Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija tat-traffiku — skandlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-aħħar skandlu tal-pulizija tat-traffic? X'ser jagħmel il-Gvern biex ma terġax tiġri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li dan il-każ huwa suġġett ta’ investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin. Għalhekk mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant. Il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi talab lill-IAID biex tinvestiga s-sistema ta’ extra duty fil-Korp tal-Pulizija u tagħmel ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha. Il-miżuri li hemm bżonn jittieħdu se jittieħdu kollha anke fil-kuntest tar-riforma fil-Korp tal-Pulizija.

Armata – rapporti ta’ inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: 1) Jekk fil-preżent hemmx bord ta’ inkjesti fuq rapporti ta’ inġustizzji li allegatament saru fl-armata; 2) Meta beda jopera l-aħħar bord għall-inkjesti tar-rapporti ta’ inġustizzji; 3) F’liema stadju waslu l-investigazzjonijiet tar-rapporti li saru; u 4) Meta ser ikun ffinalizzat u ppubblikat ir-rapport tal-inkjesti fuq l-allegatament rapporti li tressqu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba parlamentari 12919.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li ddaħħlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tul is-sena 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li ddaħħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-sena 2019 kien 966. Dan in-numru jinkludi fih persuni li bdew jiskontaw sentenza u ohrajn li kienu qed jistennew il-proċess tagħhom jiġi deċiż

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni li qed jiskontaw sentenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u kemm kien hemm jistennew il-proċess tagħhom jiġi deċiż tul is-sena li għaddiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-31/12/2019, kien hemm 509 persuni li kienu qed jiskontaw sentenza, u 245 oħra kienu qed jistennew il-proċess tagħhom jiġi deċiż.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — nefqa fuq fuel/petrol/diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li ntuża mill-Ministeru kull sena matul l-2017, 2018 u 2019? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dan għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li ntuża mill-Ministeru, mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi kull sena matul l-2017, 2018 u 2019, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reati f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: 1) kemm-il serqa ġiet rappurtata f'Għawdex fis-sena 2018 u kemm-il serqa ġiet rappurtata fis-sena 2019? 2) kemm-il persuna nqabdet bid-droga ta' kull tip f'Għawdex fis-sena 2018 u kemm-il persuna nqabdet bid-droga ta' kull tip f'Għawdex fis-sena 2019? 3) kemm-il ġlieda ġiet rappurtata f'Għawdex matul is-sena 2018 u kemm-il ġlieda ġiet rappurtata fl-istess gżira matul is-sena 2019? 4) kemm-il persuna taħt l-età nqabdet f'postijiet tad-divertiment f'Għawdex fejn ma jistgħux jidħlu persuni taħt is-sittax-il sena fis-sena 2018 u kemm inqabdu fl-2019? 5) kemm-il persuna f'Għawdex inqabdet tpejjep f'postijiet pubbliċi fejn ma jistax isir tipjip fis-sena 2018 u kemm-il persuna nqabdet fis-sena 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni miġbura mill-Pulizija, l-ammont ta’ każi kif elenkati mill-Onor. Interpellant li seħħew ġewwa Għawdex fis-snin 2018 u 2019, kienu kif jidher fit-tabella hawn taħt: Dettalji 2018 2019 1. Ammont ta’ serq li ġie rappurtat f’Għawdex 233 276 2. Numru ta’ persuni li nqabdu bid-droga ta’ kull tip f’Għawdex 39 57 3. Ammont ta’ każi ta’ ġlied li ġie rappurtat f’Għawdex 57 66 4. Numru ta’ persuni taħt l-età li nqabdu f’postijiet tad-divertiment f’Għawdex 0 0 5. Numru ta’ persuni li nqabdu jpejpu f’postijiet pubbliċi f’Għawdex 7 10

Att dwar il-Ġustizzja riparattiva – talbiet għall-parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-parole taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparattiva minn meta ġiet fis-seħħ sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 sal-lum saru 614-il talba għall-parole taħt l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparattiva. Dawn huma maqsumin hekk: 2013 – 92 każ 2014 – 100 każ 2015 – 103 każ 2016 – 97 każ 2017 – 72 każ 2018 – 66 każ 2019 – 80 każ 2020 (sal-5 ta’ Frar 2020) – 4 każi

