Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1365, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid meta se jibda jintuża l-apparat tas-Cyclotron li jintuża fid-dijanjożi u l-kura tal-Kanċer? Tikkonferma l-Ministru li dan l-apparat, kieku beda jintuża qabel, seta' għen fil-kura tal-kanċer speċjalment meta f’dawn l-aħħar xhur/snin kien hemm okkażjonijiet meta l-konsenja tat-tracer ma waslitx u kellhom jiġu kkanċellati interventi, appuntamenti u operazzjonijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Minstoqsija Parlamentari 24100 tat-XIII-il Leġislatura, ninformaha li l-apparat tas-Cyclotron kien investiment li sar minn kumpanija privata u qatt ma’ kien propjeta tal-Gvern qabel dan kien akkwistat fl-2021.
Il-Malta Enterprise qed tlesti x-xogħol biex ikun jista’ jitħaddem dan l-apparat u l-pjan huwa illi dan ix-xogħol ikun lest sal-ewwel kwart tal-2023.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ilma tax-xita huwa stmat li mar il-baħar kull sena matul l-aħħar 10 snin abbażi tax-xita li niżlet f'kull sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab ifurmata li madwar 10% tal-volum totali ta’ xita li tinżel fuq il-gżejjer Maltin huwa stmat li jmur fil-baħar. Dan il-persentaġġ ivarja marġinalment minn sena għall-oħra skond l-intensità u d-distribuzzjon tax-xita matul is-sena.
Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena mill-2011 sal-2021 kemm ittella' ilma mill-ilma tal-pjan mill-impjanti tal-konkos u b'liema rata, medja ghal kull sena, dan inxtara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – direct orders
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm direct orders ingħataw u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Kunsill Lokali ta' Santa Venera — parkeġġ ta' Umberto Colosso
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1094, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera għamilx tentattiv sabiex il-parkeġġ ta’ Umberto Colosso jkun jista' jibda jintuża mir-residenti wara l-ħinijiet tal-użu mill-Gvern? Jekk iva, x’kienet ir-risposta tal-Gvern?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċju tiegħi qatt ma ġie avviċinat dwar il-materja.
Ninsab infurmata li tali diskussjonijiet saru matul il-leġiżlatura li għaddiet u li t-talba ġiet irrifjutata abbażi ta’ numru ta’ fatturi, inkluż kwistjonijiet ta’ sigurtà.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1096 u tipprovdi l-iktar qari reċenti tal-kejl tal-kwalità tal-arja għal kull lokalità f’Malta u Għawdex, u meta ttieħed?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra riżultati tal-medja annwali tal-2021 f’kull lokalità. L-ERA tagħmel monitoraġġ kontinwu tal-benżin u diossidu tan-nitroġenu f’mitt sit mifrux ma’ Malta u Għawdex permezz ta’ diffusion tubes. Din is-sistema ta’ monitoraġġ tkopri 59 lokalità. Dawn id-diffusion tubes jiġu esposti għal perjodu ta' erba’ ġimgħat u wara jintbagħtu f'laboratorju akkreditat għall-analiżi. Il-medja annwali għal kull sit tintuża biex jiġu żviluppati mapep tat-tniġġis li huma disponibbli fuq il-website tal-ERA.
Apparti minn hekk, l-ERA wkoll tagħmel monitoraġġ b’mod kontinwu ġewwa l-Msida, iż-Żejtun, H’Attard, San Pawl il-Baħar u l-Għarb (near real time monitoring). Din is-sistema tkopri iktar sustanzi ta’ tniġġiż filwaqt li l-informazzjoni hija wkoll disponibbli fuq il-website tal-ERA permezz ta’ grafika u ‘air quality index’, li tiġi aġġornata kull siegħa. Din hija sistema fejn informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja hija disponibbli b’mod li tista’ tinftiehem mill-pubbliku. Qiegħda npoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra dokument l-Air Quality Index skont kif irrapurtat fi 8 ta’ Ġunju 2022 fi 14:16.
