Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10828 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ħaddiema fis-settur privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema fis-settur privat f’Għawdex fl-aħħar ta’ kull sena fl-2007 u fl-2008 u fl-aħħar ta Settembru 2009 separatament f’dawk li jaħdmu għal rashom u impjegati, fl-oqsma tas-settur industrijali kif ġej: 1. fis-settur tal-produzzjoni diretta maqsumin fl-oqsma tal- a) kostruzzjoni b) barrieri tal-ġebel ċ) agrikoltura d) sajd e) manifattura settur settur, e.g. tessuti, għamara, żraben u ħwejjeġ, ikel, eċċ. 2. fis-settur tas-servizzi tas-suq maqsumin fl-oqsma tal- a) lukandi b) ristoranti ċ) bejgħ bl-ingross d) bejgħ bl-imnut d) trasport e) kommunikazzjonijiet f) insurance g) banek ġ) istituzzjonijiet finanzjarji oħra h) real estate ħ) servizzi għall-komunità i) servizzi ta’ kummerċ ie) servizzi ta’ rikrejazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ser inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi n-numru ta’ ħaddiema fis-settur privat f’Għawdex fl-aħħar ta’ Diċembru 2007 u 2008 u fl- aħħar ta’ April 2009. Din it-tabella turi dawk il-persuni li jaħdmu għal-rashom, impjegati u total għal kull sena mitluba. Nirrefri lill-Onorevoli Interpellant lit-total tas-settur privat ma jinkludix nies fuq bazi temporanji bħal studenti u apprentisti.
Leg 11 PQ #10846 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Persuni li jirċievu benefiċċji kontributorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar minn Settembru 2007 sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, kemm kien hemm persuni residenti f’Malta u Għawdex separatament li kienu qed jirċievu benefiċċji kontributorji bħala: · Pensjoni ta’ invalidità · Pensjoni ta’ l-irtirar · Benefiċċji short-term? Jista’ jagħti l-ispiża relattiva għal kull benefiċċju għal Malta u Għawdex separatament?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #10088 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Dipartiment tal-Politika Soċjali — dejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu dejn id-dipartiment illum? Ma' min hu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li d-Dipartiment tal-Politka Soċjali m'għandu l-ebda dejn.
Leg 11 PQ #10249 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Intrapriżi privati li mpjegaw nies ġodda magħhom

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-iktar 20 intrapriża privata li impjegaw nies ġodda magħhom sa l-aħħar ta' Mejju 2009 fl-aħħar 12-il xahar biċ-ċifra globali ta' l-ammont ta' impjegati ġodda li ġew impjegati fl-aħħar 12-il xahar? Jista' l-Ministru jagħti wkoll lista oħra ta' l-iktar 20 intrapriża privata li impjegat nies ġodda magħhom maħduma kif gejja: Billi jitnaqqas l-ammont ta' impjiegi li ġew terminati sa l-aħħar ta' Mejju li għadda fl-aħħar 12-il xahar (iċ-ċifri gentilment għandhom jiġu preżentati wkoll) mill-ammont globali ta' nies ġodda impjegati ma' l-istess sa l-aħħar ta' Mejju 2009 fl-aħħar 12-il xahar (iċ-ċifri ġentilment għandhom jiġu preżentati wkoll)?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma tistax tagħti informazzjoni dwar l-iktar 20 intrapriża privata li impjegaw nies ġodda magħhom minħabba li din l-informazzjoni hi kummerċjalment sensittiva.

