwar il-Belt Valletta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta l-investiment li sar fl-2008, 2009 u 2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011 mill-Gvern Ċentrali fuq l-iżvilupp tal-ġonna madwar il-Belt Valletta, f'liema ġonna sar dan ix-xogħol u fiex kien jikkonsisti x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru, matul is-snin imsemmija kien responsabli għall-xogħol fil-ġonna pubbliċi prinċipali tal-Belt Valletta , jigifieri il-Barrakka ta' Fuq, il-Barrakka ta' Isfel u l-Gnien ta' Hastings liema xogħol kien jinkludu xogħol ta' tisbih estensiv kif ukoll dak ta-restawrar. Bħalissa qed isir ukoll xogħol ta' restawr fuq żewg monumenti li jinstabu ġewwa il-Barrakka ta' Fuq minn ħaddiema tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt. Ir-restawr qiegħed isir fuq il-monument ta' Arthur Baynes u fuq dak ta' Sir Henry Hotham. Restawr fuq il-monument ta' John Bathurst għandu jinbeda kif jinhargu il-permessi mill-MEPA. Fil-bidu ta' din is-sena saru xogħolijiet ta' pavimentar, mill-ħaddiema tal-MRRA, ġewwa s-Saluting Battery li jinsab fil-Barrakka ta' Fuq. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu il-qlugħ u tqegħid mill-ġdid tal-pavimentar tal-qawwi, it-tqegħid ta' bażi tal-konkos, l-installazzjoni ta' membrane u l-qlugħ ta' ucuħ tal-konkos li minflokhom tpoġġa pavimentar ġdid tal-qawwi. L-ispiza tal-materjal li ntuza waqt dawn ix-xoghlijiet kien jammonta għal €143,000. Komplessivament l-ispiża tal-ħaddiema kienet ta’ €17,680.

Kampanja Tree for You — siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inżergħu siġar bħala parti mill-kampanja Tree for You fl-2008, 2009 u 2010 u l-ewwel nofs tal-2011 rispettivament? Jista' jgħid fejn inżergħu dawn is-siġar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn is-sena 2008 u nofs din is-sena (2011) tħawwlu l-fuq minn 48,000 siġra. Dawn tħawwlu kif inhu ndikat fil-listi murija hawn taħt.” 2008 - Total ta' 20,000 siġra fil-lokalitajiet murija hawn taħt: Ta' Qali Manikata Nature Park Għajn Tuffieħa Eco Skola – Xrobb l-Għagin, Marsaxlokk Salina Pembroke Wied Blandun 2009 - Total ta' 18,520 siġra fil-lokalitajiet murija hawn taħt: Ta’ Qali Safi Magħtab Sta Lucia Mellieħa Salina Fgura Pembroke Siġġiewi Għajn Tuffieħa Floriana Marsascala Għammieri 2010 - Total ta' 7900 siġra fil-lokalitajiet murija hawn taħt: Ta' Qali Mtarfa Għajn Tuffieħa Floriana Mellieħa Siġġiewi Salina Qala Xrobb L-Għaġin Gudja Magħtab St Aloysius College Pembroke Fgura/Kottonera Garden Pieta 2011 (l-ewwel sitt xhur) - Total ta' 1,696 siġra fil-lokalitajiet murija hawn taħt: Salina Mellieħa Family Park Xrobb L-Għagin Fgura Primary School Rinella Żokrija Secondary School, Mosta ITS Pembroke Waste Water Treatment Xgħajra Għajn Tuffieħa

Delimara — Xrobb l-Għaġin - post ta' riabilitazzjoni għall-annimali slavaġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-post ta' riabilitazzjoni għall-annimali slavaġ li kellu jsir f'Xrobb l-Għaġin, f'Delimara b'fondi min-Norverġja? X'kienet l-ispiża li saret s'issa fuq dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ix-xoghlijiet relatati mat-tieni fazi tal-progett fuq Xrobb l-Ghagin li jirrigwardaw l-ispiza tar- restawr tal-binjiet ezistenti qeghdin fil-fazi tal-evalwazzjoni. Ghaldaqstant ghadhom ma saru l-ebda spejjez relatati. Dan is-sit qed jigi studjat u ppjanat biex jilqa fih animali slavagg. Barraminnhekk, qed isiru referenzi ghal centri ohra simili fl- Ewropa biex tinstab l-ahjar metodologija biex il-progett jista jkun l-aktar mod environment friendly. Meta tingabar l-informazzjoni dwar l-ammonti ta spejjez nvoluti, tkun tista ssir applikazzjoni ghal-fondi, li mhux bilfors tkun that l-fondi min Norvegja.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — lista' ta' konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-konsulenzi u ammonti rispettivi li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu taw matul l-aħħar għaxar snin lill-persuna/kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli In,terpellant illi ma ngħataw l-ebda konsulenzi minn dan il-Ministeru lill-persuna / kumpanija msemmija, matul dawn l-aħħar għaxar snin.

negozji li bbenefikaw minn soft loans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-negozji li bbenefikaw minn soft loans għal proġetti li jnaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skemi f’dan ir-rigward inħarġu mill-Malta Enterprise. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Finanzi.

solar water heaters — familji li bbenefikaw mill-iskema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm familji li bbenefikaw mill-iskema ta’ xiri ta’ solar water heaters?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema perjodi jrid din l-informazzjoni.

charging points għall-vetturi elettriċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu ċ-charging points għall-vetturi elettriċi f’Malta u f’Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li illum għad m’għandniex charging points pubblici għall-vetturi elettrici. Kien għalhekk, kif diġa ħabbart, fil-gimgħat li gejjin, qed jingħata bidu għal proġett taħt il-programm ta’ fondi Ewropej LIFE+ li permezz tiegħu ser jiġu nstallati madwar 100 charging point pubbliku madwar Malta u Ghawdex.

Xogħol ta' tisbieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' tisbiħ u meta huwa stmat li se jkun lest dan ix-xogħol: a) f'Baċir Nru 1 u l-bini storiku tal-madwar; b) fil-Forti ta' Sant' Iermu; ċ) fil-Pixkerija u; d) fl-Isptar Boffa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti (a),(b), (ċ) u (d) msemmija huma parti mill-pjan ta’ twettiq tal-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) imwaqqfa fi ħdan il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Għar-rigward tal-proġett tal-pixkerija il-permessi meħtieġa mill-MEPA inħarġu, qed tiġi ffinalizzata is-sejħa għall-offerti biex tinħareġ fi żmien qasir. Ix-xogħol hu ppjanat li jinbeda fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Buġibba — water park

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-water park ġewwa Buġibba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permessi għal dan il-proġett ħareġ fit-30 ta’ Awwissu li għadda u għalhekk dan il-proġett għadu fil-fażi niżjali tiegħu.