Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-suldati ġewx informati li tnaqqsulhom xi sigħat mil-leave tagħhom? Jista’ jgħid għaliex sar dan?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-leave fil-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) jiġi maħdum abbazi tal-Kapitlu Tlieta (3) tal-PSMC f’kuntest ta’ sigħat li jaħdmu l-membri tal-FAM.
Pulizija – Prekawzjonijiet dwar sewqan taħt l-effett tad-droga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qegħdin jittieħdu biex jiġi żgurat li persuni ma jsuqux taħt l-effett tad-droga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi preżentement il-passi li jistgħu jittieħdu biex jiġi żgurat li persuni ma jsuqux taħt l-effett tad-droga huma li meta fil-kors tal-investigazzjoni jkun hemm suspett li xufier ikun taħt l-effett tad-droga waqt li jkun hemm inkjesta miftuħa, isir rikors u l-Magistrat jista’ jordna t-teħid ta’ kampjun/i għal analiżi biex jiġi stabbilit jekk is-suspett ikunx minnu.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt sabiex tinġabar l-informazzjoni.
Identity Malta — suldati impjegati fuq bażi part-time
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li suldati qed jiġu impjegati fuq bażi part-time fi ħdan Identity Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm minn dawn ġew hekk impjegati u f’liema rwol qegħdin jaħdmu? Jista’ jgħid meta saret is-sejħa biex jimtlew xi vacancies u biex jiġu ingaġġati part-timers fi ħdan Identity Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li wara sejħa li ħarġet mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, datata 20 ta’ Mejju 2022, sabiex jidħlu b’mod urġenti u temporanju ħaddiema fuq bażi part-time mal-Aġenzija Identità Malta, bħalissa hemm 64 ħaddiem li qed jassistu fil-proċessi ta’ Identity Malta, inkluż assistenza lill-Missjonijiet Diplomatiċi Maltin barra minn xtutna. Dawn il-ħaddiema ġejjin minn diversi speċjalizzazzjonijiet, u mhux suldati biss kif indikat.
Infurmat li din is-sejħa ser tiġi fi tmiemha nhar l-10 ta’ Marzu 2023.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – koordinazzjoni mal-Università ta' Malta f’każ li jseħħu xi terremoti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni qiegħda sseħħ bejn dawk responsabbli mill-Protezzjoni Ċivili u l-Università ta' Malta għal dak li jikkonċerna azzjoni immedjata fejn iseħħu xi terremoti? Xi preparazzjoni partikolari jwettqu dawk responsabbli mill-Protezzjoni Ċivili biex ikunu ppreparati għal ċirkostanzi ta' terremoti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li d-Dipartiment ta’ Protezzjoni Ċivili u l-Università ta’ Malta (Dipartiment tal-Geo Xjenza) qegħdin dejjem fil-kuntatt flimkien speċjalment fejn jidħol ċaqlieq siżmiku jew possibilta ta’ Tsunami. L-istrumenti tad-Dipartiment tal-Geo Xjenza u l-early warning system ta’ possibbiltà ta’ Tsunami minbarra li javżaw lill-Università javżaw ukoll lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Dan il-kuntatt isir ukoll bil-fomm biex jiġi żgurat li n-notifika għaddiet kif ukoll issir tifsira ta’ l-informazzjoni minn membri tekniċi tal-Università sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkollu tifsira ta’ l-informazzjoni provduta. Dan minbarra kollaborazzjoni stretta fejn dawn l-aħħar snin saru żewġ proġetti bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u Dipartiment tal-Geo Xjenza flimkien ma’ entitajiet oħra fi Sqallija. Dawn kienu l-Proġetti Simit (terremoti) u Simit Tharsy (Tsunami). Bħalissa qed isiru preparamenti biex isir applikazzjoni għat-tielet proġett flimkien fuq l-istess binarji.
Minbarra dan il-Protezzjoni Ċivili għandha pjanijiet ta’ kontinġenza li jinkludu l-każijiet ta’ terremot jew tsunami, kif ukoll attendiet għal dawn l-eżercizzji maġġuri:
· Ezerċizzju ma THW (Germanja) 2010
· Ezerċizzju Twist 2013
· Ezerċizzju Simit 2015
· Ezerċizzju Simit Tharsy 2022
· Ezerċizzju ma UK ISAR 2016
· Ezerċizzju PACES 2019
Infurmat ukoll li minbarra diversi eżerċizzji żgħar oħra fejn ipparteċipajna bħala osservaturi, jew oħrajn li saru lokali mid-DPĊ sabiex jiġu mħarrġa teams lokali, kif ukoll taħrig u korsijiet li membri tad-DPĊ attenda barra minn Malta taħt il-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili.
