Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur — budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-budget tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi approvat f’April 2013 ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-budget tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi ma ġiex mnaqqas minn kif kien approvat f’April 2013.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — PR u media events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Unjoni Ewropea – Public Prosecutor

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-Public Prosecutor tal-Unjoni Ewropea? X’inhi l-pożizzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fit-12 ta’ Ottubru 2017, ir-Regolament li permezz tiegħu nħoloq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ġie adottat minn għoxrin Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, li huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, u s-Slovakkja. Malta, flimkien ma’ sebgħa Stati Membri oħra (id-Danimarka, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Olanda, il-Polonja, l-Isvezja, u r-Renju Unit) iddeċidew li ma jissieħbux f’dan l-Uffiċċju, almenu f’dan l-istadju. Fil-każ ta’ Malta, id-deċiżjoni ttieħdet b’mod preliminari sabiex wieħed jara kif l-Uffiċċju se jinġieb fis-seħħ u kif se jitħaddem, qabel ma tissieħeb fih. S'issa dan l-Uffiċċju għadu fi stadju ta’ infanzja bikrija, fejn, għalkemm ġie stabbilit li s- sede tiegħu se tkun ġewwa l-Lussemburgu, m’huwiex mistenni li dan l-Uffiċċju jibda’ jopera b’mod effettiv qabel madwar tliet snin oħra. Il-funzjoni ta’ dan l-Uffiċċju se tkun li jinvestiga u jipprosekwixxi reati kontra l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni Ewropeja. F’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li saret fid-9 ta’ Marzu 2018 ġewwa Brussell, infurmajt lill-Kunsill tal-Ministri bl-intenzjoni ta’ Malta li tissieħeb f’dan l-Uffiċċju fix-xhur li ġejjin.

Skema ta’ għajnuna għall-kmamar tan-nar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif kif ser taħdem l-iskema ta’ għajnuna għall-Kmamar tan-Nar u jekk hemmx xi rekwiżiti partikolari sabiex dawn ikunu eleġibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-għan ewlieni wara dan il-proġett huwa t-tnedija ta’ skema finanzjarja li tagħti spazju lill-Kmamar tan-nar rispettivi, joħorġu bi u proposti li bihom jaghmlu: · Restawr tal-kmamar tan-nar infushom. · Investiment fl-infrastrutura tal-kmamar tan-nar. · Investiment f’makkinarju u għodda li jiffaċilitaw l-manifattura tan-nar u jagħmlu il-produzzjoni iktar sigura. · Investiment f’makkinarju u għodda maħsuba biex itejbu l-kwalita’ tal-prodott pirotekniku Malti. · Investiment f’apparat u armar biex ikunu jistgħu jaħaqru in-nar b’mod iktar sigur. · Investiment f’riżorsi ta’ tagħlim f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurta’ fil-manifattura tan-nar. · Tisħieh ta’ kollaborazzjoni bejn l-Kmamar tan-Nar Maltin. LINJI GWIDA GĦALL-PROPOSTA TAL-PROĠETT Il-proposta m'għandhiex taqbeż il-500 kelma u għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni tal-proġett u baġit . Il-proposta tagħtik l-opportunità li turi f'aktar dettall kif il-proġett jissodisfa l-kriterji ta' valutazzjoni ta’ dan il-fond. Tittieħed deċiżjoni dwar l-iffinanzjar fuq is-saħħa tal-informazzjoni sottomessa. Deskrizzjoni tal-proġett Għandu jiġi pprovdut tqassim dettaljat ta' dan li ġej (fejn applikabbli): Deskrizzjoni Ġenerali: ● Il-kuntest tal-proġett ● L-għanijiet u l-obbjettivi tal-proġett ● Deskrizzjoni dettaljata u konċiża ta' dak li jinvolvi l-proġett, inklużi l-attivitajiet speċifiċi kollha relatati mal-proġett Perjodi ta’ żmien tal-proġett: Ipprovdi tqassim (b'dati indikattivi) tal-fażijiet jew attivitajiet ewlenin tal-proġett. Il-baġit tal-proġett Għandu jiġi pprovdut tqassim dettaljat ta' dan li ġej (fejn applikabbli): Baġit dettaljat tan-nefqa: Dan għandu jinkludi tqassim ta' spejjeż eliġibbli relatati mal-proġett, li jinkludu kemm is-servizzi kif ukoll spejjeż ta' partijiet terzi. Dawn jridu jkunu maqsuma hekk: 60% infiq fuq infrastruttura; u 40% infiq fuq spejjez kurrenti. KONFORMITÀ Lista ta' verifika għall-konformità tal-applikazzjoni tiegħek Obbligatorju 1. Formola tal-applikazzjoni kompleta, iffirmata u datata – tlett kopji (3) oriġinali 2. Kopja tal-karta tal-identità tiegħek – tlett (3) kopji 3. Il-proposta tal-proġett: Il-proposta trid tinkludi deskrizzjoni tal-proġett u baġit tal-proġett - 3 kopji 4. Certifikat ta’ registrazzjoni mal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volantarji – 3 kopji Lista ta' verifika għall-konformità tal-applikant Il-proġetti mhumiex konformi jekk: ● Jiġu sottomessi minn applikanti li mhumiex ċittadini Maltin / fil-pussess ta' permess ta' residenza f'Malta jew karta tal-identità. ● Ma jkunux konformi mall-Ufficcju tal-Kummissarju tal-Ghaqdiet Vonotarji fid-data tal-applikazzjoni u matul il-perjodu kollu tal-progett; ● L-applikazzjoni tingħata wara 12:00 (nofsinhar) tad-data ta’ skandenza rispettiva

