Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korsijiet fl-MCAST — Studenti nisa

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’liema korsijiet għandu l-ħsieb l-MCAST jieħu inizjattivi biex iżid l-istudenti nisa? X’inizjattivi se jieħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-publikazzjonijiet u fil-promozzjoni tal-programmi kollha li jagħmel matul is-sena, kemm għall-korsijiet ta’ filgħodu kif ukoll dawk ta’ l-evening courses, l-MCAST jinforma bil-prospectus lill-istudenti prosepttivi kollha, mill-iskejjel kollha u ta’ abilitajiet differenti. L-MCAST jixtieq li t-tfajliet/nisa jiżdiedu fil-korsijiet kollha permezz ta’ promozzjoni li tkun miftuħa għal kulħadd, kif ukoll permezz ta’ tisħiħ ta’ counselling u l-careers guidance services tiegħu, f’kollaborazzjoni mal-iskejjel l-oħra f’pajjiżna.

MCAST — Korsijiet oħra

Question

Tista' l-Ministru tgħid b’kemm huwa stmat li jridu jiżdiedu r-riżorsi fiżiċi, umani u finanzjarji għall-MCAST fiż-żmien li ġej biex ikun jista' jwettaq b’mod adegwat il-pjan ambizzjuż li jipprovdi korsijiet oħra fil-qasam ta’ edukazzjoni avvanzata minbarra dawk eżistenti fil-livelli 1 sa 4?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST impenja ruħu li sa Settembru 2010 ikun beda joffri top-up fuq korsijiet ta’ livell 4 li jwassal għal degrees vokazzjonali f’erba’ mill-istituti tiegħu u fi żmien tlett snin fl-istituti l-oħra. Il-fondi meħtiega għat-taħriġ ta’ l-istaff kemm akkademiku kif wkoll mhux, kif wkoll fondi li għandhom x’jaqsmu ma’ disinn u preparazzjoni ta’ materjal għat-tagħlim, ġej kollu mill-European Social Fund (ESF). Riżorsi umani oħra u dawk fiżiċi jkunu approporzjon ta’ l-istudenti parteċipanti li naturalment huwa mistenni li jikber gradwalment.

Kindergarten 1 u kindergarten 2

Question

Tista' l-Ministru tgħid il-għala ħarġu riżultati tal-kindergarten 2 u l-kindergarten 1 baqgħu ma ħarġux? Tista' tgħid il-għala ċerti applikanti bil-pre school certificate ġew aċċettati għall-call ta' kindergarten 2 u oħrajn bl-istess ċertifikat irrifjutawlhom l-applikazzjoni? Tista' tinħareġ applikazzjoni mill-aktar fis għal kindergarten2 sabiex dawk li ma tħallewx japplikaw, ikunu jistgħu japplikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-riżultati tal-Kindergarten Assistants 2 ħarġu għax l-intervisti tal-applikanti kienu saru u seta’ jiġi ppreparat ir-rapport bir-riżultat mill-Bord tal-Għażla li ġie approvat mill-PSC u għalhekk seta’ jiġi ppublikat. Is-sejħa għal Kindergaten Assistants 1 hija sejħa separata. L-intervisti għal din is-sejħa saru kollha. Kif tlestew l-intervisti, tħejja r-rapport bir-riżultat li ntbagħat lill-PSC. Iċ-ċertifikat tal- Pre School ġie kkunsidrat komparabbli mill-MQRIC ( Malta Qualifications Recognition Information Centre ) u għalhekk dawk kollha li kellhom dan iċ-ċertifikat u applikaw għal Kindergarten Assistants 2 ġew imsejħa għal intervista. Ma kien hemm ebda applikazzjoni minn dawk li applikaw għal Kindergarten Assistant 2 li ġiet irrifjutata. Applikazzjoni oħra għall- Kindergarten Assistants 2 toħroġ meta jkun hemm il-ħtieġa.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — distanza bejn it-tempji u strutturi tat-tnied

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6971, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx speċifikata d-distanza minima bejn il-ġebel tat-tempju u l-istrutturi tat-tined?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-distanza li dwarha qiegħed isaqsi l-Onorevoli Interpellant tirriżulta mid-disinji aprovati mill-esperti li ħejjew il-pjanti tax-xogħol. Matul il-proċess ta’ disinn, ingħatat ħafna importanza sabiex tassikura li dejjem tinżamm biżżejjed distanza bejn l-istrutturi protettivi u dawk megalitiċi, sabiex qatt ma jkun hemm l-inqas periklu ta’ xi kuntatt bejniethom.

