Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali – viżjoni tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-viżjoni tal-Gvern fil-Qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Gvern jemmen fid-dritt għall-akkomodazzjoni diċenti għal kulħadd. Din il-viżjoni tfittex li toħloq sistema ta’ akkomodazzjoni għall-futur tal-pajjiż, fejn tara r-relazzjoni bejn il-familja u d-dar minn lenti ħolistika u kif id-dar u l-familja qed jiġu affetwati mill-ekonomija, l-ambjent u l-aspetti kulturali. Din il-viżjoni ħolistika, hija bbażata fuq sistema ta’ ppjanar li toħloq ambjent soċjali inklussiv u sigur għal kulħadd, billi toffri aċċess tajjeb għal servizzi pubbliċi, faċilitajiet u spazji miftuħin. Din is-sistema ħolistika għandha toħloq faxx ta’ akkomodazzjoni affordabbli, li jkun imqabbad ma’ benefiċċji u programmi speċifiċi, biex jgħinu lill-persuni fil-bżonn jjipparteċipaw b’mod sħiħ fis-suq tal-proprjeta`. Il-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur, hija ffukata li jiżdiedu l-alternattivi affordabbli fis-suq in ġenerali. B’aktar alternattivi affordabbli biss nistgħu niffaċilitaw mobilita` soċjali, u nassiguraw illi ħadd ma jibqa’ lura, kemm żgħażagħ, familji u nies anzjani.

Carers ingaġġati mal-privat — kwalifiċi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka r-rekwiżiti jew kwalifiċi mitluba u li jinħtieġ ikollhom il-carers ingaġġati mal-privat biex ikunu jistgħu jaħdmu ġewwa residenzi tal-gvern? Min hu responsabbli li jiżgura u jivverifika li dawn ir-rekwiżiti huma veri qabel t-tender jingħata lill-kuntrattur jew almenu qabel ma' jaċċetta li carer tibda taħdem fi sptar jew residenza tal-Anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-każ tad-Dipartiment tal-Anzjanita` Attiva u Kura fil-Kommunita`, r-rekwiżit tal-carers tal-kuntrattur impjegati f’kuntratti tal-Gvern, huwa kors fil-caring b’livell minimu ta’ kwalifikazzjoni tlieta(3) skont il-qafas ta’ kwalifiki ta’ Malta. Il-verifikazzjoni tal-kwalifiki tal-carers issir mill-Head of Home waqt iż-żjara ta’ orjentazzjoni tal-ħaddiem fil-Home rispettiva. Fil-każ tal-Faċilita` fil-Kura fit-tul ta’ San Vinċenz De Paule, jiġu aċċettati carers jekk ikollhom ċertifikat rikonoxxut mill-istituzzjonijiet hekk kif indikat fit-tender tas-servizz tal-carers. Qabel jibdew jaqdu dmirhom ġewwa San Vincenz de Paule, il-carers jiġu intervistati mic-Chief Nursing Manager ta’ SVP u jingħatalhom perjodu ta’orjentazzjoni, qabel ikunu ngaġġati bħala carers.

Carers barranin li jaħdmu mal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-carers barranin li jaħdmu mal-anzjani kapaċi jitkellmu, jifhmu u jkomplu konversazzjoni bil-Malti? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għal kull residenza tal-Gvern? Jingħataw taħriġ bażiku fil-lingwa Maltija qabel ma jibdew jaħdmu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-carers barranin li jaħdmu mal-anzjani, huma mistennija li jkunu jafu jitkellmu tajjeb, bil-lingwa ingliża. Ma tinżammx informazzjoni ta’ kemm hemm carers barranin jitkellmu, jifhmu u jkomplu konversazzjoni bil-Malti f’kull residenza tal-Gvern. Il-carers barranin li jaħdmu fir-residenzi tal-Gvern huma mitluba li jkunu mħarrġa f’Malti bażiku skont kif mitlub fil-kuntratt.

Persuni li għandhom is-servizz tat-Telecare

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li għandhom is-servizz tat-Telecare? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u x'inhu t-tul ta' stennija qabel ma jingħata s-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Intepellant illi hemm 8,070 persuna, li għandhom is-servizz tat-Telecare u m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti. It-tul ta’ stennija biex jiġi nstallat is-servizz tat- Telecare huwa madwar ħmistax il-ġurnata.