Birgu – qtil tal-ħamiem

Question

B’referenza għall-qtil tal-ħamiem fil-Birgu, liema ordni jidher li saret mill-Kunsill Lokali tal-Birgu, filwaqt li nifhem li l-ħamiem fi kwantità hu pest li jrid jiġi kkontrollat, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati metodi oħra li jeżistu kif jiġi kkontrollat l-ammont ta’ ħamiem liema metodi alternattivi m’humiex daqstant krudili?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Birgu li allegatament kien wara d-deċiżjoni li jsir sparar fuq ħamiem fid-dawl tax-xemx, talabx parir professjonali biex jiġi kkontrollat l-ammont ta’ ħamiem fil-Birgu u jekk iva lil min talab?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Malta International Contemporary Art Space – Chairperson u/jew membru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħa għall-pożizzjoni ta’ Chairperson u/jew membru tal-Malta International Contemporary Art Space, u jindika l-kundizzjonijiet finanzjarji mogħtija lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-ħatra tagħha u anke jindika l-esperjenza u l-kwalifiki tagħha li ġew ikkunsidrati għal ħatra tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Valletta 2018 – festa l-kbira – stedina lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx stedina lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta sabiex il-Kunsill jattendi għall-kunċert tal-festa l-kbira bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Valletta 2018, u jekk ma kienx hemm stedina, jista’ jgħid ir-raġuni għalfejn ma nħarġitx stedina u min għamel id-deċiżjoni dwar il-persuni li jiġu mistiedna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-avveniment kien miftuħ għal kulħadd. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta huwa awtomatikament mistieden għal kull attività tal-Fondazzjoni Valletta 2018 peress li s-Sindku huwa wkoll wieħed mil-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Valletta 2018 f’isem, u bħala rapprezentant tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.

Attivitajiet organizzati tal-Valletta 2018 – stedini formali lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jindika kemm-il stedina formali sa issa nħarġet lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għall-attivitajiet organizzati fil-qafas tal-Valletta 2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta nħarġulu ammont sostanzjali ta’ stediniet mill-2013 ‘il hawn. Sadanittant nirreferik għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 5217.

Valletta 2018 Foundation – persuni impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għal wara l-31 ta’ Marzu 2019 fil-konfront tal-ħaddiema full u part time kif indikati fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5074 u ċjoè jekk huwiex diġà maħsub li jiġu impjegati f’entitajiet oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif diga gie spjegat ghal diversi drabi b’mod pubbliku, l-Gvern se jkun qed iwaqqaf l-ewwel Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bħala parti mil-legat ta' Valletta 2018, skont kif miktub fil-Manifest Elettorali.

Applikazzjonijiet għall-kumpens għal ħsara mill-kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm-il applikazzjoni għal kumpens ġiet ippreżentata skont dak li jipprovdu r-Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12)sena b'sena, mis-sena 2012 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema reati kriminali kienu dawn it-talbiet, kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u x'inhu l-ammont ta' kumpens li tħallas?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar u għalhekk ir-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Talbiet pendenti dwar kumpens għal ħsara mill-kriminalità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet pendenti taħt ir-Regolamenti tal-2007 dwar Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità u li s-smigħ dwarhom kompla jsir taħt ir-Regolamenti dwar Skema għal Kumpens għal Ħsara kkawżata mill-Kriminalità (Leġislazzjoni Sussidjarja 9.12)? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema reati kriminali kienu dawn it-talbiet, kemm minnhom ġew aċċettati, kemm ġew rifjutati u x'inhu l-ammont ta' kumpens li ngħata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar u għalhekk ir-risposta ser tingħata f'seduta oħra.

