Legislature:
Category:
Reset
Active:

Childcare b’xejn — omm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’jista’ jsir meta omm li qed tfittex ix-xogħol, tapplika għall-Childcare b’xejn (peress li biex issib xogħol trid iż-żmien tagħha)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawk kollha li mhumiex eliġibbli għall-iskema ta’ Childcare b’xejn u jkunu qed jattendu xi kors offrut minn Jobsplus waqt li qed ifittxu xogħol jistgħu jibbenefikaw miċ-Childcare Subsidy Scheme li hija amministrata wkoll minn Jobsplus. Iktar informazzjoni tinstab fuq https://jobsplus.gov.mt/schemes-jobseekers/childcare-subsidy-scheme.

Direttorati tal-Edukazzjoni – xogħol ta’ refurbishment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa x-xogħol ta' refurbishment li qed isir fil-Customer Care Area tad-Direttorati tal-Edukazzjoni u meta se jitlesta? Jista’ jgħid ukoll x'jinkludi tali proġett u jekk inħariġx tender biex isir tali xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Minsteru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkun qed jiftaħ One Stop Shop u fih jiġbor 63 servizz li sal-lum jingħataw minn diversi Dipartimenti u/jew entitajiet fi ħdan il-Ministeru. Dan il-one stop shop ser ikun qed jinkludi wkoll is-servizz.gov. L-ispejjeż għal dan ix-xogħol minn kuntratturi mistenni jlaħħaq madwar €100,000 u jingħata skont ir-regolamenti tax-xiri pubbliku (Public Procurement Regulations).

Institute for Education – lista ta’ uffiċjali li siefru

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ uffiċjali mill-Institute for Education li siefru mill-2016 sal-aħħar ta' April 2018? Jista’ jgħid ukoll kemm ġiet tiswa u x'kien l-iskop ta' kull safra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorati responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Inizjattiva My Journey — uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa jew huma l-uffiċjali fi ħdan id-Direttorati responsabbli mill-implimentazzjoni tal-inizjattiva My Journey? Jista’ jgħid kif u f’liema skejjel se tiġi introdotta din l-inizjattiva fis-sena skolastika li jmiss?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riforma My Journey hija responsabbiltà tad-dipartmenti edukattivi kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. L-aspett kurrikulari tar-riforma huwa r-responsabbiltà tad-Dipartiment għall-Kurrikulu, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabilità. Id-Dipartimenti l-oħra tal-Ministeru, jiġifieri dak tal-Istrateġija u s-Sapport huwa responsabbli li jara li jkun hemm ir-riżorsi fiżiċi, fosthom refurbishment jew bini ta’ laboratorji speċjalment għal suġġetti li se jiġu introdotti ġodda, u kif ukoll umani min-naħa tad-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi. Din l-inizjattiva se tiġi introdotta fl-iskejjel sekondarji kollha fil-klassijiet tal-Year 9 mis-sena skolastika 2019/20, iġifieri mhux mis-sena skolastika li jmiss imma minn dik ta’ wara. Matul is-sena skolastika li jmiss se ssir kampanja ta’ informazzjoni nazzjonali sabiex tiġi spjegata fid-dettal din l-inizjattiva.

Aġenzija EUPA – bord tat-tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min jikkonsisti l-bord tat-tmexxija tal-aġenzija European Union Programmes Agency (EUPA)? Jista’ jgħid ukoll minn min huma appuntati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenzija European Union Programmes Agency (EUPA) m’għandiex bord ta’ tmexxija imma hi mmexxija minn CEO appuntat b’sejħa pubblika. L-aġenzija hi mwaqqfa b’ Avviż Legali 128 tas-sena 2007, emendata b’avviżi legali 505 tas-sena 2011 u 21 tas-sena 2015. Artiklu 12 (1) tal-avviż legali jistipula li l-aġenzija hija b’mod ġenerali kontabbli għall-Ministru, l-Awtorità Nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea. Fejn tidħol tmexxija tal-Programm Erasmus+ u issa wkoll il-programm European Solidarity Corps, l-EUPA għandha żewġ kumitati indipendenti li jevalwaw l-assessjar tal-applikazzjonijiet li jsir minn esperti esterni.

EUPA – lista ta’ proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-proġetti li ġew approvati mill-European Union Programmes Agency (EUPA) bħala parti mill-fondi ERASMUS + Programme matul is-sena 2018? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk il-proġetti li ma ġewx approvati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni hija maqsuma fi tliet listi kif se nsemmi:- Selected Project Proposals Reserved Project Proposals Rejected Project Proposals

EUPA – lista ta’ eżaminaturi/assessuri tal-proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li tqabdu mill-European Union Programmes Agency (EUPA) bħala eżaminaturi/assessuri tal-proġetti li tressqu għall-fondi Erasmus għas-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont id-dispożizzjonijiet tan-National Agencies Guide mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea, l-ismijiet tal-eżaminaturi/assessuri ma jistgħux isiru pubbliċi. Infurmat ukoll li dawn l-assessuri jiġu appuntati abbażi tal-iskills and knowledge fil-qasam partikolari, u biex tiġi assigurata l-indipendenza tagħhom isimhom ma jiġix ippubblikat.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — production costs għal TV advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #5291 Sitting 107 2018-05-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għasri Għawdex – Skola Primarja tal-Knisja Laura Vicuna – għalliem tal-P.E.