AFM – għoti ta’ leave u/jew time off in lieu lil ħaddiema tal-CFF
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li f'każ ta' mard, persuna li taħdem fl-Armata tgħaddi optional leave u/jew time off in lieu lil persuna li taħdem fil-Faċilità Korrettivia ta' Kordin jekk din il-persuna jkollha bżonn minħabba mard fil-familja? F'każ li iva, jista' jispjega l-proċedura? F'każ li le, jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li dan isir possibbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fil-Forzi Armati ta’ Malta (FAM), f’każ li impjegat tal-Armata jkun jixtieq jagħti xi sigħat ta’ vacation leave/time-off in lieu minn tiegħu/tagħha lil xi impjegat ieħor li jaħdem f’xi dipartitment jew entità oħra tal-Amministrazzjoni Pubblika, jista’ jagħmel dan billi jimla l-formola li teżisti għal dan il-għan u din tkun ipproċessata u approvata skont il-provvedimenti li hemm fis-seħħ għall-Amministrazzjoni Pubblika kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm twettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fl-2022, li rriżultaw fi żbarki f’Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta wettqu 49 operazzjoni li rriżultaw fi żbarki f’Malta, li jinkludu Medical Evacuations (MEDEVACs), persuni b’diffikultà waqt l-għawm li jinkludi bugħaddasa, pleasure crafts f'periklu, laneċ bi dħul ta’ ilma, ġbir ta’ persuna mejta mill-baħar, sitwazzjonijiet ta’ nar, u immigrazzjoni irregolari.
Żona SAR – żmien sabiex bastiment li jkun f’diffikultà jkun salvat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-tul medju ta’ żmien li bastiment iqatta’ f’diffikultà fiż-żona SAR ta’ Malta qabel is-salvataġġ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-ħin medju ta’ żmien li bastiment iqatta’ f’diffikultà fiż-żona SAR ta’ Malta qabel is-salvataġġ ivarja minn każ għal każ (minn ftit sigħat għal diversi sigħat) u jiddependi minn diversi aspetti tanġibbli u intanġibbli, illi meta kkunsidrati, ma jagħtux stampa ċara ta’ ħin medju realistku f’dan ir-rigward. Uħud minn dawn l-imsemmija aspetti jvarjaw mid-distanza li l-bastiment ikun 'il bogħod mill-kosta (hemm distanzi li huma 400 mil nawtiku viċin il-Greċja jew l-Eġittu) jew l-eqreb bastiment li jirrispondi għas-sejħa u li mbaghad ikun jista’ jew lest li jipprovdi għajnuna u l-assistenza neċessarja, il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, il-koperazzjoni li tinstab minn bastimenti fil-viċin, mezzi ta’ komunikazzjoni, l-informazzjoni disponibbli, il-kapaċità u l-abbiltà tal-vapuri u l-ajruplani militari tal-FAM li jaslu fl-area, il-ħin tal-ġurnata, l-ammont ta’ każijiet, u n-natura ta’ diffikulta tal-bastiment.
AFM u Gwardja tal-Kosta Libjana – operazzjonijiet ta’ salvataġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet ta’ salvataġġ fiż-żona SAR Maltija li l-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) ikkoordinat mal-Gwardja tal-Kosta Libjana fl-2022?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi ma kien hemm l-ebda operazzjonijiet ta’ salvataġġ fiż-żona SAR Maltija li l-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) ikkoordinat mal-Gwardja tal-Kosta Libjana.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom karozzi l-LESA li jmorru fuq il-post tal-inċidenti tat-traffiku?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-Aġenzija għandha 6 karozzi allokati speċifikament 24 siegħa fis-sezzjoni tal-kollużjonijiet. Dan apparti l-muturi allokati speċifikament għal dan il-għan, u karozzi oħra disponibbli li jintużaw skont il-bżonn.
B'referenza għall-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025, fejn intqal li wieħed mill-oġġettivi strateġiċi (Objective 10) kienet li ser tiġi implimentata strateġija ta’ komunikazzjoni interna biex l-informazzjoni tiġi mtejba bejn is-sezzjonijiet kollha fil-Malta Police Force, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-istrateġija ta’ komunikazzjoni interna bdietx tinħadem? Jista' jgħid x’inhi eżattament din l-istrateġija u kif ġiet imtejba s-sistema interna ta’ komunikazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3998.
