Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #14763 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilliera u Sindki — job description

Question

Issa wara li saret ir-rifoma, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk teżistix job description li kull sindku/ viċi sindku u kunsillier huwa mistenni minnu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont Artikolu 25 tal-Att dwar Kunsilli Lokali (KAP 363) li jittratta dwar il-kariga tas-Sindku, kull Kunsillier għandu jiġi assenjat qasam speċifiku li huwa għandu jsegwi u jirraporta dwaru fil-Kunsill Lokali. Dan jista’ ikun ifisser ukoll illi Kunsillier jifforma u jippresjedi kumitat sabiex jaħdem f’dak il-qasam partikolari. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12010 fejn poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi ir-responsabbiltajiet tal-Kunsillieri kollha.
Leg 11 PQ #14900 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — miżati għal min jarma fuq il-monti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsill lokali jistax jagħmel miżata marbuta mal-permess biex tarma fuq l-monti ta' dak il-lokal? Hemm xi regolatur li jgħid kemm ghandhom jkunu dawn il-mizati u l-flus li jinġabru? Jekk huwa permess dan, għal liema skop jintużaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-Avviż Legali 119 tal-2002 (Regolamenti ta’ l-2002 dwar Attivitajiet li jeħtieġu Permess mill-Kunsilli Lokali), biex wieħed jiġġestixxi xi attività kummerċjali minn xi post jew f’xi suq fil-beraħ f’xi lokalità dan għandu jikseb liċenza mill-Awtorità Regolatorja maħtura mill-Ministru responsabbli għall-kummerċ. Barra minn hekk irid iġib l-awtorizzazzjoni li jwettaq din l-attività mill-Kunsill Lokali tal-lokalità partikolari.
Leg 11 PQ #14995 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumpaniji/individwi — impjieg ta' nies b'paga baxxa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm minn Ġunju 2009 fejn kumpaniji/individwi nqabdu jimpjegaw nies u jħallsuhom b'anqas mill-paga minima? Jista' jgħid liema kienu u x'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15356.
Leg 11 PQ #15277 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — fire and safety reports

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' fire and safety reports li ġew mitluba matul l-2009 għall-applikazzjonijiet pendenti li kien hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Fire and Safety Report li jintalab fuq ċerti applikazzjonijiet huwa parti mid-dokumenti mitluba u fis-sistema elettronika tal-MEPA ma tinżammx statistika ta’ kemm jintalbu rapporti minn din ix-xorta. Għaldaqstant ma hemmx mod kif tista’ tinġabar din l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #15334 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — xogħlijiet ta' tisbiħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti hekk kif approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għax-xogħlijiet ta' tisbiħ li se jsiru f'Xatt ir-Risq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u dokumenti approvati għall-iżvilupp imsemmi.
Leg 11 PQ #15417 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — skema finanzjarja msejħa Għajnuna lill-Kunsilli Lokali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14766 jista' l-Prim Ministru jwieġeb u jikkonferma meta approva l-policy għall-għajnuna finanzjarja biex ikun jista’ jsir rapport tekniku socjo-ekonomiku (E.I.A.) dwar l-impatti li jkunu se jolqtu lil-lokalità tagħhom negattivament, liema għajnuna finanzjarja ma taqax taħt l-Art 33 tal-Att Dwar il-Kunsilli Lokali. Il-policy qegħda taħt il-heading, “Għajnuna lill-Kunsilli Lokali sabiex jippreparaw rapporti dwar proġetti ta’ ċertu kobor li jkunu proposti li jsiru fil-lokalità tagħhom”. 1) Meta l-policy ġiet fis-seħħ? 2) Meta ġew mgħarrfa formalment il-kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex? 3) Meta applika l-Kunsill Lokali tal-Qala? 4) Il-Kunsill Lokali tal-Qala qatt tħallas taħt din il-policy jew le, dan aktar u aktar billi fil-gazzetta The Times tad- 9 ta' Ġunju 2008, intqal li l-Kunsill Lokali tal-Qala kienu tħallsu taħt din l-policy? 5) Kemm kien hemm talbiet oħrajn pendenti? 6) Kemm minnhom ġew aċċettati? 7) Kemm minnhom ġew rifjutati u liema kienu fiż-żewg każi? 8) Inkisbet awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi qabel ma nħarġet din l-policy? 9) Jista' jgħid jekk għadhiex fis-seħħ? Nitolb lill-Prim Ministru ġentilment tirreferi ukoll għall-kopja tal-policy relevanti li ngħatat mill-Ombudsman lil terzi, liema policy ingħata lilu minn Dr Chris Said innifsu, kif ukoll għal dak li qal verbatim Dr Chris Said waqt il-program fuq SMASH TV "KLIEM U FATTI" flimkien ma' artiklu li kien deher f'The Times tad-9.6.08 in konnessjoni mal-mistoqsija 14766 li qatt ma ġie kkoreġut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15798.
Leg 11 PQ #15423 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MCESD — Civil Society Committee - numru ta' laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' s-Civil Society Committee fi ħdan l-MCESD miċ-chairperson tal-MCESD skont il-liġi, xahar b'xahar fl-aħħar sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Saru diversi laqgħat mill-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fl-aħħar sena kif ġej: 19 ta’ Jannar 2009 30 ta’ Jannar 2009 9 ta’ Frar 2009 13 ta’ Frar 2009 14 ta’ Frar 2009 20 ta’ Frar 2009 20 ta’ Marzu 2009 22 ta’ Mejju 2009 10 ta’ Ġunju 2009 12 ta’ Ġunju 2009 13 ta’ Ġunju 2009 22 ta’ Ġunju 2009 2 ta’ Lulju 2009
Leg 11 PQ #15512 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsilli lokali — informazzjoni dwar allokazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji, lokal b'lokal, lill-kunsilli lokali matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali għas-sena 2010. Dwar is-snin preċedenti u ċioé is-snin 2006/2007 sal-2009/10, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Paralamentari numru 7608. Ta’ min issemmi li għas-sena finanzjarja 2009/10, b’konsegwenza tal-bidla fis-sena finanzjarja tal-Kunsilli Loakli li issa ġiet sena kalendarja, il-Kunsilli irċevew 75% tal-allokazzjoni ivvutata.
Leg 11 PQ #15513 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kunsill lokali — threshold bħala direct order