Servizz tal-meals on wheels

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li jingħatalhom is-servizz tal-meals on wheels? Mil-liema naħat ta' Malta ġejjin? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm, 1,064 persuna li jingħatalhom is-servizz tal-meals on wheels. M’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għal dan is-servizz. Dawn il-benefiċċjari ġejjin minn dawn il-lokalitajiet ; Lokalita` Benefiċċjarji Attard 26 B' Bugia 34 B Kara 61 Bahar Ic Caghaq 4 Balzan 20 Birgu 11 Bormla 15 Bugibba 8 Burmarrrad 4 Dingli 4 Fgura 27 Floriana 7 G Mangia 6 Gharghur 4 Ghaxaq 7 Gudja 12 Gzira 40 Hamrun 35 Iklin 6 Kalkara 9 Kappara 2 Kirkop 1 Lija 5 Luqa 12 M Scala 33 M Xlokk 4 Manikata 1 Marsa 13 Mellieha 12 Mgarr 2 Mosta 19 Mqabba 7 Msida 20 Mtarfa 5 Naxxar 33 Paola 52 Pembroke 7 Pieta 2 Qawra 15 Qormi 36 Qrendi 2 Rabat 22 San Gwann 25 Senglea 11 Siggiewi 20 Sliema 83 St Julians 37 St Lucija 7 St Pauls Bay 30 St Venera 23 Swieqi 14 Ta Xbiex 11 Tarxien 26 Valletta 32 Xemxija 1 Xghajra 1 Zabbar 39 Zebbug 25 Zejtun 23 Zurrieq 15

Servizz tal-homehelp

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm fil-preżent hemm persuni li għandhom il-home help? Jista’ jinforma lill-Kamra f'liema distretti elettorali jinsabu? Kemm hemm talbiet pendenti għal dan is-servizz u minn liema distretti ġejjin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, s-servizz f’Għawdex ma jingħatax minn dan il-Ministeru.

Rikoverazzjoni għal persuni taħt is-sittin sena li jgħixu waħedhom

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra fejn tista’ tiġi rikoverata persuna taħt is-sittin sena li tkun tgħix waħedha, issofri minn mard kroniku u li ma jippermettilhiex tibqa’ tgħix b'mod indipendenti ġewwa darha? Kemm hi l-medja ta' stennija biex każi bħal dawn jiġu indirizzati b'mod urġenti meta l-qraba għal raġuni ġenwina ma jkunux aktar f'pożizzjoni li jduru bihom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, r-Residenza San Vinċenz de Paule bdiet it-tħejjijiet biex tagħmel ward speċjalizzata għal każi simili bħal dawk li qiegħda tirreferi għalihom. Fil-preżent persuna hekk, tista tkun assistita b’servizzi diversi, offruti minn dipartimenti jew entitajiet tal-Ministeru, kemm direttament u kif ukoll indirettament, permezz ta’ ftehimiet li għandna fosthom ma’ għaqdiet non-governattivi. Il-medja ta’ stennija għas-servizzi offruti tiddependi minn diversi fatturi, fosthom l-livell ta’ dipendenza tal-persuna minn fejn tiġi determinata l-urġenza tal-każ.

Is-Swieqi – twaqqif ta’ servizz ta’ Home Help

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li f'ċerti żoni f’Malta, b'mod partikolari fis-Swieqi, is-servizz tal-Home Help lill-anzjani jinsab wieqaf filwaqt li l-anzjani qed ikunu infurmati wkoll li f'dik iż-żona l-kuntrattur jew waqaf, jew inbidel jew jinsab understaffed?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Anzjani li applikaw għas-servizz tal-Home Help – waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm anzjani li applikaw għal Home Help u għadhom fil- waiting list u jgħid minn liema lokalità ġejjin; u b. kemm hemm anzjani li kien jingħatalhom is-servizz tal-Home Help u twaqqfilhom is-servizz u jgħid minn liema lokalità ġejjin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Is-Swieqi – twaqqif ta’ servizz ta’ carer