Immigranti irregolari — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm immigranti irregolari ġewwa Ta' Kandja, is-Siġġiewi? Kemm hemm minnhom li huma nisa? Kemm hemm minnhom li huma rġiel? Kemm hemm minnhom li għandhom 'il fuq minn 35 sena jew inqas minn 35 sena? Xi jsir minn dawn l-immigranti irregolari jekk ikunu jafu li għandhom il-virus tal-HIV u l-Hepatitis B? Minn liema pajjiż ġejjin l-immigranti irregolari li hemm ġo din l-faċilità?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-immigranti li jkunu jafu li għandhom l-HIV jew il-Hepatitis B jiġu trattati bħal immigranti oħra u m’għandhomx bżonn jiġu iżolati. Meta ssir id-dijanjozi jingħataw il-kura meħtiega mill-ispeċjalisti ta’ l-isptar Mater Dei.
Leg 11 PQ #10335 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politka Soċjali — sorsi alternattivi ta' enerġija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10059 u jagħti s-segwenti informazzjoni: 1) X'kienu l-inizjattivi li ħa l-Ministru u dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jutilizzaw alternative sources of energy fl-uffiċini u dipartimenti tagħhom rispettivament? 2) X'tip ta' teknika ġiet utilizzata minn kull dipartiment li implimenta tali inizjattivi? 3) Fejn ġew implimentati tali inizjattivi, jekk dawn ġewx effetwati billi inħarġet call for tendering jew jekk ix-xogħol ingħatax permezz ta' direct order? 4) F'kull każ jekk b'direct order u/jew b'sejħa għall-offerti kemm kien l-ammont ta' kull tender jew direct order? 5) Lil liema kumpannija jew persuna ingħatat kull tender jew direct order? Din l-informazzjoni qed tiġi mitluba għas-snin 2007, 2008 u sal-aħħar ta' Mejju 2009.

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li Frar 2008, l-Awtorità tad-Djar sottomettiet applikazzjoni taħt il-Fondi Reġjonali Ewropej 2007-2013 sabiex tikseb fondi biex tikkonverti l-uffiċini ta’ l-Awtorità fi 22, Triq Pietro Floriani, Floriana f’bini ekoloġiku. Il-proġett ERDF 102 –Energy Smart Authority ġie approvat u l-kuntratt finali ġie ffirmati f’Mejju 2009. L-għan ta’ l-Awtorità hu li tistalla sistema ta’ pannelli fotovoltaiċi ta’ 3.48 kWp fuq il-bejt ta’ l-uffiċini kif ukoll tinstalla sistema effiċjenti sabiex tiffranka d-dawl fl-uffiċini billi twaħħal sitt lighting optimisers. Inħarġet call for tendering; bħalissa l-proġett qiegħed jiġi evalwat mid-Dipartiment tal-Kuntratti. L-ammont approvat taħt il-fond Reġjonali Ewropej jammonta għal €56,187.05 (ex VAT). Informat ukoll li t-tender għadu ma ġiex finalizzat peress li għadu fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Il-proċess ta’ evalwazzjoni ntemm iżda peress li l-ebda tenderer ma ssottometta l-informazzjoni skont kif mitluba fit- tender , il-Kumitat tal-Evalwazzjoni tal-Awtorità tad-Djar fuq suġġeriment tad-Direttur tal-Kuntratti Francis Attard, tefgħa r-rakkomondazzjoni li t-tender jersaq għal negotiated procedure . L-Awtorità qed tistenna l- General Contracts Committee sabiex tieħu deċiżjoni kif ħa nimxu bit-tender.

Awtorità tad-Djar — sħubija ma' Non-Government Organisations

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Awtorità tad-Djar tal-lum fir-rigward ta' sħubija ma' Non-Government Organisations? Kemm-il NGO hi msieħba fil-politika soċjali tagħha bħalissa? Per eżempju, fir-rigward tal-YMCA kemm-il binja tinsab amministrata minnha fl-interess ta' dawk li huma żgħażagħ homeless? Fejn jinsabu? Kemm jospitaw nies? Għal kemm-il sena u b'liema kundizzjonijiet intrabtet l-Awtorita' mal-YMCA?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità permezz tas-Supported Housing Unit tagħti għajnuna lil dawk l-NGOs li għandhom l-għan li jipprovdu servizzi ta’ housing lill-persuni fil-bżonn. Assistenza tingħata fil-forma ta’; (a) proviżjoni ta’ postijiet offruti għall-bejgħ jew bil-kiri; (b) għotjiet għall-xogħlijiet ta’ rranġar li ġew mibjugħa jew inxtraw mill-organizzazzjoni u (ċ) istallazzjoni tal-lift f’dawn il-postijiet. Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar għandha impenn ma’ ħdax-il NGOs. Informat ukoll li fil-każ tal-YMCA l-Awtorità tad-Djar tagħti assistenza sabiex żewġ postijiet jiġu rranġati. Dawn iż-żewġ postijiet jinsabu l-Belt. Filwaqt li Dar Niki Cassar għandha 23 post għall-persuni homeless li tinkludi ukoll żgħażagħ, il-Minors Shelter ġie miftuħ reċentement u hawn jistaw joqgħodu 6 minuri. L-aħħar pagamenti ġew mogħtija mill-Awtorità tad-Djar. L-Awtorità tad-Djar mhiex marbuta bl’ebda kuntratt.

