Legislature:
Category:
Reset
Active:

xogħol mogħti lil kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista kollha ta' toroq u xogħlijiet oħra li ngħataw lill-kumpaniji li isimhom qed jintbagħtu separatament mill-2003 sal-lum? Jista' jagħti l-valur li kien stmat li se jkun ix-xogħol u kemm fil-fatt tħallas finalment? F' kull każ, jista' jispeċifika jekk kenitx tender jew direct order ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — tqassim ta' fuljetti u materjal ieħor fid-djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu fuljetti u materjal ieħor fid-djar matul l-aħħar sitt xhur? Jista' jagħti d-dettalji tal-materjal imqassam fid-djar, x'tip ta' karta intużat, fejn ġie stampat il-materjal, kemm sewa kull fuljett jew materjal li ntbagħat u jekk tqassamx bil-posta jew xi mezz ieħor? Jekk b'mezz ieħor, min qassamhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili

Question

Fid-dawl tas-sentenza tal-Prim' Awla Qorti Ċivili tat-8 ta' Marzu 2012 li sabet lil Transport Malta responsabbli tal-inċident stadali mertu tal-każ, jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li ma ġiet ppreżentata l-ebda nota tal-eċċezzjonijiet da parti ta' Transport Malta in difiża? Jista' jgħid x'passi se tieħu kontra l-uffiċċju legali inkarigat in vista ta' dan in-nuqqas? Jekk in-nuqqas mhux wieħed konsegwenza ta' nuqqas da parti tal-uffiċċju legali inkarigat, jista' jgħid min kienet il-persuna li ħadet n-notifika tal-att ġudizjarju u x'kienet r-raġuni li din waslet tard f 'idejn l-uffiċċju legali inkarigat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mir-records ta' Transport Malta jidher li l-att ġudizzjarju kienet rċevietu skrivana, li kienet fuq impjieg temporanju. Infurmat ukoll li din il-persuna m'għadhiex impjegata ma Transport Malta.

Transport Malta — mini bus mill-Marsa għaċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk f'Novembru 2011 inkera mini bus sabiex iwassal erba' persuni li jaħdmu fi ħdan Traport Malta mill-head office il-Marsa għaċ-Ċirkewwa? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid x'kienet ir-raġuni? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża involuta għal kiri ta' dan il-mini bus?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ntuża mini van biex jitwasslu 6 impjegati li fis-16 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet għamlu eżerċizzju ta’ mystery shoppers u moniteraġġ fuq ir-rotot miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt. Dan l-eżerċizzju seħħ bejn il-5 u nofs u l-11 ta’ filgħodu. L-impjegati kienu telgħu ċ-Ċirkewwa bil-vetturi privati taghhom. Il-mini van intuża biex l-impjegati setgħu jitilgħu għall-karozzi tagħhom. Is-servizz kien ingħata b’xejn.

Dritt ta' flus minn fondi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31631, jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li r-raġel tagħha ilu mejjet 21 sena u xtaqet tkun taf jekk għandhiex dritt tal-flus minn fondi li kienu jfaddlu l-istess ħaddiema tax-xatt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata diġà bbenifikat minn flus li kienet intitolata għalihom mill-Fond dwar il-Pensjonijiet u Kontinġenzi.

Marsaxlokk — Triq Melqart - invellar ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni u jindirizza l-problema li hemm għar-residenti u proprjetarji fi Triq Melqart Marsaxlokk u jidderiġi li jsir invellar tal-parti t'isfel tat-triq sabiex l-ilma tax-xita jiġi dirett lejn il-culverts li hemm stante li ta' kull darba li tinżel ix-xita, tifforma għadira?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ invellar tal-parti t’isfel tat-triq sabiex l-ilma tax-xita jiġi dirett lejn il-culverts se jsir fix-xhur li ġejjin.

Ħaddiema li ngħataw performance bonus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33016, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra min kienu dawk il-ħaddiema li ngħataw performace bonus? Jista' jgħid f'liema direttorat qegħdin?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għawdex — bus shelters li ġew immexxija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33015, jista' l-Ministru jindika liema kienu dawk il-bus shelters li ġew immexxija ġewwa Għawdex? Jista' jgħid separatament min kienu l-kuntratturi u kemm kienet in-nefqa għal kull bus shelter li ġie mmexxi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f’din l-aħħar sena inqalgħu tliet bus shelters ġewwa Għawdex. Dawn kienu ġewwa l-bus terminus tar-Rabat u li nqalgħu sabiex ikun jista’ jsir ix-xogħol meħtieg f’dan is-sit. Ġaladarba tlesta x-xogħol fis-sit imsemmi, tnejn minn dawn ix-shelters reġgħu twaħħlu. Fis-sit ġiet poġġuta wkoll canopy sabiex tkun tista’ toffri aktar kenn lil dawk il-persuni li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja. Infurmat ukoll li l-kumpanija ‘FACES Ltd’ li hija s-sid ta’ dawn ix- shelters , għamlet ix-xogħlijiet ta’ qlugħ u twaħħil ta’ l-imsemmija shelters . Il-valur ta’ dawn ix-xogħlijiet kien ta’ €2,300 għal kull shelter .