Korp tal-Pulizija — Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 - Objective 10 - transformation and change management unit
Question
B'referenza għall-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 (Objective 10), jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx imwaqqfa t-"transformation and change management Unit" fi ħdan il-Malta Police Force? Jekk iva, meta u min imexxi din il-unit?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3999.
Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 — Objective 11 - sistema ta' performance appraisals
Question
B'referenza għall-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 fejn intqal li wieħed mill-oġġettivi strateġiċi (Objective 11) kien li ser jiġu stabbiliti numru ta’ kriterji biex il-pulizija jifhmu aħjar kif huma għandhom jaħdmu fil-Korp u li s-sistema ta’ "performance management" tiġi riveduta u mtejba u kull membru jagħmel "performance appraisal" fejn jiġi evalwat u dokumentat kemm qed jaħdem sew, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-"performance appraisals" ġewx riveduti? Jekk iva, meta u xi nbidel fir-realtà?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4000.
Korp tal-Pulizija — Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 - Objective 11 - proċeduri ta' dixxiplina
Question
B'referenza għall-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 fejn intqal li wieħed mill-oġġettivi strateġiċi (Objective 11) kien li ser ikun hemm reviżjoni fil-proċeduri ta’ dixxiplina, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-"audit and investigations Unit" ġietx imwaqqfa u jekk iva, meta bdiet taħdem u min huma l-membri ta’ din il-Unit ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4001.
B'referenza għall-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025, fejn intqal li wieħed mill-oġġettivi strateġiċi (Objective 11) kien li ser titħaddem gwida ġdida fejn membru fil-Malta Police Force jkun promoss skont il-ħila tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-proċeduri ġodda ta’ promozzjonijiet ġewx implimentati? B’mod konkret, jista' jgħid xi nbidel? Jista’ jgħid ukoll kif qed isiru t-transfers u jekk hemmx xi policy dwar kif dawn it-transfers isiru? Jekk hemm policy, jista' jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4002 u 4004.
LESA – Uffiċjali tal-komunità assenjati mal-kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4395, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li numru ta’ uffiċjali tal-komunità fi ħdan il-LESA jkunu assenjati b’mod regolari mal-kunsilli lokali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-LESA hija aġenzija mwaqqfa separatament minn entitajiet oħra, u tieħu ħsieb ir-riżorsi kollha tagħha. Fl-istess waqt l-Aġenzija tara li toffri s-servizzi kollha tagħha fil-lokalitajiet kollha, f’koordinazzjoni kemm ma' kunsilli lokali, kif ukoll ma' entitajiet, u forzi tal-ordni oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-2017 ‘l hawn kemm kien hemm każijiet fejn sewwieqa nstabu li kienu qegħdin isuqu taħt l-influwenza tad-droga? Jista’ jgħid kif dawn instabu li kienu taħt l-influwenza tad-droga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fejn sewwieqa joqogħdu għal testijiet biex jiġi stabbilit jekk kinux qegħdin isuqu taħt l-influwenza tad-droga, dawn isiru b’ordni tal-Maġistrati waqt l-inkjesti relatati u għalhekk nitolbok tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm serq li ġie rrapportat mill-bidu ta' Jannar 2020 sal-lum, lokalità b'lokalità f’Għawdex? Kemm minn dawn il-każijiet sal-lum għadhom ma ġewx riżolti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi każi ta’ serq li ġie rrapportat mal-Pulizija ġewwa Għawdex kien ta’ 169 każ fis-sena 2020, 142 każ fis-sena 2021 u 173 każ fis-sena 2022. L-informazzjoni l-oħra qed tinġabar.
Pulizija – każi ta’ cash seizures relatati ma’ droga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm cash seizures marbutin ma' droga fl-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b'sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-qbid ta’ flus kontanti minn uffiċjali investigattivi, li kien hemm marbutin ma' droga bejn is-sena 2013 u s-sena 2022 kien kif jidher fit-tabella riprodotta hawn taħt.
Sena
Ammont totali
2013
€10,985.00
2014
€70,040.00
2015
€109,015.00
2016
€ 269,542.10
2017
€246,707.15
2018
€222,424.75
2019
€541,241.76
Forint 140,500
$20 + £5
2020
€217,996.40
2021
€567,486.00
2022
€1,057,655.50
$110.00