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema xogħol u kemm hu t-threshold (fl-ammont) li kunsill lokali jista' jagħti bħala direct order?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-Regolamenti dwar Kunsilli Lokali (Finanzi), Ordnijiet, kuntratti, kull ftehim jew oġġetti li ma jkunux jeċċedu elf, mija u erbgħa u sittin euro u disgħa u sittin ċenteżmu (€ 1,164.69) jistgħu jinxtraw permezz ta’ direct order mill-Kunsill kemm il-darba ma jinxtrawx oġġetti ta’ l-istess xorta f’perjodu ta’ erba’ xhur konsekuttivi.
Leg 11 PQ #15559 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sliema/Gzira — Rue D'Argens, Pompa tal-Petrol

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15207 u 14912 u l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 14786 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: jekk l-operatur tal-pompa tal-petrol fin-naħa ta’ fuq ta’ Rue D’Argens Sliema/Gżira għandux il-permessi kollha meħtiega biex jopera skont il-liġi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15977.
Leg 11 PQ #15560 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Contracts of Services

Question

Jista' l-Prim Ministru bħala Kap tas-Servizz Ċivili jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15209, 14911 u 14752 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Contracts of Service, tal-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mill-perjodu tal-1 ta' Mejju 2004 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15976.
Leg 11 PQ #15580 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — sheds għall-baqar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħalissa biex jinbnew sheds għall-baqar, madwar Malta u Għawdex, rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha pendenti quddiemha sitta u għoxrin (26) applikazzjoni fejn fil-proposta hemm indikat ċar li l-iżvilupp jinkludi bini jew estensjoni ta' sheds għaż-żamma tal-baqar. Għoxrin (20) minn dawn l-applikazzjonijiet jirrigwardaw siti ġewwa Malta u s-sitt (6) applikazzjonijiet l-oħra jirrigwardaw siti ġewwa Għawdex. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "razzett", "rziezet", "maqjel", " farm/s ", "baqra", "baqar", "barri", " għoġol", " għoġiela", " calf ", " calves ", " dairy "," cow/s ", " cattle ", jew " bull/s ".
Leg 11 PQ #15623 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qasam tal-Cruiseliners — xejra negattiva