Paxetin u Dantrium — Out of stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8122 u 7688 u cioè: jaf l-Ministru li l-mediċini Paxetin u Dantrium qegħdin out of stock?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-pilloli Paroxetine 20mgs kif ukoll Dantrolene 25mgs huma in stock fl-imħażen prinċipali tal-mediċini tal-Gvern.

mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8120, 7431 u 7192 u jara li jsir sforz sabiex mediċini importati mill-Gvern biss, ma jispiċċawx out of stock b'mod partikolari fil-każ ta' mediċini li jintużaw għal mard serji bħal fil-każ tal-mediċina Azathioprine li bħalissa qiegħda out of stock?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li d-Dipartiment tal-Procurement (Taqsima tas-Saħħa) jagħmel l-almu tiegħu tiegħu kollu biex il-mediċini ma jispiċċawx out of stock. Ninsab informat li d-Dipartiment għandu stokk tal-pilloli Azathioprine 25mgs u 50mgs u li fil-fatt dawn iż-żewġ dożi ta' din il-mediċina qatt ma kienet out of stock.
Leg 11 PQ #10438 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Awtorità tad-Djar — Post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jista' jkun li mara armla ta' 43 sena, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha tlett itfal fl-eta' ta' 17-il sena, 10 snin u tarbija ta' sena u nofs ma ġietx provduta b'post alternattiv mill-Awtorità tad-Djar?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni ta’ l-persuna in kwestjoni qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Leg 11 PQ #10439 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Dar tal-anzjani — persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet t-talba tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li applika snin ilu biex jidħol f'dar tal-anzjani?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-persuna imsemmija applikat diversi drabi biex tidħol f'dar tal-anzjani iżda ma ġietx aċċettata mill-Bord tad-Dħul fid-Djar tal-Anzjani. Wara li din il-persuna reġgħet applikat fl-14 ta' Lulju 2009, irid jerġa jsir l-assessment mis-Social Worker u l-każ jerġa jidher quddiem il-Bord tad-Dħul fid-Djar tal-Anzjani.
Leg 11 PQ #10440 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Awtorità tad-Djar — Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jkun lest ix-xogħol fil-fond tal-Gvern li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta’ tibdil ta’ saqaf fil-fond imsemmi jinsab lest u preżentement qed isir ix-xogħol fuq il-kontrabejt u l-kisi tas-soqfa minn ġewwa. Ix-xogħol kollu mistenni jkun lest għat-tielet ġimgħa t’Awwissu.
Leg 11 PQ #10441 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Post tal-Gvern — Kera għolja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-inkwilina ta' post tal-Gvern, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija separata u li tgħix waħedha qed tiġi mitluba sabiex tħallas aktar minn €1,400 fis-sena kera meta l-uniku dħul li għandha huwa mir-relief?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-Sinjura m’hiex tħallas l-ammont ta’ kera indikat imma ser tħallas is-somma ta' €250 fis-sena. Hija se tiġi kkuntatja fil-futur qarib biex tkun tista' tiġi l-Awtorità tad-Djar u tiffirma l-kuntratt f'isimha.
Leg 11 PQ #10442 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Fond tal-Gvern — kera għolja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-familja, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jgħixu ġo fond tal-Gvern qed jintalbu jħallsu kważi €400 fix-xahar?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Sinjuri se jibdew iħallsu kera ta’ €100 fix-xahar. Huma diġà ġew infurmati b’dan it-tibdil b’ittra datata 31 ta’ Lulju, 2009.
Leg 11 PQ #10490 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Trabi li twieldu b'unknown father

