Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea – impatt

Question

Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li sar fil-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu biex jiġi analizzat x’impatt (pożittiv jew negattiv) li dan jista’ jġib miegħu? Jekk dan sar, jista’ jpoġġi l-analisi rispettiva fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 642.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea – opportunitajiet

Question

Fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit ser jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri, il-proġetti jew l-inizjattivi li l-Ministeru tiegħu u/jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu ser iwettqu biex pajjiżna jkun jista’ jibbenefika minn opportunitajiet li jistgħu jinħolqu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 642.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – Konfiska ta’ flejjes u oġġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka d-dipartimenti/l-awtoritajiet fil-Ministeru tiegħu, li għandhom il-poter li jikkonfiskaw flejjes u/jew oġġetti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi konfiska ta’ oġġetti ssir fuq ordni tal-Qrati u għaldaqstant l-ebda Dipartiment jew entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru ma jikkonfiska oġġetti jekk mhux bl-awtorità tal-Qrati.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — Konfiska ta’ flejjes u oġġetti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-konfiski kollha li saru (fi flejjes u/jew oġġetti oħra) mid-dipartimenti/l-awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu, mill-2010 ‘il hawn u jgħid x’sar jew qed isir minn kull konfiska?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi konfiska ta’ oġġetti ssir fuq ordni tal-Qrati u għaldaqstant l-ebda Dipartiment jew entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru ma jikkonfiska oġġetti jekk mhux bl-awtorità tal-Qrati.

Korp tal-Pulizija – membri akkużati b’reati kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu akkużati b'reati kriminali bejn l-1987 u l-2013? Jista' jgħid x'kienu dawn ir-reati? Jista' jgħid ukoll x'rank kellhom dawn il-Pulizija? Jista' jinforma lil din il-Kamra bil-passi li ttieħdu fil-konfront tagħhom sakemm inqata' l-każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi dettalji dwar membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu akkużati b'reati kriminali bejn is-sena 1987 u s-sena 2013 kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-lista tinkludi wkoll id-dettalji tar-reati kif ukoll ir-rank li kellhom dawn l-uffiċċjali meta tressqu l-Qorti. Dawk il-membri tal-Korp fejn il-Kummissarju ħass li kellhom jiġu sospiżi waqt li kienu għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti huma mmarkati. Il-membri l-oħra baqgħu jagħmlu x-xogħol normali tagħhom.

Korp tal-Pulizija – membri investigati li ngħataw promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu investigati b'xi mod jew ieħor bejn l-1987 u l-1996 u bejn l-1998 u l-2013 u li ngħataw promozzjoni? Jista' jagħti d-dettalji dwar liema rank kienu u biex kienu nstabu ħatja dawn il-membri tal-Korp?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li mhux possibli li jinġabru dettalji ta' kemm-il Membru tal-Korp kien investigat fil-perjodu mitluba fl-interpellanza, saru riċerki u ġew elenkati il-każijiet fejn Membri tal-Korp li tressqu l-Qorti jew għaddew proċeduri quddiem il-PSC fl-istess perjodu u li eventwalment ġew promossi. Din l-informazzjoni tinsab fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn it-tabelli jinkludu wkoll ir-rank ta' meta dawn il-membri tal-Korp għaddew il-proċeduri u r-rank li fih ġew sussegwentament promossi.

Każijiet ta’ stupru u attenti vjolenti għal pudur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu każijiet ta' stupru u attentati vjolenti għal pudur f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm hemm każijiet pendenti u kemm instabu ħatja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2014 u Ġunju 2017 kien hemm total ta' sebgħa u sittin (67) każ fejn persuni tressqu l-Qorti fuq każijiet ta' stupru u attentati vjolenti għal pudur. Tabella li turi n-numru ta' każijiet fejn il-persuni nstabu ħatja tidher hawn taħt. It-tabella tinkludi wkoll dettalji ta' dawk il-każijiet fejn is-suspettati ġew liberati jew fejn il-każ għadu pendenti. Kien hemm każ fejn is-suspettat laħaq miet. Persuni Imressqa Instabu Ħatja Liberati Pendenti Proċediment Eż awrit (is-suspettat miet) 2014 18 10 1 7 NIL 2015 23 7 2 13 1 2016 19 4 3 12 NIL 2017 sa Ġunju 7 1 NIL 6 NIL