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel id-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex fl-iSkola Primarja tal-Knisja Laura Vicuna tal-Għasri, Għawdex ikun hemm teacher tal-P.E. u dan peress li issa din l-iskola ilha sentejn bla għalliem ta' dan is-suġġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fir-rigward ta’ Edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja il-Ministeru jara li jiffinanzja l-Edukaturi kollha li jkollhom bżonn dawn l-iskejjel biex ikunu jistgħu jagħtu l-edukazzjoni sħiħa lill-istudenti li jattendu fihom. Infurmat li l-iskola msemmija għandha approvazzjoni min-naħa tad-Direttorat biex timpjega għalliem tal-P.E.
Leg 13 PQ #5295 Sitting 107 2018-05-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għawdex – skejjel primarji amalgamati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Edukazzjoni għandux pjan li jamalgama xi skejjel primarji f’Għawdex? Jekk iva, jista’ jispjega x’hemm ippjanat u meta hu mistenni jseħħ dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li ma jeżistix tali pjan.

Università ta’ Malta — Kmamar tal-Banju għall-istudenti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4810, jista’ l-Ministru jara li l-kamra tal-banju inkwistjoni fil-Librerija tal-Universita ta’ Malta kif ukoll il-kmamar l-oħra li jinsabu hemm ġew, jiġu mmodernizzati u dan tul din is-sena u mhux is-sena li ġejja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tlabt informazzjoni dwar din il-mistoqsija mingħand l-Università ta’ Malta. S’issa, m’għandix tagħrif xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4810. (Informazzjoni Addizjonali: Ara Dokument PL 1584 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 107 nhar l-Erbgħa, 2 ta' Mejju 2018)

Applikanti għal status ta’ refuġjati – programmi edukattivi u ta’ taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’programmi edukattivi u ta’ taħriġ għax-xogħol huma għad-dispożizzjoni ta’ applikanti għal status ta’ refuġjati u jistax jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba dawn jiġux imħallsa u pprovduti mill-istat jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taħriġ għax-xogħol kif ukoll il-Work Exposure Scheme u t-Traineeships li toffri Jobsplus huma kollha għad-dispożizzjoni ta’ applikanti għall-istatus ta’ refuġjat (jigifieri dawn huma għad-dispożizzjoni kemm ta’ applikanti tal-ażil, kif ukoll għal dawk li ngħataw xi forma ta’ protezzjoni). It-taħriġ offrut minn Jobsplus huwa mingħajr ħlas għal kulħadd u anki l-kriterji u l-benefiċċji marbuta ma’ dawn l-inizjattivi huma l-istess għal kulħadd. Dan ifisser li jekk parteċipant Malti jingħata allowance marbut mal-iskema, l-istess jiġri għall-parteċipant li huwa applikant għall-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, Jobsplus applikat għal fondi taħt l-AMIF (Asylum, Migration Integration Fund). Fost affarjiet oħra, dan il-proġett ħa jkun qed joffri taħriġ magħmul speċifikament għal bżonnijiet tagħhom.
Leg 13 PQ #5410 Sitting 106 2018-04-30 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Negozjati għall-konċessjoni tal-korsa tal-Marsa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4633 jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx mitmuma n-negozjati għall-konċessjoni tal-Korsa tal-Marsa lill-kumpanija privata interessata, negozjati li suppost kellhom jiġu konklużi sal-aħħar ta' Marzu 2018? Jista’ jgħid fiex wasal il-proċess kemm jekk ġew u anke jekk ma ġewx konklużi n-negozjati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Onorevoli interpellant japprezza li n-negozjati tal-proċess għall-proġett bħal dan huwa wieħed kumpless u jeħtieġ isir b'attenzjoni kbira. Nikkonferma li n-negozjati huma fi stadju avvanzat imma sabiex jiġu konklużi, dak li ġie maqbul fid-draft tal-konċessjoni irid jgħaddi mill-proċeduri u proċess tal-Gvern, li għadu qed isir.

Politika Nazzjonali, Strateġija u Proċeduri dwar l-Attendenza

Question

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 11800 tat-12-il leġislatura, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Politika Nazzjonali, Strateġija u Proċeduri dwar l-Attendenza?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li kopja tal-Politika Nazzjonali, Strateġija u Proċeduri dwar l-Attendenza qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — TV advertising - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Eduakzzjoni u Xogħol — nisa fuq bordijiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba b’rabta mal-bordijiet maħtura fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol mill-elezzjoni sal-lum hija din: 311 membru fejn 109 minnhom huma nisa: 35%. Meta jiskadi l-perjodu ta’ kull bord, qed insegwu l-wegħda tal-manifest elettorali sabiex nersqu lejn il-kwota ta’ 40% li jkunu nisa.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji - nisa fuq bordijiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 4933.
Leg 13 PQ #5387 Sitting 104 2018-04-24 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Is-Siġġiewi — Skola Primarja – turf sintetiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Ministeru tiegħu beħsiebu jagħmel it-tiswijiet tat-turf sintetiku fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, hekk kif l-istat ħażin li jinsab fih qed iwassal biex iweġġgħu t-tfal waqt li jkunu qegħdin jilagħbu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta' tiswija fuq it-turf sintetiku fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi mistennija jsiru matul din l-aħħar ġimgħa ta’ April.

Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat -

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat qed jistenna l-konferma tal-Kumitat tal-Kamra għall-Affarijiet Soċjali sabiex ikunu konfermati l-Membri tal-istess Kunsill. Hekk kif dawn ikunu konfermati nkun nista’ ninforma lill-Kamra bl-ismijiet tal-Membri appuntati.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – billboard advertising — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq billboard advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.