Forzi Armati ta’ Malta – bord li jilqa’ ilmenti ta’ inġustizzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Jekk hemmx bord li jilqa’ l-ilmenti ta’ inġustizzja fil-Forzi Armati ta’ Malta; b. Jekk il-każijiet imressqa jirriżultaw fl-affermattiv, f’liema fażi wasal sabiex dan il-bord jippubblika r-riżultat tal-investigazzjoni; u c. Kemm-il darba hemm l-investigazzjonijiet, kemm hu n-numru ta’ ilmenti li tressqu li l-investigazzjoni dwarhom għadha għaddejja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12919, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li kien hemm Bord li nħatar fl-2017 u sema 746 każ. Min għamel l-ilment ikun mgħarraf bl-eżitu la darba l-proċess ikun ingħalaq għal kollox.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin: Diviżjonijiet differenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-priġunieri kkundannati għall-priġunerija għall-ewwel darba u dawk ikkundannati għal aktar minn darba, hux qegħdin f'diviżjonijiet differenti? Jekk le, għaliex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klassifikazzjoni tal-priġunieri hi marbuta ma’ kwistjoni ta’ sigurtà u mhux ma’ kemm-il reat ikun twettaq.

Distrett ta’ Għawdex – Maġġur tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fid-Distrett ta' Għawdex m’hemmx Maġġur tal-Pulizija meta kien hemm żmien li f'dan id-distrett kien hemm erba' Maġġuri? Jista' jgħid għaliex hemm żewġ Għawdxin fil-grad ta' Maġġur stazzjonati f'Malta li l-ebda wieħed minnhom ma ntbagħat jaħdem Għawdex biex ix-xogħol ta' Maġġur f'Għawdex qed isir minn Surġent u fl-istess ħin hemm numru ta' Surġenti u Pulizija nieqsa fil-complement ta' Pulizija f'Għawdex? X'passi se jieħu biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata u l-kriminalità f'Għawdex ma tibqax tiżdied?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kif diġà ngħad f’okkażjonijiet oħra fuq materja relatata, kull moviment ta' membri fil-Korp isir skont l-esiġenzi tas-servizz u fl-aħjar interessi tal-Korp u tal-pubbliku inġenerali.

Community Service Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa ngħatat lil Community Service Order is-sena l-oħra? Jista’ jgħid fejn twettqu dawn is-sigħat ta’ xogħol u x’tip ta’ xogħol twettaq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ siegħat li ngħataw f’Community Service Order fis-sena 2019 jammonta għal 3,855 siegħa. Ix-xogħol ordnat mill-Qorti permezz ta' Ordni ta' Servizz fil-Komunità sar f'diversi Kunsilli Lokali, kif ukoll fi ħdan numru ta' għaqdiet non-governattivi madwar Malta u Għawdex. It-tip ta' xogħol li sar f`dawn l-għaqdiet non-governattivi huwa varjat u jikkonsisti fosthom: tisbiħ u tindif ta' postijiet pubbliċi, xogħol ta' manutenzjoni ġenerali, għajnuna fil-kċina, xogħol klerikali u xogħol f'santwarji ta' annimali abbandunati.

Qtil ta’ individwi — investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet, jew kienx hemmx żviluppi, fil-qtil ta’ Lino Cauchi u Wilfred Cardona li seħħew fis-snin 80?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tirrevedi dawn iż-żewġ każi ta’ qtil flimkien ma’ ohrajn li seħħew snin ilu. Għalhekk l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.

Ħruġ ta’ aggressuri minn djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika — każijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7148, jista’ l-Ministru jindikalna llum jekk sarux arranġamenti biex inkunu nafu kemm ħarġu aggressuri mid-djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika? Jekk iva, kemm huwa n-numru ta’ aggressuri li nħarġu mid-djar tal-vittmi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

It-tagħrif għadu qiegħed jinġabar.