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għalfejn qed tirranka xejra negattiva fil-qasam tal-cruiseliners, partikolarment wara d-deċiżjoni li n-Norwegian Gem ma tibqax taħdem f'Malta u biċ-ċans li l-Costa Cruises tagħmel l-istess? Veru li l-problema hi waħda ta' spejjeż relatati mal-Port Malti? Xi pjanijiet għandu l-gvern biex jilqa' għal dan d-debuckle?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-VISET, l-operatur tal-cruise u ferry terminal, fil-Port il-Kbir, qegħda tantiċipa żieda fin-numru ta’ passiġġieri din is-sena meta mqabbla mas-sena l-oħra. Din iż-żieda sejra sseħħ minkejja li n- Norwegian Cruise Line sejra tnaqqas il-vjaġġi tagħha lejn u minn Malta. Dan it-tnaqqis jirrifletti d-deċiżjoni tal-linja biex tvarja l-itinerarju tagħha u tikkonċentra aktar fuq cruises fil-Mediterran tal-Lvant u m’għandu x’jaqsam xejn mal-ispejjeż tal-Port Malti. Ngħid ukoll li l-linji tal- cruise internazzjonali jirrikonoxxu lil Malta bħala destinazzjoni li tirreġistra sodisfazzjon qawwi mill-passiġġiera. Dan il-fatt kien rikonoxxut partikolarment mis-suq Spanjol bil-premju li għadu kif ingħata lil VISET ta’ l-aħjar port internazzjonali fil-Mediterran. Il-Gvern iżomm kuntatt regolari mal-VISET fl-isforzi tagħhom biex dejjem itejbu l-kwalità tas-servizzi biex ikattru n-numru ta’ passiġġiera li jiġu Malta fuq il- cruise liners .
Leg 11 PQ #15631 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

proċedura kriminali kontra employers — ksur ta' kondizzjonijiet ta' impjieg

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il proċedura kriminali ttieħdet kontra employers minħabba ksur ta' kondizzjonijiet ta' impjieg xahar b'xahar fl-aħħar sentejn? Kemm minn dawn ittieħdu wara ilment minn parti leza? Kemm minn dawn ittieħdu ex ufficio?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Proċeduri kriminali dwar reati kontra d-dispożizzjonijiet tal-Kap. 452 (Att Dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali) jitressqu mill-Pulizija wara li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impieg jagħmel rapport dwar il-każ u jitlob li jiġu inizjati proċedimenti kriminali kontra min għamel ir-reat. Reati kontra d-dispożizzjonijiet tal-Kap. 452 jirriżultaw lid-Dipartiment jew minn spezzjonijiet li jsiru regolarment minn Spetturi tad-Dipartiment fuq il-postijiet tax-xogħol jew wara investigazzjoni mill-istess Dipartiment ta’ lmenti li jaslulu mill-individwi konċernati. Qabel ma ssir it-talba biex jittieħdu proċeduri kriminali, l-ilmenti li jsiru minn individwi jiġu investigati kollha mill-Ispettur tad-Dipartiment biex jiġi aċċertat li l-ilment huwa fondat. Fejn meħtieġ, l-aktar meta min iressaq l-ilment ikun irid jibqa’ anonimu (aktarx għaliex ikun għadu fl-impieg) issir spezzjoni fuq il-post tax-xogħol. It-talba tad-Dipartiment biex jiġu inizjati l-proċeduri kriminali in kwestjoni ssir wara li d-Dipartiment ikun eżawrixxa t-tentattivi kollha sabiex jintlaħaq ftehim bonarju ma’ min ikun ser jiġi akkużat bir-reat jew reati. Bejn l-2008 u l-2009 id-Dipartiment għamel total ta’ 2,870 spezzjoni fuq postijiet tax-xogħol fejn sab 5,448 irregolaritajiet li minnhom, bl-inizjattivi tad-Dipartiment, 5,093 ġew riżolti bonarjament. Saru wkoll 657 ilment wara terminazzjoni ta’ impieg li minnhom 325 ġew riżolti bonarjament. Matul l-aħħar sentejn, il-proċeduri kriminali li ttieħdu kontra employers minħabba ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ impjieg kienu skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #15633 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Ewropea — infringment procedure

