Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żgħażagħ — NGOs u attiviżmu - Appoġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jappoġġja NGOs u attiviżmu mmexxija miż-żgħażagħ, partikolarment f'oqsma bħal ġustizzja soċjali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul dawn l-aħħar snin, l-Aġenzija Żgħażagħ saħħet l-impenn tagħha bl-għan li tappoġġja lill-għaqdiet taż-żgħażagħ, il-membri tagħhom u żgħażagħ oħra li mhumiex fl-għaqdiet. Dan għamlitu bit-tisħieħ u ntroduzzjonijiet tas-servizzi ġodda offruti, ewlenin fosthom: · Għall-erba’ snin konsekuttivi torganizza konferenzi nazzjonali għall-għaqdiet taż-żgħażagħ biex tisma’, tifhem u timplimenta l-punti ewlenin imressqa, bit-talba għall-aktar finanzjarjament tkun dik ewlenija u konsistenti. L-għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet taż-żgħażagħ ssaħħet drastikament tant li minn mindu twaqqfet l-Aġenzija Żgħażagħ sallum il-ġurnata, l-appoġġ finanzjarji ¿died minn madwar €20,000, għal iktar minn €500,000. Din l-għajnuna finanzjarja ma tindirizzax biss ix-xiri ta’ rizorsi iżda tnediet ukoll operational grant li għal dawn l-aħħar tliet snin qed isservi ta’ pilastru fil-ħidma operattiva sabiex l-għaqdiet ikollhom ir-riżorsi umani neċessarji biex ikomplu jkabru l-impenn tagħhom b’żgħażagħ attivi fil-komunitajiet u jsaħħu l-għanijiet li għalihom twaqfu fil-firxa wiesa’ tagħhom li jinkludi wkoll il-ġustizzja soċjali. · L-Aġenzija Żgħażagħ kontinwament taħdem mal-għaqdiet u ż-żgħażagħ tagħhom biex l-iskemi jkunu aktar prattiċi u sempliċi u b’hekk tiffaċilita’ ssottomissjonijiet tal-applikazzjonijiet u l-implemintazzjoni b’suċċess tal-iskemi kollha. · Qed jiġu nklużi wkoll żgħażagħ fil-każini tal-banda, fejn tibqa’ tappoġġjhom bi skemi annwali biex jissaħħaħ l-impenn żagħżugħ fil-qasam mużikali, biex il-festi li huma fiċ-ċentru tal-kultura Maltija jibqgħu jikbru u jiġi assigurat il-futur tagħhom. · Taħriġ li l-Aġenzija Żgħażagħ torganizza matul is-sena sabiex l-għaqdiet jissaħħu fl-għarfien tagħhom biex ikomplu jkabbru lill-għaqdiet tagħhom, liema taħriġ ikun bla ħlas ħalli l-parteċipazzjoni tkun l-aktar wiesa’ possibbli biex jintlaħaq l-akbar numru ta’ parteċipazzjoni.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Segretarjat għaż-Żgħażaġħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - Gazzetta tal-Gvern - Avviżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

L-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.

Sportivi — Sentenza ta’ projbizzjoni tul il-ħajja (lifetime ban) - Reġistru

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamenetari 26981 dwar jekk jeżistix reġistru li fih hemm imniżżla d-dettalji ta’ sportivi li għandhom sentenza ta’ projbizzjoni tul il-ħajja (lifetime ban) minn attivitajiet sportivi mill-qrati jew awtoritajiet Maltin, fejn ġie mwieġeb li l-AIMS qed jaħdmu sabiex din l-informazzjoni tinġabar, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-informazzjoni issa nġabritx? Jekk fl-affermattiv, fejn jinżamm tali reġistru u min għandu aċċess għalih?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix iżjed xi nżid ma dak li diġa ġie mtenni fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26981.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Gazzetta tal-Gvern - Avviżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

L-avviżi tal-Gvern jiġu ppublikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.

KGAs Għawdxin — Trasferimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif KGAs Għawdxin li qed jagħtu servizz fl-iskejjel f’Malta, jintgħażlu biex jingħataw trasferiment għal Għawdex? Jista’ jgħid jekk KGAs Għawdxin li qed jistennew tali trasferiment għandhomx viżibilità tal-lista biex ikunu jafu meta jmisshom imorru Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx lista ta’ trasferiment waħda jew aktar minn waħda?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li KGA’s Għawdxin li qed jagħtu servizz fl-iskejjel f’Malta jiġu trasferiti għal Għawdex skont is-seniority. KGA’s li huma interessati li jkunu jafu f’liema post qegħdin fuq il-lista għal Għawdex huma mitluba jsaqsu lill-uffiċjali tad-Direttorat. Hemm lista waħda tat-trasferimenti.