Chiswick House School — permessi għal school population

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema sena ngħata l-permess biex tiftaħ iċ-Chiswick House School fil-Kappara u x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta ma' dan il-permess? Kemm kellhom permess għal school population dak iż-żmien? Kemm kienet l-ischool population għal kull sena skolastika minn dak iż-żmien sal-lum? Kemm kien in-numru ta' għalliema full time u part time meta nħareġ il-permess biex tiftaħ iċ-Chiswick House School u kemm huwa llum? Kemm-il darba nħarġu permessi ġodda u meta kienu dawn id-drabi għal tkabbir strutturali f'din l-iskola, u minn liema awtorità nħarġu l-permessi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fis-Seduta Nru. 89 għall-mistoqsija Nru. 6833.

Każ ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara għaliex għadu ma ġiex assenjat facilitator lit-tifel ta' 7 snin magħluqa li lill-ġenituri tiegħu qalulhom aktar minn sentejn ilu li għandu bżonn facilitator u wara li r-rapporti neċessarji kollha saru diġà u ntbagħtu lill-uffiċjali konċernati? Tista' tgħid x'qiegħed iżomm biex lil dan it-tifel tingħatalu facilitator? Id-dettalji tat-tifel qed jintbagħtu separatament.

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iStatementing Moderating Panel irċieva l-applikazzjoni għan-nom tat-tifel f’Settembru 2008. Din l-applikazzjoni ġiet reġistrata u ser tingħata l-attenzjoni li jistħoqilha. Il-Bord għamel kuntatt ma’ l-iskola biex jara li t-tifel jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa mis-servizzi li diġa hemm fl-iskola sakemm ikun imissu skond il-lista tar-reġistrazzjoni.

Ħaġar Qim/ Imnajdra — Membrane

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7011, tista' l-Ministru tgħid x'inhu r-rwol tad-ditta Design and Techincal Resources Ltd fil-proġett tat-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rwol tad-ditta Design and Techincal Resources Ltd fil-proġett tat-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra huwa dak ta’ Project Manager.

Sejba ta' Ipoġew fis-sebgħinijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar l-allegata sejba fis-sebgħinijiet ta' Ipoġew fiż-żona ta' fejn illum hemm Triq il-Lellux, Santa Luċija? Huwa minnu dan? X'sar minnu? Hemm ħsieb li jiġi maniġġjat u konservat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sena 1973 kien instab sit ta’ dfin preistoriku ġo żona li kienet ingħatat għal bini, u li llum tagħti fuq Triq il-Lellux, Santa Lucia. Dan is-sit huwa xi kultant deskritt bħala l-Ipoġew ta’ Santa Luċija. L-art li fiha nstab dan s-sit arkeoloġiku, kien esproprijat mill-Gvern biex din is-sejba tkun protetta u kkonservata. Fis-snin ta’ wara din l-iskoperta, d-Dipartiment tal-Mużewijiet kien bena reċint madwar dan s-sit arkeoloġiku għal protezzjoni tiegħu. Fi snin riċenti l-Kunsill Lokali ta’ Santa Lucija wera interess li jibda jerfa’ r-responsabbilta` għall-mmaniġjar ta’ dan is-sit bi sħab ma’ organizzazjonijiet governattivi konċernati, bħas-Sovintendenza għall-Patrimonju Kulturali u bħal Heritage Malta. Għalkemm fil-preżent ma hemmx ftehim bejn il-partijiet dwar kif dan s-sit jista’ jiġi mmaniġjat u kkonservat, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali hija disposta tiżviluppa ftehim ta’ dan it-tip mal-Kunsill Lokali jew ma’ għaqdiet non-governattivi tas-settur kulturali.