Korp tal-Pulizija – ri ingaġġ ta’ membri

Question

Peress li issa jirriżulta li mhuwiex aktar neċessarju li jkollok fedina penali netta sabiex tiġi ngaġġat jew ri ingaġġat bħala membru fil-Korp tal-Pulizija, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati u/jew ri-ingaġġati membri fil-Korp tal-Pulizija li effettivament ma kellhomx fedina penali netta fis-sena 2016 u bejn l-1 ta Jannar 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu ta' bejn Jannar 2016 u t-30 ta’ Ġunju 2017, ġew ingaġġati u/jew ri-ingaġġati mitejn u erbgħa (204) membru fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn kien hemm sebgħa u għoxrin (27) li effettivament ma kellhomx fedina penali netta. Ninsab infurmat ukoll illi kienu diversi l-uffiċjali li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalista kienu nvestigati in konnessjoni ma’ reati kriminali jew inkella dixxiplinarji u li wara saħansitra ġew promossi.

Forzi Armati ta’ Malta — payroll

Question

Jista’ l-Ministru jikkwantifika f'termini ta’ Euros, kemm żdied il-payroll tal-membri tal-Forzi Armati fuq bażi ta’ xahar bħala konsegwenza taċ-circa 900 promozzjoni li ngħataw fix-xahar ta’ April, Mejju u Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni meħtieġa għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Forzi Armati ta’ Malta – membri f’kull rank

Question

Wara li fl-aħħar xhur ingħataw aktar minn 900 promozzjoni fil-Forzi Armati ta' Malta, jista’ l-Ministru jippreżenta lil din il-Kamra elenku ta’ kemm kien hemm membri f'kull rank fil-Forzi Armati ta’ Malta fit-28 ta' Frar 2017 u kemm hemm membri f'kull rank fil-Forzi Armati ta' Malta fit-30 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni meħtieġa għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ħal Qormi u s-Siġġiewi — serq u kriminalità

Question

Wara li aktar kmieni din is-sena gew misruqa minn darhom stess anzjani f’Ħal Qormi u s-Siġġiewi, u nisa anzjani oħra ġibdulhom il-ġiżirajjen jew serqulhom il-handbag waqt li kienu mexjin fit-toroq ta’ Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-mewġa ta’ serq u kriminalità hija biss allegazzjoni? Jista’l-Ministru jgħid jekk id-distrett ta’ Ħal Qormi u s-Siġġiewi hux moqdi tajjeb bin-numru ta’ pulizija u surġenti li għandhom u li jridu jlaħħqu wkoll mal-Korsa tal-Marsa? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu biex din il-mewġa ta’ kriminalità titrażżan u kemm kienu effettivi l-miżuri li ħa s’issa? Jista’ jgħid x’se jsir aktar sabiex in-nies ikunu jistgħu jerġgħu jimxu fit-toroq tal-irħula tagħna bla biża’? Jista’ jgħid x’se jsir aktar biex iserraħ moħħ in-nies li għadhom jistgħu jgħixu f’darhom bla biża’?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi għal kull każ bħal ma hu deskritt f’din il-Mistoqsija Parlamentari, tintalab li ssir inkjesta Maġisterjali li ħafna drabi tiġi milqugħa u flimkien mal-Pulizija, dawn il-każijiet jiġu investigati. Dwar il-każijiet ġeneralment magħrufa bħala ‘snatch and grab’, infurmat illi l-Pulizija rnexxielha ssolvi tnax (12)-il każ minn erbgħa u għoxrin (24) każ li ġew irrapurtati matul is-sena 2016. Din is-sena kien hemm tlett (3) każijiet ta' snatch and grab li minnhom tnejn (2) ġew solvuti. Sfortunatament dan it-tip ta’ reat iseħħ f’lokalitajiet oħra u l-Pulizija tagħmel minn kollox biex tkompli ssolvi każijiet bħal dawn. Dwar ir-referenza għal-xogħol fil-Korsa tal-Marsa, dan hu xogħol li l-Pulizija minn dejjem għamlet u hija mistennija li tkompli tagħmel. Il-proċedura tal-Pulizija li tlaħħaq ma’ dan ix-xogħol bħal ma tlaħħaq avvenimenti oħra, hija normali. Ma jistax jingħad illi l-inċidenti msemmija f'din il-mistoqsija saru l-għaliex jew f'hinjiet fejn il-Pulzija kienu l-Marsa. Irid jingħad illi ġew intensifikati r-rondi bħala mezz ta' prevenzjoni. Il-Pulizija ser tibqa’ tinvestiga u tagħmel dak kollu possibli, biex dawn il-każijiet jissolvew, jitnaqqsu u possibilment jieqfu.