MFA — Devoluzzjoni ta’ art

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26953 u jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew SportMalta għandhomx talba mill-Malta Football Association (MFA) għal devoluzzjoni ta’ art?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li SportMalta saritilhom talba u bħalissa għaddej il-proċess neċessarju.

Federazzjoni Maltija tal-Boċċi — Talba għall-post

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26954 u jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew SportMalta għandhomx talba mill-Federazzjoni Maltija tal-Boċċi għall-post fejn il-federazzjoni tkun tista’ tiltaqa’ u tagħmel l-Annual General Meeting tagħha?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-Federazzjoni msemmija talbu għall-assistenza sabiex jinstab post adattat għalihom.

Ta’ Qali — Art devoluta lill-għaqdiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26955 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta tal-art ta’ Ta’ Qali u jgħid liema minnha hi art devoluta lill-għaqdiet sportivi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva — Re-audit - Rapport

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25448, 25665, 25876, 26511, 26851 u 27102 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25105 dwar rapport tar-re-audit li ntalab lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, dwar edukazzjoni inklużiva, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jiġi ppubblikat dan ir-rapport?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li r-rapport għadu qed jiġi evalwat.

Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta – Contract of Services u Engagement Forms

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27065 u 27228 u jipprovdi lista ta' contract of services u engagement forms li l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta (AIMS) ħarġet bejn l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-privatezza u s-sigurtà tal-impjegati, l-engagement forms mitluba ma jistgħux jiġu ppubblikati.

AIMS — Sejħa għall-pożizzjoni ta’ CEO

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26957, jista’ l-Ministru jgħid jekk sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tkunx ħarġet is-sejħa għall-pożizzjoni ta’ CEO fl-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) u jekk iva, meta tagħlaq? Jekk sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari l-applikazzjoni tkun għalqet, jista’ jgħid kemm kien hemm applikanti li tefgħu n-nomina għal din il-pożizzjoni? Jista’ jagħti s-sess u l-età tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu għaddej il-proċess neċessarju sabiex tinħareġ is-sejħa.

Birkirkara — Skola Primarja – Xogħol ta’ rinnovar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27185 dwar l-Iskola Primarja ta’ Birkirkara, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ rinnovar ser isir u jipprovdi iktar informazzjoni? Jista’ jgħid ukoll meta huwa mistenni li jinbeda u jitlesta dan ix-xogħol?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Vjaġġi uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt vjaġġi uffiċjali barra l-pajjiż qattx kien akkumpanjat minn familjari tiegħu jew ta’ xi membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid: (a) F'liema vjaġġi l-Ministru u/jew il-kontinġent tiegħu kienu akkumpanjati minn familjari tagħhom? (b) Min kienu dawn il-familjari għal kull vjaġġ? (ċ) Kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljett tal-ajru, akkomodazzjoni, trasport, ikel, xorb u spejjeż oħra, separatament, għal kull membru tal-kontinġent f'kull vjaġġ li fih kien hemm ukoll membru/i tal-familja tal-Ministru u/jew tal-kontinġent uffiċjali tiegħu? (d) Jekk l-ispejjeż ta' kull membru tal-familja tal-Ministru u/jew tal-membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu tħallsux minn fondi pubbliċi jew minn fondi personali, u jekk dawn tħallsu minn fondi personali jippreżenta l-irċevuti uffiċjali ta' dawn l-ispejjeż?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 23570, fejn spjegajtlu diġà li l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, per diem allowances huma rregolati skont il-Manual on Transport and Travel Policies. Persuni li mhux parti mill-kontinġent, iħallsu privatament.