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li f'ċerti żoni f’Malta b'mod partikolari fis-Swieqi, is-servizz tal-carer lill-anzjani jinsab wieqaf, filwaqt li l-anzjani qed ikunu infurmati wkoll li f'dik iż-żona l-kuntrattur jew waqaf, jew inbidel jew jinsab understaffed?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Anzjani li applikaw għas-servizz ta’ carer – waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm anzjani li applikaw għal carer u għadhom fil- waiting list u jgħid minn liema lokalità ġejjin; u b. kemm hemm anzjani li kien jingħatalhom is-servizz ta' carer u twaqqfilhom is-servizz u jgħid minn liema lokalità ġejjin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Adoloscents Day Programme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Adoloscents Day Programme u kemm huwa twil dan il-programm? X’għandu wieħed jagħmel sabiex jattendi dan il-programm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Adolescent Day Programme fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ, huwa programm immirat għal żgħażagħ ta` bejn il-ħmistax u t-tmintax il-sena. Każijiet ta` żgħażagħ iżgħar fl-eta` ukoll jigu ikkunsidrati. L-għan tal-programm huwa li jilħaq żgħażagħ, li minħabba ċirkostanzi diffiċli f`ħajjithom, jispiċċaw vittmi tas-soċjeta` u saħansitra mwarrba mill-familjari, minħabba l-imġieba inaċċettabbli tagħhom. Dan il-programm huwa mfassal fuq perjodu ta’ sittax il-ġimgħa, fejn il-grupp ta’ żgħażagħ li normalment ikun ta` madwar tmienja, jiltaqgħu erba’ darbiet fil-gimgħa għal madwar erba’ sa ħames sigħat. Il-programm jikkonsisti f’sessjonijiet varji bħal, kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, kif jikkomunika mal-oħrajn, l-effetti u l-konsegwenzi ta` deċizjonijiet li wieħed jieħu, u wkoll informazzjonai dwar il-konsegwenzi li jġibu magħhom sustanzi li wieħed ikun qiegħed jabbuża minnhom. Issir ħidma maż-żgħażagħ biex jemmnu aktar fihom nfushom u fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom. Lejn l-aħħar tal-programm, ż-żgħażagħ ikollhom esperjenza ta’ madwar ħmistax il-ġurnata mal-Forzi Armati ta` Malta, li flimkien mal-Aġenzija Appoġġ joffru sessjonijiet ta` taħriġ lil dawn ż-żgħażagħ. Kull professjonist, ġenitur jew adult, bil-permess tal-ġenituri, jista` jirreferi żgħażagħ għal dan il-programm, li fi tmiemu, ż-żghażagħ jiġu riferuti għal servizzi oħra, skont l-bżonn, kemm fi ħdan l-Aġenzija u wkoll għal servizzi oħra offruti minn entitajiet oħra.

Proġett INK

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettall fiex jikkonsisti l-Proġett INK u meta twaqqaf? Kemm-il sessjoni fih dan il-programm ta’ taħriġ indirizzat l-aktar għall-persuni b’diżabilità? Kemm hija l-allowance fil-ġimgħa mogħtija lill-parteċipanti li għandhom diżabilità u qed jattendu dan il-kors ta’ taħriġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-proġett INK (fil-qosor għal Inklużjoni), li tnieda f’Jannar 2018, huwa proġett ko-finanzjat mill-UE, bl-għan li nippromwovu l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà u li jħejjijhom sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, permezz ta’ taħriġ u esperjenzi pożittivi fuq il-post tax-xogħol. Dan il-proġett joffri taħriġ lil persuni b’diżabilità, lill-ġenituri tagħhom, lil min iħaddem u anke lil professjonisti fil-qasam tad-diżabilità. B’kollox il-proġett ser ikun qiegħed jilħaq ’il fuq minn 1000 persuna: 300 persuna b’diżabilità, 300 employer , 300 ġenitur ta’ persuni b’diżabilità u 150 professjonist kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Il-persuni b’diżabilità benefiċjarji ta’ dan il-proġett ser ikollhom 8 xhur ta’ taħriġ, li jinkludi kemm taħriġ formali kif ukoll eperjenza fuq post tax-xogħol ( placement ). Il-proġett INK mhuwiex biss proġett li jimmerita is-sostenn tal-Aġenzija SAPPORT, imma l-Aġenzija qiegħda taħdem b’kollaborazzjoni ma’ msieħba oħra; kemm lokali, kif ukoll barranin; dawn huma il-Kummizzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita` bħala regolatur u l-organizzazzjoni Irlandiża, KARE. Matul it-3 snin tal-proġett, huwa maħsub illi madwar 80 parteċipant imorru l-Irlanda għal study visits fejn ser jingħataw l-opportunita’ li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-imsieħba tal-proġett ġewwa l-Irlanda u b’hekk ninkoraġixxu peer learning . Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, l-parteċipanti tal-proġett (il-persuni b’diżabilita`) ser ikunu qed jirċievu €86.20 fil-ġimgħa bħala stipendju, ladarba jattendu t-taħriġ li applikaw għalih.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — car leasing