Dilettanti tal-karnival — proposti lil Prim Ministru

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7268 u cioè: Peress li għaddew ħames ġimgħat minn mindu d-dilettanti tal-karnival taw għadd ta' proposti lill-Prim Ministru f'Kastilja, tista' l-Ministru tgħid għala l-Gvern għadu ma tax risposta lil dawn id-dilettanti? X'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq il-proposti li tressqu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-uffiċju tal-Prim Ministru għaddej bil-follow-up neċessarju fuq il-proposti li ġew ippreżentati. Dawn il-proposti qed jiġu diskussi u analizzati minn diversi entitajiet u fil-futur qarib se ssir laqgħa mal-għaqda tal-parteċipanti.

Gozo Discovery Bus

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 6676 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid: Peress li skont survey ibbazat fuq l-opinjoni ta' dawk li għamlu użu mill-Gozo Discovery Bus is-sena l-oħra jirriżulta li l-proġett kien suċċess? Tista' l-Ministru tgħid jekk din is-sena hux se jerġa' jiġi introdott dan is-servizz? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għamlu użu minn dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gozo Discovery Bus kienet ġiet organizzata bi prova għal tliet ġimgħat bejn is-16 ta’ Lulju u l-5 ta’ Awwissu fuq sistema ta’ hop-on, hop-off’. Dan is-servizz kien jifforma parti mill-Interreg III B, Archimed Programme, proġett tal-Unjoni Ewropea, li kien jiffoka fuq it-turiżmu sostenibbli fil-Mediterran u li kien ukoll proġett ta’ darba. Dan is-servizz kien suċċess u kien ġie użat minn 1126 ruħ, kif jidher hawn taħt: Turisti Barranin: 915 Viżitaturi Maltin: 176 Residenti Għawdxin: 35 TOTAL: 1126

MCAST — Life Long Learning

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol tal-MCAST biex ikun punt fokali għal Life Long Learning u għal Continuous Professional Development?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-MCAST diġa’ joffri 300 kors ta’ filgħaxija u part-time. Ta’ kull sena, madwar 4000 persuna jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet u għalhekk wieħed jista’ jgħid li l-MCAST mhux il-bogħod li jkun punt fokali għal Life Long Learning u għal Continuous Professional Development.

MCAST — Studenti li ġew offruti placement

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’liema fabbriki, kumpanniji u azjendi l-istudenti tal-MCAST ġew offruti placement matul il-vaganzi u fis-sajf? L-istudenti kollha li xtaqu dan il-placement sabuh f'kull sena li ilu jeżisti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — Tisħiħ ta' strutturi ta' finanzjar

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandu l-MCAST biex isaħħaħ l-istrutturi meħtieġa biex ikun jista’ jieħu sehem sħiħ fil-programmi differenti ta’ finanzjar tal-Unjoni Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST għandu storja ta’ suċċessi kbar fil-qasam ta’ benefiċċji miksuba minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja kemm fil-ksib ta’ makkinarju, faċilitajiet, skambji ta’ studenti u taħriġ ta’ għalliema u ħaddiema tiegħu. It-tisħiħ tat-taqsima tal-International Programmes Office, il-ħatra ta’ persuna sabiex tkun il-link bejn istituti individwali u dan l-uffiċċju, kif wkoll it-twessiegħ kontinwu tal-kuntatti ma’ istituzzjonijiet li lesti jikkollaboraw bi sħab fi programmi koperti mill-Unjoni Ewropeja huma passi konkreti sabiex il-frott miksub minn dawn il-fondi jkompli jikber u jissaħħaħ f’kull Istitut tal-MCAST. Twaqqaf wkoll fund-hunting team li l-għan tiegħu huwa li jattira fondi u li joffri support lill-Istituti fl-applikazzjonijiet għal fondi ta’ riċerka u nfrastruttura.