Persuni li ċedew kawża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ċediet il-kawża fl-ismijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament sa nhar l-Erbgħa 28 ta' Frar 2018? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ċediet l-imsemmija kawża min-nhar il-Ħamis 1 ta' Marzu 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sal-5 t’April 2018 kien hemm 558 persuna li ċedew il-kawża indikata mill-Onor. membru. Dawn iċ-ċessjonijiet kienu maqsuma hekk: Sat-28 ta’ Frar kien hemm 456 persuna. Mill-1 ta’ Marzu sal-5 t’April kien hemm 102 persuni.

Qrati tal-Ġustizzja ta’ Malta u Għawdex – talbiet biex issir referenza preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

Question

Jista' l-Ministru jgħid mid-data tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kemm-il talba ġiet ippreżentata lill-Qrati tal-Ġustizzja ta' Malta u Għawdex sabiex issir referenza preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-talbiet u liema minn dawn it-talbiet ġew milqugħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Mid-data tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kien hemm tliet Referenzi Preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma s-segwenti: 1. Referenza Preliminari magħmula mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kawża AJD Tuna Ltd vs Direttur tal-Agrikoltura u s-Sajd et rigward il-validità u l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 530/2008 tat-12 ta’ Ġunju 2008 u l-validità tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) No 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002. Din ir-Referenza waslet quddiem il-Qorti Ewropea fis-17 ta’ Ġunju 2009 u ġiet deċiża mill-istess Qorti fis-17 ta’ Marzu 2011. 2. Referenza Preliminari magħmula mill-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża Vodafone Malta Ltd et vs L-Avukat Ġenerali et rigward Artikolu 12 u 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Din ir-Referenza waslet quddiem il-Qorti Ewropea fl-10 ta’ Frar 2012 u ġiet deċiża mill-istess Qorti fis-27 ta’ Ġunju 2013. 3. Referenza Preliminari magħmula mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kawża Malta Dental Technologists Association et vs Superintendent tas-Saħħa Pubblika et rigward id-Direttiva 2005/36/KE, rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, tekniki dentali, kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni fl-Istat Membru ospitanti, rekwiżit li tabib dentist ikun obbligatorjament intermedjarju, applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit fir-rigward tat-tekniki dentali kliniċi li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-Artikolu 49 TFUE. Din ir-referenza waslet quddiem il-Qorti Ewropea fid-29 ta’ Frar 2016 u l-istes Qorti tat s-sentenza tagħha fil-21 ta’ Settembru, 2017. Fir-rigward il-Qorti Kriminali ta’ Malta u l-Qorti ta’ Għawdex ma kien hemm l-ebda referenza preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Qorti Ċivili – sentenzi maqtugħa fil-Prim’Awla

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm inqatgħu sentenzi fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili mis-sena 2011 ‘il hawn, kull sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ kawżi li ġew maqtugħa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’Malta mis-sena 2011 ‘il hawn huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: SenaDeċiżiDegretatiĊedutiKanċellatiDeżertiOħrajnTotal 2011970252310276373 1,695 20121104242334235335 1,791 20131108250348172838 1,789 2014952238318172745 1,597 2015887292353203066 1,648 2016946252319252352 1,617 20171007214371183677 1,723 2018*16642685110292 * Sal-aħħar ta’ Frar 2018 L-ammont ta’ kawżi li ġew maqtugħa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’Għawdex mis-sena 2011 ‘il hawn huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: SenaDeċiżiDegretatiĊedutiKanċellatiDeżertiOħrajnTotal 20119048520923222 20129858361917219 20139137460913196 20148038363538200 20159342400028203 20168742300028187 20177630366027175 2018*56700725 * Sal-aħħar ta’ Frar 2018

Qorti Ċivili – kawżi pendenti quddiem il-Prim’Awla

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm kawżi pendenti quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili mis-sena 2011 ‘il hawn, kull sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ta’ Malta, mis-sena 2011 ‘il hawn kien kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: SenaKawżi pendenti 20114840 20124505 20134216 20144076 20153904 20163851 20173635 2018*3575 * Sal-aħħar ta’ Frar 2018 In-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ta’ Għawdex, mis-sena 2011 ‘il hawn kien kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: SenaKawżi pendenti 2011591 2012592 2013564 2014582 2015533 2016464 2017467 2018*475 * Sal-aħħar ta’ Frar 2018

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — persons of trusts

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 168, jista' issa l-Ministru jelenka l-kariga jew xogħol li kull person of trust li hemm fil-Ministeru tiegħu, qiegħed jokkupa?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-persons of trust fi ħdan l-Ministeru tal-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu huma dawk fis-Segretarjat, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Kunsill Malti tal-Arti, il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta' Malta, il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, iċ-Ċentru Malti għall-Arti Kontemporanja Internazzjonali, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, Heritage Malta, il-Fondazzjoni Centru Kreattivita’ u l-Qrati tal-Ġustizzja.