Attachments:PQ1539_benzene 2021.pdfPQ1539_nitrogen dioxide 2021.pdfPQ 1539-Air Quality Index - ERA 14_16.pdf
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — konsulenti
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 294 u 1130 u tgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tinforma l-Kamra meta ser tiġi riabilitata l-parti fl-aħħar ta’ Triq San Ġwann t’Għuxa, Bormla, billi jidher li f’dawn l-aħħar xhur marret lura u teħtieġ kura u tindifa sew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirrieferi l-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar/Buġibba – Triq l-Imrejkba –sistema tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar xi pjanijiet hemm imfassla biex is-sistema tad-drenaġġ fi Triq l-Imrejkba, Buġibba, San Pawl il-Baħar u ż-żona tal-madwar isiru tiswijiet fuqha jew inkella tinbidel l-istess sistema ta’ drenaġġ fl-istess triq u żona?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li min evalwazzjoni teknika riċenti li saret fl-inħawi ndikati ma jidhirx li hemm bzonn ta’ interventi urġenti fuq infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Ninsab infurmata li f’din it-triq għaddejja nvestigazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fuq sors ta’ ilma li qed joħloq inkonvenjent. Il-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma tikkolabora bis-sħiħ f’dawn l-investigazzjonijiet skont il-htieġa.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-park ta’ Kennedy Grove (Salina National park), San Pawl il-Baħar, hemmx żoni fejn wieħed jista’ jilgħab bil-ballun, hekk kif jidher li xi pulizija waqqfu lil xi tfal milli jilagħbu bil-ballun f’dan il-park? Jekk iva, liema huma dawn iż-żoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Park tas Salina inkluz wkoll l-parti ta’ Kennedy Grove hu intenzjonat sabiex l-familji u l-vizitaturi jkollhom spazju miftuħ fejn jirrekrejaw ruhom f’ ambjent naturali. Filwaqt li wieħed jifhem li jkun hemm tfal żgħar li okkażjonalment jilagħbu bil-ballun f’ diversi żoni ġewwa dan il-park mingħajr ma’ jkun hemm periklu għalihom jew għal-vizitaturi oħrajn, logħob bil-ballun minn żgħażagħ jew persuni adulti li jista’ jkun ta’ periklu ghal vizitaturi ohra hija xi haga differenti. Huwa f’ ċirkustanzi bħal dawn li l-uffiċjali tas-sigurtà u uffiċjali tal-pulizija, li jkunu preżenti regolarment biex josservaw l-bon ordni, jiġbdu l-attenzjoni u ma jħallux li jkun hemm periklu għall pubbliku u anki li ma ssirx ħsara fuq il-post.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar ir-residenzi għandhomx kollha smart meters installati? Jekk le, x'inhi r-raġuni għal dan? Għal dawn ir-residenzi li fihom hemm smart meters, x'inhi r-raġuni li kull tant żmien ħaddiema jaqraw il-meters? Meta jsir dan x'tip ta' informazzjoni tkun qed tinġabar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fejn jirrigwardja l-elettriku, fil-lokalità msemmija, l-persentaġġ ta’ smart meters jiżboq id-99% tal-meters installati. Mill-meters li jifdal (effettivament inqas minn 1%), hemm aktar min-nofshom ma jistgħux jinbidlu għax is-servizz huwa sospiż, filwaqt li l-kumplament jistgħu jinbidlu la darba jkun hemm l-arranġamenti meħtieġa mas-sidien. Fejn jirrigwardja l-ilma, il-qari awtomatiku jiżboq it-80%. Il-qari fiżiku tal-ismart meters ikun meħtieġ fejn għal xi raġuni l-konsum ma jidħolx b’mod awtomatiku jew fejn ikunu meħtieġa verifiki addizzjonali.
Kemmuna Management Plan – studji dwar il-carrying capacity tal-gżira
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Management Plan ta' Kemmuna tal-2016 isemmix li kellhom isiru studji dwar il-"carrying capacity" tal-gżira? F'liema stadju waslu dawn l-istudji u min hu responsabbli għalihom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Management Plan ta’ Kemmuna tal-2016 jinkludi miżura li tgħid li għandu jsir “a tourism carrying capacity assessment of the Blue Lagoon”. Il-Kumitat, li kien imwaqqaf apposta biex jikkordina bejn l-entitajiiet li huma involuti f’aspetti varji f’Kemmuna, ħa ħsieb li jsiru terms of reference biex ikun kummissjonat studju ta’ riċerka dwar il-carrying capacity ta diversi lokalitajiet f’Kemmuna.
Dawn l-istudji ġew kummissjonati u bħalissa qed jintużaw sabiex jiġi ffinalizzat il-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna. Il-proċess biex tiġi stabbilita il-carrying capacity jibqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat ta’ Kemmuna li għandu jerġa' jiġi kostitwit.