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' twelid ta' trabi kull sena mill-2004 'l hawn? Kemm kull sena kien il-persentaġġ ta' trabi li twieldu fl-istess snin u li għandhom imniżżel fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom unknown father? Jista' tali ċifri jagħtihom ukoll lokalità, lokalità?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li n-numru ta’trabi li twieldu mill-2004 huma hekk :- Year Total Births (Live & Stillbirths) Livebirths 2004 3902 3887 2005 3865 3857 2006 3891 3880 2007 3898 3886 2008 4228 4199 *2009 (01/01/09 – 31/05/09) 1632 Informat ukoll li l-informazzjoni tal-2009 għadha qeda tiġi pproċessata. Id-Dipartiment tas-Saħħa ma jiġborx informazzjoni dwar l-identità tal-missier. Informazzjoni li titniżżel fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tinsab ir-reġistru pubbliku.
Leg 11 PQ #10491 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Trade Unions Reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-trade unions reġistrati din is-sena? Kemm hu n-numru ta' membri reġistrati magħhom din is-sena u kif dan jipparaguna ma' dak tas-sena l-oħra? Jikkonsidra l-Ministru li r-Reġistratur tat-Trade Unions jagħmel xi forma ta' awditjar biex ikun konfermat in-numru ta' membri registrati f'kull trade union billi dan mhux l-ewwel darba li kien kontestat?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li ma kien hemm l-ebda trade union ġdida li ġiet reġistrata din is-sena. It-tletin union li hemm fuq ir-Reġistru din is-sena kienu diġa reġistrati fl-2008. Qiegħed nehmeż ma' din it-tweġiba r-Rapport tar-Reġistratur tat-Trade Unions għall-perijodu bejn l-ewwel ta’ Lulju 2008 u l-aħħar ta' Ġunju 2009 li ser jiġi ppublikat fil-Gazzetta tal-Gvern u li jagħti il-figuri mitluba. Informat ukoll li fil-liġi ma teżistix definizzjoni dwar preċiżament x’jikkostitwixxi membru ta’ trade union . Dan huwa regolat mill-istatut tat- Trade Union. Unions għandhom definizzjonijiet u kundizzjonijiet differenti li jirregolaw l-isħubija magħhom u dan ma jippermettix li jkun jista jsir paragun bejnithom. Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-liġi li tobbliga lir-Reġistratur tat- Trade Unions li jagħmel xi forma ta’ awditjar tan-numru ta’ membri li kull union tgħid li jkollha fi ħdanha.
Leg 11 PQ #10493 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pazjenti fir-Residenza San Vincenz de Paule

Question

Kemm hu n-numru ta' pazjenti fir-residenza San Vincenz de Paule illum? Kemm minnhom huma rġiel u kemm nisa? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti, kif inhuma mqassma bejn irġiel u nies u kemm tmur lura kull applikazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #10540 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-Gvern biex jintroduċi s-second u t-third pillar schemes tal-pensjonijiet u x'timeframes speċifiċi għandu biex iġibhom fis-seħħ?

Response (DALLI, JOHN)

Infurmat li l-Pensions Working Group maħtur minni biex jirrakkomanda dwar it-tkomplija tar-Riforma fil-Pensjonijiet għandu jissottometti ir-rapport finali tiegħu f’Settembru. M’inix f’pożizzjoni li nagħti ‘time frames’ speċifiċi qabel ma nkunu ikkonsidrajna dan ir-rapport.
Leg 11 PQ #10593 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar Mater Dei — Dipartiment tal-Emerġenza - stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7256 u 6727 u jgħid x’inhu jsir biex jitnaqqas iż-żmien ta’stennija għal dawk li jkollom bżonn jużaw id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei? Japprezza li trid issir xi ħaġa ta’malajr biex in-nies jinqdew mill-aktar fis possibbli għaliex skont ittri fil-ġurnali dan l-aħħar kien hemm min stenna sitt sigħat u aktar qabel ma ngħata l-kura?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qegħdin jittieħdu passi biex jitnaqqas iż-żmien ta’ stennija għal dawk li jkollhom bżonn jużaw id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-iSptar Mater Dei. 1. Billi l-itwal żmien ta’ stennija huwa ta’ dawk il-pazjenti li jgħaddu mit- triage 3, ġew ingaġġati tobba fuq bażi part-time biex jinvistaw dawn il-pazjenti. 2. Minn April 2009 ġie introdott servizz ta’ customer care fid-Dipartiment tal-Emerġenza biex jiġi żgurat li l-pazjenti jingħataw l-aħjar servizz u assistenza, kif ukoll kull tip ta’ informazzjoni li jkunu jinħtieġu.
Leg 11 PQ #10635 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Applikazzjoni għal dħul f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għad-dħul fir-residenza tal-anzjani fl-Imtarfa peress li din tgħix waħedha u m'għandha lil ħadd min idur biha?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.