Kampanja edukattiva dwar indafa fil-lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-kampanja edukattiva li se ssir biex jiżdied l-għarfien dwar l-indafa fil-lokalitajiet? Jista’ jispjega xi proġetti hemm ippjanati fil-qasam tal-Gvern Lokali biex tiżdied l-indafa fil-lokalitajiet? F’dan ir-rigward ukoll, jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar dak li tħabbar fil-baġit biex ikompli jiżdied l-inforzar kontra min iħammeġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni diġà għaddejja kampanja fl-iskejjel ‘Flimkien għal Malta Nadifa’. Dan qed isir mis-Segretarjat Parlamentari għal-protezzjoni tal-konsumatur u V18 li taħtu taqa’ r-responsabbiltà ta’ din id-Diviżjoni, flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Diġà saru interventi f’disa’ skejjel u hemm il-ħsieb li f’dawn ix-xhur li ġejjin ikun hemm preżenza fi 13-il skola oħra. Ukoll min-naħa tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni din is-sena diġà nbeda l-infurzar f’diversi lokalitajiet sabiex dejjem jitnaqqas l-ammont ta’ nies li jabbużaw minn rimi illegali ta’ skart. Diġà hemm numru ta’ kontravenzjonijiet li ser ikunu qed jitressqu quddiem it-tribunali jew il-qorti hekk kif ikun meħtieġ. L-infurzar isir f’diversi ħinijiet tal-ġurnata skond kif ikun meħtieġ. Intant infurmat ukoll li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali imbarka fuq diversi inizjattivi li bihom fix-xhur li ġejjin se jkun qed jara li l-indafa f’pajjiżna titjieb. Fl-ewwel lok sa mis-sena l-oħra bdiet tinġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali sabiex ikollu stampa ċara tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-kuntratti tal-knis tat-toroq, il-ġbir tal-iskart domestiku, kif ukoll l-iskart riċiklat. Għadhom kif ġew ukoll konklużi key performance indicators sabiex matul din is-sena dawn jibdew jiġu osservati mill-Kunsilli Lokali kollha. Barra minn hekk, id-Dipartiment kien ukoll involut sabiex tħejja pjan strateġiku flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent dwar il-futur tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna, li għandu jwassal għal diversi tibdiliet fil-metodu ta’ kif nitrattaw dan il-qasam sensittiv. Mir-riċerka li twettqet, irriżulta li fost kollox, kważi l-Kunsilli Lokali kollha m’humiex se jagħmlu użu minn Contracts Manager biex jissorvelja x-xogħlijiet li jingħataw mill-kuntratturi tal-Kunsilli Lokali; sitwazzjoni li fid-dinja tal-lum mhix aċċettabbli. Matul din is-sena se nkunu ukoll qed naraw illi tidħol sistema moderna u adekwata ta’ management fit-twettiq ta’ servizzi u fuq kollox billi wkoll jibdew isiru performance audits għal servizzi li joffru l-Kunsilli Lokali. Id-Dipartiment qiegħed ukoll isostni kampanja edukattiva li ġiet imnedija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u Komunitajiet u li ser tasal fid-djar kollha dwar il-metodu tal-ġbir tal-iskart kif ukoll dwar is-servizzi li jingħataw mill-Kunsilli Lokali. Nifhem wkoll illi l-Ministru responsabbli mill-Ambjent se jkun qiegħed iħabbar diversi miżuri ta’ emendi fil-liġijiet relatati ma’ infurzar u immaniġġjar aħjar tal-iskart. Sadanittant minn naħa tal- LESA, preżentament assenjat uffiċċjal responsabbli illi qiegħed jaħdem mill-qrib mal- Kunsilli Lokali u jassistihom individwalment kemm bħala Infurzar kif ukoll bħala edukazzjoni fuq dan is-suġġett. Hemm il-ħsieb illi fil-futur qarib meta L-Uffiċjal tal-Kommunita ( Gwardjan Lokali ) jiġu trasferiti minn mas-settur privat għall mal – Lesa, jitwaqqaf tim f’kull Reġjun biex jeduka u jinforza aktar fis-settur tal- indafa ambjentali reġjonali.

Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja – talbiet biex jitneħħew sentenzi mogħtija mill-Qrati minn sit elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data preċiża ta' meta huwa ta struzzjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, sabiex fid-diskrezzjoni tal-istess Direttur Ġenerali jiddeċiedi li jaċċetta talbiet minn persuni li jkunu jixtiequ li jitneħħew sentenzi mogħtija mill-Qrati ta' pajjiżna mis-sit fl-indirizz http://justiceservices.gov.mt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-1 ta’ Novembru 2014 kienet saret talba biex sentenza ma tibqax tidher online. Kienet ittieħdet deċiżjoni biex is-sentenza ma titneħħiex minn fuq online. F’Jannar 2015 l-istess persuna bagħtet żewġ rikjesti oħra fejn insistiet li s-sentenza fil-konfront tagħha kellha titneħħa minn online għax kienet qed tiġi preġudikata biex issib impjieg, issa li kienet spiċċat bla xogħol. Din il-talba kienet ġiet diskussa mill-Amministrazzjonital-Qorti. Wara, f’Jannar stess il-materja b'mod generali ġiet diskuss waqt laqgħa fil-Ministeru. Irrid naghmilha cara li hawn si tratta ta' obbligu li jinkombi fuq data controller b'effett tal-ligi. Kien hemm qbil li talbiet simili kellhom jiġu evalwati u kkunsidrati mid-Direttur Ġenerali tal-Qrati bħala d-Data Controller, li taħtu taqa’ r-responsabilita` tas-sentenzi tal-Qorti li jkunu tqegħdu online.

Talbiet biex jitneħħew sentenzi mogħtija mill-Qrati minn sit elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il talba saret minn persuni sabiex jitneħħew sentenzi mogħtija mill-Qrati ta' pajjiżna mis-sit fl-indirizz http://www.justiceservices.gov.mt? Jista' jagħti d-data ta' meta saret kull waħda minn dawn it-talbiet, jindika għal kull waħda mit-talbiet jekk ġietx aċċettata jew miċħuda, jindika d-data ta' meta t-talba ġiet aċċettata jew miċħuda u jagħti l-okkju u d-data tas-sentenza li dwarha saret it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Sallum kien hemm 43 (tlieta u erbgħin) talba biex sentenzi ma jibqgħux jidhru online u mhux biex jitneħħew minn fuq is-sistema tal-Qorti. Meta jkun hemm talba biex sentenza ma tibqax tidher online, dan ma jfissirx li l-kaw¿a titneħħa mis-sistema tal-Qorti. In fatti fiċ-Ċivil, il-professjoni legali xorta jibqa’ jkollha aċċess għas-sentenzi minn fuq is-sistema tal-Lecam. Fir-rigward tal-kawżi kriminali matul din is-sena qed isir xogħol sabiex dawn ukoll ikunu aċċessibli għal professjoni legali minn fuq il-Lecam, irrispettivament jekk is-sentenza tkunx tidher online. Dan il-proċess ilu li nbeda mis-sajf li għadda u mistenni jkun lest aktar tard matul din is-sena. Saret talba waħda fit-2014. Kien hemm 21 (wieħed u għoxrin) talba fit-2017 u hemm 21 (wiehed u ghoxrin) talba fil-2018. Mill-43 (tlieta u erbgħin) talba li saret, 22 (tnejn u għoxrin) sentenza ma baqgħux jidhru online , kien hemm talba waħda fejn is-sentenza ma tneħħietx u t-talbiet rimanenti għadhom qed jiġu evalwati. Fid-dawl tad-deċizjoni li ttieħdet mid-‘ Data Controllor’ biex dawn is-sentenzi ma jibqgħux jidhru online għall-pubbliku in ġenerali, wara li ġew meħudha nkonsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fid-dawl tad- Data Protection Act , tad- Data Protection Directive (95/46/EC) tal-1995 u aktar riċenti tad- Data Protection Regulation ( EU 2016/679) li ser tidħol fis-seħħ, u partikolarment Art. 17 tal-istess, ma jkunx opportun li dawn is-sentenzi jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra sabiex jigu rispettati l-prinċipji tar-Regolamenti u Direttivi appena ċitati. Madanakollu, sabiex tkun assigurata l-ogħla livell ta’ trasparenza qed ikun suġġerit li Onor. Membru javviċina lid-‘ Data Controller’ tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn b’mod kunfidenzjali ikun jista’ jara bil-liberta` kollha kopji tal-istess sentenzi u l-korrispondenza idoneja relattiva.