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-informazzjoni kollha mitluba.

Flus mogħtija lura għal żieda fil-kera

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1010 u jgħid jekk hux vera li mit-2 ta' Mejju 2017 il-Gvern kien qal li ta l-flus lura tal-kera li għoliet? Jista’ jgħid jekk hux kulħadd li ser jieħu dawn il-flus lura?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 6702.

Single Mothers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3427 u jgħid kemm hawn single mothers reġistrati? Kemm minnhom jaħdmu? Kemm minnhom huma dipendenti fuq benefiċċji soċjali bħala l-unika sors ta’ income? Kif inhi komposta l-familja tagħhom? Kemm għandhom tfal? Kemm hawn single mothers li huma f’riskju ta’ faqar (jew qegħdin fil-faqar)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ċentri LEAP — Professjonisti assenjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6430 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19089 tal-Leġiżlatura XII, jista’ l-Ministru jindika l-professjonisti li ġew assenjati fiċ-Ċentri LEAP u f’liema Ċentru qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, t-total ta’ professjonisti fiċ-Ċentri LEAP jammonta għal 84. Dawn qed jagħtu s-servizz tagħhom f’dawn iċ-Ċentri, kif ġej; Professjonisti fiċ-Ċentri LEAP Ċentru Junior Social Mentor Regional Development Agent Community Worker Social Worker Senior Executive II Senior Social Mentor Total BIRGU 1 1 1 3 B'KARA & MSIDA 1 7 8 KOTTONERA 2 5 7 GHAWDEX 4 3 7 KIRKOP 3 1 4 ST VENERA/LEAP 2 3 5 QAWRA 1 1 1 4 7 QORMI 3 1 1 1 6 BELT 1 1 2 4 8 ST LUCIA 2 2 Sub-Total 57 Home Based Therapeutic services Professionals 27 TOTAL 84

Applikazzjoni għal irranġar ta' faċċata

Question

Jista' l-Ministru jara kif il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li l-faċċata tad-dar tagħha għandha l-fili kollha miftuħin u bejtulha green wasps (żnażan) u spiċċat maqfula f’darha minħabba li qed jidħlu fil-fili kollha? Jista' jara l-applikazzjoni li ilha pendenti tliet snin biex isiru x-xogħlijiet neċessarji?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita` tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Anzjani rikoverati f’residenzi tal-istat jew privati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm anzjani ġew rikoverati f'residenzi tal-istat jew residenzi mmexxija mill-privat sena b'sena tul dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba, għal kull residenza individwalment u minn liema distretti elettorali ġew rikoverati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, filwaqt li l-lista’ tar-Residenza San Vinċenz de Paule qiegħda mqassma skont il-lokalita` li minnha ġew rikoverati, ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tal-Anzjanita` Attiva u Kura fil-Komunita` ma jżommx lista bil-lokalita`, iżda t-total ta’ anzjani rikoverati f’kull dar tal-anzjani, kemm dawk tal-Gvern kif ukoll dawk privati u li magħhom għandna public private partnership . Il-prijorita` tad-Dipartiment hija l-bżonnijiet u l-kura li jkollu l-individwu.