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti referenza qasira ta' kull kwestjoni li dwarha l-Kummissjoni Ewropea bdiet infringment procedure, sew jekk fi stadju ta' twissija inizjali u sew jekk fl-istadju ulterjuri? Kemm minnhom ġew riżolti? Kemm minnhom huma pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-ewwel parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant qed isaqsi dwar il-każijiet t'allegat ksur miġjuba kontra Malta mill-Kummissjoni Ewropea, sew jekk fi stadju ta’ twissija inizjali u sew jekk fl-istadju ulterjuri. Il-bażi legali għall-proċedura miġjuba mill-Kummissjoni Ewropea kontra Stat Membru fuq allegat ksur ta obbligu taħt it-Trattati hija l-Artikolu 258 (ex Artikolu 226 TKE) u l-Artikolu 260 (ex Artikolu 228 TKE) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Ksur skond l-Artikolu 258 L-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond it-Trattati, hija għandha toħroġ opinjoni motivata wara li tagħti lill-Istat interessat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk l-Istat in kwistjoni ma jikkonformax ma’ dik l-opinjoni fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar tista’ tirreferi l-kaz lil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. Jekk il-Qorti ssib li Stat Membru jkun naqas milli jikkonforma ma l-obbligi taħt it-Trattati, l-Istat ikkonċernat jintalab jieħu miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’każ li Stat Membru ma jikkonformax mad-deċiżjoni li tkun ħadet il-Qorti taħt l-Artikolu 258, dan jista’ jwassal biex il-Kummissjoni tipproċedi kontra l-Istat Membru kkoncernat skond l-Artikolu 260. Ksur skond l-Artikolu 260 L-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ssib li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu taħt it-Trattati, l-Istat ikun marbut li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimxi mas-sentenza tal-Qorti. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri biex jimplimenta s-sentenza tal-Qorti, din tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti wara li tagħti lil dak l-Istat l-opportunità li jippreżenta l-oservazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li għandu jħallas l-Istat Membru konċernat li hi tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkostanzi. Jekk lill-Qorti jirriżultalha li l-Istat Membru involut ma jkunx mexa skond is-sentenza tagħha, din tista' timponi fuqu l-ħlas ta’ somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta’ penalità. Madanakollu, meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 258, fuq il-bażi li l-Istat Membru konċernat ikun naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skond il-proċedura leġislattiva, din tista', meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta' ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penali li għandu jħallas l-Istat Membru konċernat u li hi tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkostanzi. Jekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta' liġi tista' timponi l-ħlas ta' somma f'daqqa jew ta' pagamenti ta' penalità fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha. Każijiet fejn il-Kummissjoni bdiet proċeduri k ontra Malta fuq allegat ksur ta’ l-Acquis Komunitarju Mit-387 każ miġjub kontra Malta mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropa fl-2004 sa’ llum, Malta issa għandha total ta’ 32 każ pendenti. 19 minn dawn il-każi huma fl-istadju inizjali tagħhom, allura biex nużaw it-terminoloġija korretta, huma ittri ta’ Tqegħid fil-Mora. Kif jirreferi għalihom tajjeb l-Onorevoli Interpellant, dawn il-każi huma twissijiet inizjali fejn il-Kummissjoni tkun qed titlob lil-Gvern biex jagħti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-każ li fuqu tkun bagħtet l-argumenti tagħha l-Kummissjoni. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tiddeċiedi għandhiex tipproċedi fuq l-allegat każ ta’ ksur jew twaqqafx għal kollox l-proċeduri kontra Malta. Malta wkoll irċeviet 8 Opinjoni Motivata li għadhom miftuħa, u għandha 5 każi t'allegat ksur li huma pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jew li fuqhom ittieħdet deċizzjoni mill-istess Qorti. Huwa importanti li-wieħed jenfasizza li Malta qatt ma weħlet multi u lanqas hi nvoluta fi proċeduri li jistgħu jwasslu għall-multi taħt Artikolu 260 tat-Trattat. Għaldaqstant, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-figuri li juru n-numru ta’ każijiet t’allegat ksur miġjuba kontra Malta mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-Artikolu 258 (ex Artikolu 226) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea (Annes I). Qiegħed inpoġġi wkoll lista fejn huma msemmija it-387 każ miġjuba kontra Malta mill-Kummissjoni Ewropea (Anness II).
Leg 11 PQ #15639 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' titjib tal-Mediterranean Conference Centre