Tista' l-Ministru tgħid preżentement hemmx Rangers ta' Ambjent Malta fuq Kemmuna u jekk iva, x'poteri ta' infurzar għandhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li rangers ta' Ambjent Malta għandhom rwol eduktattiv, minn dan is-sajf l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), se jibda jkollha enforcement officers preżenti kuljum. L-għan prinċipali huwa dak li jedukaw lin-nies dwar ir-regolamenti fuq il-gżira, inkluż dwar littering u r-regoli tal-campsite. L-uffiċjali għandhom il-fakulta li jinfurzaw ir-regoli u joħorgu penali għal min jikser il-liġijiet ambjentali.
Mellieħa: Triq il-Marfa – xogħol biswit l-Għajn tal-Mellieħa
Question
Tista’ l-Ministru tindika jekk sarux spezzjonijiet (u x’passi ttieħdu) minn uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq xogħol li għaddej bħalissa biswit l-Għajn tal-Mellieħa fi Triq il-Marfa, fil-Mellieħa, liema xogħol jindika li mhux isir skont kif mitlub għal dik iż-żona partikolari? (Ritratti jinsabu annessi ma’ din il-mistoqsija).
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol li għaddej fi Triq il-Marfa hu kopert b’road works permit biex jissewwa ħajt mat-triq li kien fil-periklu li jaqa'. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) ikkordinat mal-Awtorità tal-Ippjanar u ngħataw istruzzjonjiet biex jitnaddaf kull materjal li seta' waqa' fil-wied. L-ERA spezzjonat s-sit darbtejn fl-20 u l-21 t’ Ġunju fejn ġie nnotat illi l-materjal li deher jaqa fil-wied biswit it-triq fuq filmat li ċċirkola fuq l-media soċjali fl-20 ta’ Ġunju, ġie mneħħi.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx l-istudju dwar il-carrying capacity ta’ Kemmuna taħt il-Comino Management Plans u f’każ li sar, tistax tippreżenta kopja ta’ dan l-istudju lill-Parlament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 1827.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1363, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid kemm tħallset jew qed titħallas il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament biex ġie rilokat l-apparat tas-Cyclotron li tipproduċi t-tracer li jintuża fid-dijanjożi u l-kura tal-Kanċer?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li sakemm isiru x-xogħlijiet, l-apparat tas-Cyclotron ġie rilokat temporanjament f’post ftit metri bogħod ġewwa l-Life Sciences Park. L-ispejjeż jammontaw għal Euro 1,500.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-outdoor gym u l-ground tal-5-a-side li jinsabu f'Ta' Qali ħdejn l-MFCC ma jinxtegħelx dawl fihom billejl?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-elettriku jinsab temporanjament sospiż minħabba x-xogħolijiet li qed isiru fil-park ta’ Ta Qali. Infurmata wkoll li l-Enemalta se tkun qed tikkordina mal-Ministeru responsabbli minn dawn ix-xogħolijiet.
Balluta – tixtrid ta’ skart tal-kostruzzjoni fil-baħar
Question
Peress li mill-bidu tal-ġimgħa li tibda t-13 ta’ Ġunju sal-lum, skart tal-kostruzzjoni niġġes il-bajja taħt l-eks Sit tal-NSTS, tul il-kosta ta’ Qui-Si-Sana, fejn għandi wkoll ritratti biex nipprova dan, għaldaqstant tista' l-Ministru tispjega għaliex ma ttieħdet l-ebda azzjoni immedjata biex dan it-tniġġis tal-baħar jitwaqqaf? Tista’ tgħid x'azzjoni qed tittieħed kontra dawk li huma responsabbli għal dan it-tniġġis tal-baħar? Fid-dawl tal-fatt li dan huwa t-tieni każ ta’ tniġġis mill-iskart tal-kostruzzjoni tul il-kosta bejn il-Bajja tal-Balluta u Qui-Si-Sana f’dawn l-aħħar sitt ġimgħat, bl-aħħar wieħed ikun fil-bajja tal-Balluta sitt ġimgħat ilu, tista’ l-Ministru tispjega dak li sar biex jiġi evitat it-tniġġis ta’ din il-kosta jerġa’ jiġri?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li lill-ERA ma waslilha l-ebda rapport riċenti dwar xogħlijiet li minnhom irriżulta skart li ħammeġ il-baħar matul ix-Xatt ta’ Qui-si-Sana. Spezzjonijiet minn uffiċċjali tal-ERA li saru wara li waslitilha l-Mistoqsija Parlamentari, ma wrew l-ebda turbidità fil-baħar matul il-kosta msemmija. Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jghaddi evidenza li jista’ ghandu ta’ skart li qed jispiċċa jew jinxteħet il-baħar, lill-awtorità kompetenti għall iktar investigazzjoni.