MCAST — Euro Skills Competition

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm studenti tal-MCAST li ħadu sehem fil-Euro Skills Competition? Jekk iva, x’kienu r-riżultati u jekk le meta se jieħdu sehem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-istudenti tal-MCAST ħadu sehem fil-Euro Skills Competition u rebħu 3 medalji tal-fidda.

MCAST — Unit ta' awditjar dwar finanzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jitwaqqaf unit ta’ awditjar indipendenti dwar il-finanzi fl-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-accounts ta’ l-MCAST huma vverifikati minn ditta ta’ awdituri indipendenti kull sena. Il-kontrollur finanzjarju u l-kap ewlieni tal-amministrazzjoni jaraw li kull ma jintefaq huwa ġġustifikat.

MCAST — Studenti marru f'xi universita' barranija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kellna studenti tal-MCAST li s’issa marru jkomplu l-istudju tagħhom f’xi universita` barranija skond il-ftehim li l-MCAST għandu ma’ dawn l-universitajiet barranin? F’liema qasam?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-MCAST m’għandux din it-tip ta’ informazzjoni. Studenti li jagħżlu li jkomplu l-istudji tagħhom f’xi Universita’ barranija m’humiex obbligati li jinfurmaw l-MCAST b’dan.

Skejjel madwar Malta u Għawdex — kapaċità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm skejjel madwar Malta u Għawdex? Kemm hija l-kapaċità ta' kull skola? Kemm hemm skejjel battala jew binjiet li kienu jservu bħala skejjel u m'għadhomx jagħmlu dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Child Care Centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il child care centre hawn f'Malta u f'Għawdex? Kemm, fejn u meta beħsiebha tibni u tiftaħ oħrajn ġodda? Tista' ssemmi dawn l-proġetti bħala post, post? Tista' tagħti d-data ta' meta sejra tkun qed topera l-child care centre ta' kull post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 152, 858, 2147 u 2365. Fir-rigward ta’ childcare centres ġodda tal-Gvern li għad iridu jinfetħu, ninforma lill-Onor Interpellant li, wara li nfetħu tlett ċentri tal-Gvern f’Ħal Luqa, Raħal Ġdid u l-Għargħur, f’din il-leġislatura l-Gvern irid jiftaħ aktar ċentri f’Malta u f’Għawdex li joffru mhux biss ħarsien imma programm edukattiv li jgħin fl-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom. Għal din is-sena, il-Gvern alloka s-somma ta’ € 438,000 li minnhom iridu jintefqu fondi sabiex ikopru l-ispejjeż meħtieġa ħalli jitlestew ċentri li ser jinfetħu matul din is-sena, fosthom iċ-ċentri tas-Siġġiewi u ta’ Pembroke, kif wkoll oħrajn f’lokalitajiet diversi.

Ħaġar Qim u l-Imnajdra — xogħol tat-tined

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6991, tista' l-Ministru tgħid meta oriġinarjament kien ippjanat li se jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-Letter of Offer li hija il-ftehim uffiċjali li sar fi Frar tal-2005 għall-għotja tal-Fondi Strutturali għal dan il-proġett, id-data li kienet indikata meta kellhom jitlestew it-tined protettivi kienet l-aħħar ta’ Ġunju 2008. Ir-raġunijiet prinċipali għad-dewmien kienu: 1) l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi u r-reviżjoni ta’ xi wħud mill-pedamenti biex jassikuraw li ma jkunx hemm impatti arkeoloġiċi. 2) il-frekwenza għolja ta’ ġranet matul l-aħħar xitwa meta x-xogħol kellu jieqaf minħabba l-maltemp. Wieħed japprezza li f’xogħol ta’ din-natura, huwa ferm aktar importanti li x-xogħol isir bir-reqqa u bil-galbu kollu xieraq, milli li wieħed jgħaġġel u joħloq xi periklu għas-sit jew għall-ħaddiema.