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha, inkluż id-dokumentazzjoni relattiva, li għaddiet bejn il-Gvern u l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament dwar proġett ta' titjib tal-Mediterranean Conference Centre? Xi stima inizjali għandu l-Gvern dwar kemm ikun jiswa dan ix-xogħol kif prospettat mill-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? X'pariri oħra kellu l-gvern dwar ir-revamp tal-Mediterranean Conference Centre? Minn min? B'kemm flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16033.
Leg 11 PQ #15677 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

re-use, recycling u recovery

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15332 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14749, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għar-rigward tas-snin 2007, 2008 u 2009?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15960.
Leg 11 PQ #15678 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15303, 14746 u 13685 u ċioe: billi dan l-aħħar poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ internal email tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn deher ċar li l-Uffiċċju tad-Direttorat tal-Ippjanar kien irrikkmanda li m'għandhom isiru ebda kuntatti diretti mal-Uffiċċju tal-Awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista' l-Prim Ministru jirrikonċilja dan ma' tweġiba parlamentari preċedenti fejn ingħatajt x’nifhem li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qatt ma kienet ħarġet struzzjonijiet simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15959.
Leg 11 PQ #15692 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

information boards biex ikunu ta' għajnuna għat-turisti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li f'dawk il-lokalitajiet fejn hemm ħafna faċilitajiet turistiċi, kemm pubbliċi, kif ukoll privati, jitqiegħdu information boards f'diversi inħawi tal-lokalità biex il-viżitaturi jkunu f'qagħda aħjar li japprezzaw il-faċilitajiet u l-inħawi oħra ta' importanza li jkun hemm fl-istess lokalità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu taħdem ma’ aġenziji oħra, fosthom kunsilli lokali, sabiex tgħin biex isiru inizjattivi li jgħinu lit-turist jikseb informazzjoni inkluż permezz ta’ Information Boards. Fil-passat ġew ko-finanzjati diversi proġetti ta’ kunsilli lokali fejn saru information boards, heritage trails, walks u anke mapep turistiċi ta’ lokalitajiet. Fil-fatt, bħalissa, l-MTA qed tiddiskuti ma’ aġenzija oħra tal-Gvern sabiex isir evalwazzjoni ta’ proġett simili f’lokalitajiet storiċi f’Malta.
Leg 11 PQ #15696 Sitting 214 2010-05-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pjanta ta' partijiet tas-Simar li għaddew għand il-Birdlife Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi liema partijiet tas-Simar/masġar taż-żebbuġ ħdejn il-bajja tax-Xemxija, fil-fatt għaddew lill-Birdlife Malta? X'kundizzjonijiet hemm fil-ftehim dwar iż-żamma tal-istess post? Kif jiġi garantit li dawn il-kundizzjonijiet jiġu osservati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tas-Simar sit protett skont Avviż Legali 41/03. Dan is-sit huwa wieħed mis-siti Maltin li huma protetti u dikjarati bħala siti Natura 2000. Il-linja skura tindika l-konfini tas-sit tas-Simar li skont il-Ftehim ta’ Ġestjoni (Management Agreement) u l-pjan ta’ Ġestjoni (Management Plan) tas-sit protett huwa mmaniġjat mill-BirdLife Malta (BLM). Il- BirdLife Malta tipprepara Pjan ta’ Ġestjoni għall-post. Dan il-pjan jiġi analizzat mill-esperti tal-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u diskuss mall-BLM taħt il-ħarsien tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.Il- BirdLife Malta tirraporta lill-MEPA u lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar it-twettiq tal-pjan. Il-Pjan ta’ Ġestjoni jiġi rrivedut kontinwament sabiex dejjem jitjiebu r-riżultati tal-immaniġġjar tas-sit. Il-BLM u l-MEPA jaħdmu id f’id u l-kriterji ambjentali u dawk tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati huma mħarsa taħt il-Ftehim ta’ Ġestjoni li jkun approvat mill-Ministeru kkonċernat, il-MEPA u l- BirdLife Malta .