Għawdex – Rata ta’ Kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2019, ir-rata ta' kriminalità f'Għawdex naqsitx jew żdiditx fuq is-sena 2018? Jekk ir-rata ta’ kriminalità naqset jista' jgħid b’kemm naqset u jekk kien hemm żieda, jista’ jgħid kemm kien il-persentaġġ fiż-żieda tar-rata ta’ kriminalità fil-gżira ta' Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ir-rapporti reġistrati mal-Pulizija f’Għawdex żdiedu minn 719 għal 823 każ. Bl-għajnuna tal-esperti l-awtoritajiet huma interessati jaraw x’wassal għal dan anke fid-dawl li fl-2019 ir-rata ta’ kriminalità fil-gżejjjer Maltin naqset.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat kull sena matul l-2017, 2018 u 2019 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — persuni li kienu jokkupaw position of trust jew joffru servizz ta’ konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, jgħid jekk kienx hemm, u fil-każ kemm kien hemm, persuni li kienu jokkupaw position of trust jew kienu jipprovdu servizzi ta’ konsulenza ta’ kwalsiasi tip sal-1 ta’ Jannar 2020 fi ħdan id-dekasteru tiegħu, litwaqqfu, tneħħew jew ġie tterminat il-kuntratt tagħhom? Kemm minnhom marru lura għal xi impjieg fis-Servizz Pubbliku?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi sal-1 ta’ Jannar 2020 ma kien ebda persuna li kienet tokkupa position of trust jew tipprovdi servizz ta’ konsulenza li twaqqfet, marret lura fl-impjieg mal-Gvern jew tneħħiet.

Rapporti lill-pulizija dwar Aġir kontra ġurnalisti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il rapport ġie ppreżentat lill-Pulizija minn ġurnalisti li fih il-Pulizija ġew mitluba jinvestigaw aġir li twettaq kontra l-ġurnalist waqt il-qadi ta’ dmirijietu f’dawn l-aħħar ħames snin, u ċjoè mis-sena 2015, u jagħmel dan billi jagħti n-numru ta’ rapporti ppreżentati, jindika n-natura tar-reat indikat fir-rapport, u jindika kemm-il persuna tressqet il-qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kien hemm erba’ (4) rapporti preżentati lill-Pulizija minn ġurnalisti fejn talbu lill-Pulizija jinvestigaw aġir li twettaq kontrihom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom mis-sena 2015 sas-sena 2019. L-ewwel każ fis-sena 2018 kien ta’ ġurnalista li twaqqaf milli jieħu filmat minn ħaddiem responsabbli minn tindif f’lokalità fil-Belt. Il-każ waqaf meta l-ġurnalist aċċetta apoloġija tal-ħaddiem ikkonċernat. Fis-sena 2019 kien hemm każ il-Belt li għadu qed jiġi investigat, dwar inċident fejn ġurnalista ġiet impeduta milli tieħu filmati meta allegatament ġiet imbuttata u ħassitha ffastidjata. Każ ieħor il-Belt ukoll fl-istess sena u li wkoll qed jiġi investigat jikkonċerna ġurnalisti li rrapurtaw li ġew impeduti milli joħorġu mil-lok fejn saret konferenza stampa meta din spiċċat. L-aħħar każ fis-sena 2019 kien dwar ittra anonima li rċeviet ġurnalista, fejn l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.

Każijiet ta' Vjolenza Domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru rrapportati lill-pulizija kull sena matul l-2017, 2018 u 2019?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mis-sistema elettronika tal-Pulizija jirriżulta li l-ammont ta’ każijiet ta’ Vjolenza Domestika rrapurtati fis-snin 2017, 2018 u 2019 kienu kif jidher fit-tabella hawn taħt. Ma hemmx kategorija ta’ każijiet ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u għaldaqstant bħalissa dawn il-figuri mhux aċċessibbli mis-sistema għalkemm qed jittieħdu passi biex din il-kategorija ta’ vjolenza tiżdied fis-sistema wkoll. 2017 2018 2019 Każijiet ta’ Vjolenza Domestika 1257 1341 1325

Wied il-Għajn – residenti ta’ Nazzjonalità Barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' residenti barranin f'Wied il-Għajn? Jista’ jagħti breakdown tan-nazzjonalitajiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif miġbura. Din l-informazzjoni tirrifletti n-numru ta’ barranin skont in-nazzjonalità li jgħixu Wied il-Għajn u għandhom fil-pussess tagħhom dokument ta’ residenza validu.

Korp tal-Pulizija — Xiri ta' metal barriers

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12307, jista' l-Ministru jgħid kemm-il metal barriers inxtraw għall-Korp tal-Pulizija, meta u kemm kienet in-nefqa għas-snin 2018 u 2019? Jista' jgħid x’proċedura ntużat u minn min inxtraw?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena 2019 inxtraw elf u ħames mitt (1,500) metal barriers, minn u għall-Korp tal-Pulizija. In-nefqa kienet ta’ ħamsin elf, erba’ mija u ħmistax-il ewro u tmenin ċenteżmu (€50,415.80). Il-proċedura li ntużat u għax-xiri ta’ dawn il-barriers kienet permezz ta’ call for tenders. Ma nxtrawx barriers fis-sena 2018.