Ħal Qormi – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati f’Ħal Qormi xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm disa’ mija u sbatax (917)-il każ ta’ serq irrapportat f'Ħal-Qormi mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Gunju ta’ din is-sena. Lista ta’ dawn il-każijiet xahar b’xahar li tinkludi wkoll it-tip ta’ serq irrapportat, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-każijiet mija u tlieta u tletin (133) każ ġew solvuti, filwaqt li l-oħrajn għadhom qed jiġu nvestigati.

Ħal Luqa – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati f’Ħal Luqa xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm erba’ mija u sitt (406) każ ta’ serq irrapportat f’Hal-Luqa mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Lista ta’ dawn il-każijiet xahar b’xahar li tinkludi wkoll it-tip ta’ serq irrapportat, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-każijiet tmienja u erbgħin (48) każ ġew solvuti filwaqt li l-oħrajn għadhom qed jiġu investigati.

Siġġiewi – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati fis-Siġġiewi xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm mitejn u wieħed u sittin (261) każ ta’ serq irrapportat fis-Siġġiewi mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Lista ta’ dawn il-każjiet xahar b’xahar li tinkludi wkoll it-tip ta’ serq irrapportat, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-każijiet sebgħa u għoxrin (27) każ ġew solvuti, filwaqt li l-oħrajn qed jiġu nvestigati.

Malta u Għawdex – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' każijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mis-sena 2013 sakemm inġabret din l-informazzjoni fit-13 ta' Lulju, 2017, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella tinkludi wkoll it-tip ta’ serq li ġie rrapportat. Madankollu, peress li ma tinżammx sistema elettronika biex jiġi indikat kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti, id-dettalji ma jistghux jingħataw.

Malta u Għawdex – każijiet ta’ serq b’armi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq b’armi li kienu rrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni meħtieġa għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – residenti kkundannati b’piena definittiva

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm kien hemm residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li huma kkundannati b’piena definittiva, elenkati skont in-nazzjonalità għas-snin 2012-2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li għandhom status ta’ refuġjat f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom status ta’ refugjat f’Malta u jagħti l-informazzjoni maqsuma skond f’liema lokalità huma uffiċjalment residenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hawn 1,347 persuna li għandha status ta’ refuġjat f’Malta. L-Uffiċċju ma’ jistax jipprovdi bil-preċiz informazzjoni dwar il-lokalita’ tar-residenza tagħhom għaliex jiġri kemm-il darba li ta’ spiss jibdlu l-indirizz, u l-indirizz li jagħtu lill-uffiċċju biex tingħatalhom il- Protection Card, jista' wara ftit żmien jinbidel.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — position of Trust

Question

Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratti kollha tax-xogħol tal-persons of trust u tal-positions of trust ġew fi tmiemhom hekk kif ġiet fi tmiemha l-leġiżlatura li għaddiet u bħalissa għaddej il-proċess biex ikun identifikat x’positions/persons of trust hemm bżonn.

Għawdex – rapporti lill-Pulizija rigward tqassim ta’ Whitegoods b’xejn qabel l-elezzjoni ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk daħlux rapporti lill-Pulizija illi fil-ġranet ta’ qabel l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017 stess, ġewwa Għawdex tqassmu whitegoods b’xejn lil numru kbir ta’ votanti, liema aġir jikkostitwixxi corrupt practice ai termini tal-liġi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma rċevewx rapporti li fil-ġranet ta’ qabel l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017 stess, tqassmu xi whitegoods b’xejn lil xi votanti ġewwa Għawdex.