VRT fuq vettur tar-rotot l-antiki

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx VRT fuq dawk il-vetturi li kienu jintużaw fuq ir-rotot l-antiki? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min kienet il-kumpanija li esegwixxit dan ix-xogħol u li użat il-makkinarju meħtieġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li filwaqt li qiegħed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-karrozzi tal-linja l-antiki li kienu jaħdmu fis-sistema tat-trasport pubbliku ta' qabel, ninfurmah li l-parti l-kbira ta' dawn il-vetturi m'għadhomx illiċenzjati għat-triq u għalhekk m'għadx għandhom ħtieġa li jagħmlu test tal-VRT. Dawk il-vetturi li għandhom liċenzja biex jaħdmu servizz ta' trasport mingħajr skeda, ma tiġġeddilhomx tali liċenzja jekk ma jgħaddux mit-test u jippreżentaw ċertifikat validu tal-VRT kull sena mat-tiġdid tal-liċenzja, liema test jista’ jsir f’diversi stazzjonijiet liċenzjati tal-VRT imxerrdin ma’ Malta u Għawdex.

Transport Malta — Logos fuq il-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma sarux logos fuq il-vetturi kollha li għandha Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-karozzi ġodda kollha ta’ Transport Malta li huma għall-użu ġenerali, fil-fatt għandhom il-logotal-awtorità. Fil-konfront tal-karozzi tal-maintenance, Transport Malta qed tieħu l-passi neċessarji biex aktar tard din is-sena dawn ukoll isirilhom il-logo.

San Pawl il-Baħar — Transport Malta - lista ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq, bħalissa jinsabu fuq il-lista ta' toroq li se jsiru minn Transport Malta matul din is-sena, f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi (A+B) ta' toroq li huma pprogrammati li jsiru din is-sena, dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevvist. It-toroq f'lista B għandhom problema biex jinbeda x-xogħol, dan rigward esproprjazzjoni u ffurmar ta' triq.

Toroq arterjali u distributorji — program tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ta' toroq arterjali u distributorji li s'issa mhux qegħdin fil-programm tax-xogħol li qed isir, li mistennija jinbdew minn Transport Malta matul din is-sena? Liema toroq oħra hu maħsub li jkunu jistgħu jinbdew iktar 'il quddiem, fl-istess programm ta' toroq arterjali/distributorji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li parti minn Triq il-Kosta, Pembroke mistennija li jibda x-xogħol fuqha minn Transport Malta matul is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq arterjali u distributorji li qegħdin fil-programm ta' toroq li jridu jsiru minn Transport Malta. Data jew żmien meta dan ix-xogħol isir għad trid tiġi stabbilita.

Bini tal-Parlament il-Ġdid — kampanja ta' pubbliċità

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini tal-Parlament il-Ġdid? Jista' jgħid hux qed isir jew se ssir kampanja pubbliċitarja jew promozzjonali ta' dan il-proġett? Min hu responsabbli minn din il-kampanja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bini tal-Parlament il-ġdid hu madwar 40% lest. Il-Ministeru tiegħi u l-Grand Harbour Regeneration Corporation huma responsabbli li jżommu l-pubbliku nfurmat dwar il-proġett. M'hemmx, u m'hemmx ħsieb li jkun hemm kampanji pubbliċitarji.

Kumpaniji tal-ICT li joperaw f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kumpaniji tal-ICT tul dawn l-aħħar ħames snin li joperaw f'Malta jew Għawdex? Jista' jgħid kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Pont tal-Bidnija — manutenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex il-pont tal-Bidnija jingħatalu l-manutenzjoni meħtieġa għaliex qed jidher li qed tinżel il-livell ta' triq u dan qed joħloq possibilità ta' inċidenti? Jista' jieħu passi meħtieġa sabiex bus shelter fil-Bidnija tkun imnaddfa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-responsabbilta` għall-manutenzjoni u ż-żamma fi stat tajjeb tal-pont tal-Bidnija kif ukoll tat-triq imsemmija hija tal-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Fir-rigward tat-tieni mistoqsija ninsab infurmat li l-imsemmi bus shelter se jiġi mnaddaf fil-ġranet li ġejjin.

Mosta — triq it-Torri - patching

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex Triq it-Torri li tieħu mill-Mosta lejn id-Dwejra sabiex din tkun mogħtija l-patching la darba l-Kunsill tar-Rabat mhux qed jieħu azzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ebda waħda minn Triq it-Torri, Mosta kif ukoll Triq it-Torri, Rabat, ma tieħdok lejn id-Dwejra. Triq It-Torri Rabat tinsab ħdejn il-Villa Rumana. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar preċiż fil-mistoqsija tiegħu.

Mosta — Triq Charles Vassallo u Triq il-Kbira - patching

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jara li f'Triq Charles Vassallo fil-Mosta u Triq il-Kbira mill-knisja lejn wara fil-Mosta ukoll ikunu mogħtija l-patching minħabba l-periklu li qed jinħoloq lil min ikun qed isuq f'dawn it-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-toroq msemmija huma fir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħal Qormi — Triq l-Imdina u Triq Manwel Dimech - inċidenti mal-junction

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33224 dwar il-junction bejn Triq l-Imdina u Triq Manwel Dimech f'Ħal Qormi, ma jaħsibx il-Ministru li qed ikun hemm wisq inċidenti tat-traffiku f'din il-parti tat-triq (meta din l-istatistika ma tinkludix l-inċidenti li seħħew u li ma ġewx irrekordjati mill-pulizija) u jeħtieġ li Transport Malta tikkunsidra bis-serjetà li tirranġa din il-junction fejn ir-roundabout ta' Triq l-Imdina?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjonijiet tiegħu lil Transport Malta.