L-Università ta’ Malta – Master of Social Work – Stipendju

Question

Peress li fil-baġit ta’ sentejn ilu l-Gvern kien ħabbar li l-istipendju tal-istudenti tas-social work kien ser jinbidel minn ‘General’ għal ‘Prescribed’ u allura jiżdied, u fid-dawl tal-fatt li bħalissa l-istudenti tal-kors tal-Master of Social Work (MSW) fl-Università ta’ Malta għadhom qed jingħataw stipendju ‘General’, jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux qed jirċievu stipendju ‘Prescribed’ bħal sħabhom tal-Bachelor of Arts (Honours) in Social Work? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb li l-istipendju tal-Master of Social Work (MSW) jingħata ‘Prescribed’?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li mill-analiżi imwettqa ġie konkluż li l-professjoni tas-Social Work taffaċċja sfidi sinifikattivi biex tatratta individwi lejn din il-professjoni. Għaldaqstant, ġie deċiż li mhux talli l-Master of Social Work offrut mill-Universita` ta’ Malta għandu jiġi elevat minn klassifikazzjoni ta’ stipendju ‘General’ għal dik ‘Prescribed’, imma talli wara studju li sar dan il-kors qed jiġi elevat għal klassifikazzjoni ta’ stipendju ‘High Priority’ b’kuntratt ta’ ‘Working Placement’ ta’ tliet (3) snin. L-istess arranġament se jkun qed japplika wkoll għall-Bachelor of Arts (Honours) in Social Work offrut mill-Univeristà ta’ Malta u kif ukoll il-kors Bachelor of Arts (Honours) in Social Work offrut mill-MCAST. Dan ifisser li dawn it-tliet (3) korsijiet qed jiġu elevati għal klassifikazzjoni ta’ ‘High Priority’ b’kuntratt ta’ Working Placement ta’ tliet (3) snin b’effett minn din is-sena akkademika. Din ir-rata ta’ stipendju hija applikabbli biss għal dawk l-istudenti li qed isegwu kors ta’ studju ‘full-time’ u li jagħżlu li jidħlu għal din l-esperjenza.

Assenteiżmu fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’saħħa għandu l-Kummissarju tal-Edukazzjoni li jiddeċiedi fuq l-assenteiżmu meta l-ġenituri mħarrka jiddeċiedu li ma jitilgħux għas-seduta? Jista’ jikkonferma li jekk il-ġenituri ma jitilgħux għas-seduta, ma jiġri xejn u lanqas ikun hemm ordni biex titħallas il-multa? Jekk hu hekk, jista’ jgħid xi pjanijiet hemm biex il-Kummissarju tal-Edukazzjini jkollu iktar saħħa effettiva?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju tal-Edukazzjoni jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċju tal-Ombudsman u li dawn huwa uffiċju Indipendenti.

Tfal li jibbenefikaw minn LSE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li jibbenefikaw minn LSE bħalissa u jaqsam din l-informazzjoni skont l-etajiet, il-ġeneru u l-livelli differenti ta’ għajnuna (bħal 1:1, shared, eċċ.)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; 1-1 Full time Shared Same Class Shared 1,590 1,509 972

Mellieħa — Skola - Bini mill-ġdid

Question

Fid-dawl li l-proċess biex titwaqqa’ l-Iskola tal-Mellieħa u terġa’ tinbena mill-ġdid se jieħu tliet snin, jista’ l-Ministru jgħid fejn se jiġu organizzati l-attivitajiet għall-komunità tal-Mellieħa li normalment isiru fis-sala ta’ din l-iskola u fejn se jiġu organizzati l-polling booths għall-Elezzjoni Ġenerali li ġejja?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma jiħux ħsieb loġistika relatata mal-elezzjoni ġenerali. Meta l-iskola tingħata lill-pubbliku, tkun verament qed isservi ta’ ċentru ħaj li jaqdi kemm il-funzjoni edukattiva tiegħu, kif ukoll diversi aspetti essenzjali għall-komunita Melliħija.

Il-Mellieħa — Klassijiet temporanji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-klassijiet temporanji li għandhom jintużaw fil-Mellieħa waqt li l-iskola l-ġdida tkun qed tinbena humiex se jinxtraw mill-Gvern jew inkella jinkrew? Jista’ wkoll jikkwota d-dokument tat-tender għall-provvista ta’ dawn il-klassijiet? Jekk se jkunu mikrija, x’inhu l-ammont tal-kirja?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klassijiet prefabbrikati ser jinxtraw skont it-tender li nħareġ pubblikament bin-numru CT2079/2022.

Il-Mellieħa — Skola Sajf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn se ssir Skola Sajf għat-tfal tal-Mellieħa jekk l-Iskola Primarja tal-Mellieħa se tiġi żarmata? Jista’ jgħid ukoll jekk dan hux se jfisser li se jkun hemm inqas postijiet għall-applikanti ta’ Skola Sajf?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iSkola Sajf għat-tfal tal-Mellieħa ser issir fl-iskola ta' San Pawl il-Baħar li għandha l-kapaċita li tilqa' l-istess numru ta' studenti.