Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ilha li ġiet varata l-aħħar National Sexual Health Strategy u f’liema sena ġiet varata?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-aħħar Politika Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali kienet varata f’Novembru 2010. Wara perjodu ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders ġiet ippublikata Strateġija dwar is-Saħħa Sesswali f’ 2011. Ninfurmaha ukoll illi bħalissa qed isir xogħol fuq National Sexual Health Strategy ġdida.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm il persuna hija impjegata jew tagħmel xogħol fil-GU clinic u jindika l-post li fih huma impjegati u jagħmel dan
għal kull sena sa mis-sena 2013?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt li qed tindika n-numru ta’ mpjegati li għamlu u qed jagħmlu xogħol fil-GU clinic mill-2013 sal lum. Ninfurmaha ukoll illi għall-ewwel darba din is-sena fil-GU Clinic hemm 2 konsulenti mediċi jagħtu servizz..
Sena
2013
2014
2015
2016
2017
2018
2019
2020
2021
Numru ta' ħaddiema
3
3
4
5
6
5
6
6
6
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara x’inhi r-raġuni għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadu ma ngħatax trattament li ilu jistenna żmien?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.
Ministeru għas-Saħħa — tender/direct order lill-kumpanija
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18207, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx tender jew direct order lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sissa? Jekk iva, jista' jagħti l-informazzjoni sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-2013 sal lum ma ngħata l-ebda tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, mill-entitajiet/dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu vaċċinati l-psikologiki li jaħdmu fil privat peress li dawn jagħmlu one to one sessions u jkollhom exposure ma' kull klijent ta' madwar siegħa u bħalissa minħabba l-effetti tal-pandemija huma professjonisti li aktar minn qatt qabel huma ferm meħtieġa u imfittxija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jimxi fuq strateġija għat-tilqim kontra l-Covid 19 billi jagħti prijoritajiet lill-gruppi ta’ nies li huma l-aktar f’riskju ta’ kumplikazzjonijiet f’każ ta’ kuntatt dirett ma dan il-virus.
Tilqima tal-Covid-19 lil persuni li rċivew trapjant ta' organu
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta persuni li rċevew trapjant ta' organu sħiħ se jirċievu t-tilqima kontra l-Covid-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li rċevew trapjant ta' organu sħiħ huma meqjusa bħala vulnerabbli, u bdew jirċievu t-tilqima kontra l-Covid-19 mill-ġimgħa li għaddiet.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta s-servizz tal-Occupational Therapy se jerġa’ jibda jsir normali (u mhux virtwali) bħalma qed jingħataw servizzi oħra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizzi tal-Occupational Therapy qed jingħataw b’mod fiziku fl-isptar Mater Dei, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fl-isptar Karen Grech, fl-isptar Ġenerali t’Għawdex, fl-isptar Monte Karmeli u fir-rehabilitation Centres, fir-residenzi u djar tal-Anzjani (li tinkludi ukoll servizzi fil-komunita’), fid-Dementia Intervention unit, kif ukoll f’Sonia Tanti Independent Living Centre li taghmel parti mill-Agenzija sapport. Fil-kaz tal-pazjenti tas-CDAU dawn is-servizzi qed jinghataw b’mod virtwali.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18924 u jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra il-lista ta’ konsulenti li ġew maħtura mill-2019 sal lum sabiex jagħtu servizzi mal-Ministeru għas-Saħħa. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi l-maġġoranza kbira ta’ dawn il-konsulenti jagħtu servizz mediku fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm:
a. hu n-numru ta’ persuni vulnerabbli ġewwa Malta u Għawdex;
b. hu l-persentaġġ minnhom li diġà ħadu l-ewwel vaċċin tal-COVID-19; u
c. hu l-persentaġġ minnhom li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin tal-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni vulnerabbli ġewwa Malta u Għawdex huwa 23,191. Il-persentaġġ minnhom li diġà ħadu l-ewwel vaċċin tal-COVID-19 huwa 13.6%.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid:
a. kemm hu n-numru ta’ persuni ’l fuq minn 90 sena, 85 sena u80 sena f’Malta u Għawdex; u
b. x’persentaġġ minnhom irċievew l-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin tal-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal lum ħargu il-fuq minn 10,000 invit għal dawk il-persuni ta’ bejn 80 u 84 sena. Li minnhom sa issa il-fuq minn 65% diġa’ ħadu l-ewwel doża tat-tilqima tagħhom. It-tilqim fl-eta’ ta’ 80-84 għadu għaddej u għadhom qed jintbagħtu inviti lil dawk il-persuni li ma rċevewx l-invit id-dar. Għal aktar informazzjoni rigward persuni ’l fuq minn 85 sena, nitlobha tirreferi għat-tabella t’hawn taħt.
Eta’
Numru ta’ persuni
% L-Ewwel Doża
% It-Tieni Doża
85-89
6586
90%
68%
90+
3049
85%
62%
Roll out tal-vaċċin tal-COVID-19 – parteċipazzjoni tat-tobba fil-privat
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet mar-rappreżentanti tat-tobba fil-privat biex jipparteċipaw fil-roll out tal-vaċċin kontra l-COVID-19 u jekk fl-affermattiv, f’liema stadju waslu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed isiru diskussjonijiet kif tobba privati jistgħu jappoġġjaw ir-roll out tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
Ċentru tas-Saħħa Birkirkara – Dipartiment tal-Podoloġija
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta hija skedata t-tlestija fix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fid-Dipartiment tal-Podoloġija fiċ-Ċentru tas-Saħħa f'Birkirkara? Jista' jindika jekk hemmx pjan li l-appuntamenti jibdew jingħataw aktar regolari u mhux kull tmien ġimgħat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-proġett mistenni jkun lest sas-sajf li ġej. Ninfurmah ukoll illi rigward appuntamenti, dawn jingħataw mill-podjatra abbażi tal-ħtiġijiet tal-pazjent. Sabiex l-hin ta’ stennija dejjem jittaffa matul dawn ix-xhur tal-pandemija d-Dipartiment tal-Kura Primarja introduċa s-servizz tal-podjatrija f'numru ta' kliniċi fil-komunita’ bħala parti mill-outreach programme. Dan is-servizz mistenni jibqa’ anke wara l-pandemija.
Sptar Monte Karmeli – persuni ammessi u rikoverati
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni ġew ammessi fl-Isptar Monte Karmeli tul l-2020 u jista’ jindika kemm kien hemm persuni rikoverati sal-aħħar tas-sena 2020?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2020 kien hemm 1637 persuna li ġiet ammessa fl-isptar Monte Karmeli. Minn dawn kien hemm 1461 persuna li ġiet discharged u 1072 minnhom ma kellhomx bżonn aktar trattament mill-istess sptar.
Persuni li jkunu se jakkumpanjaw persuna għall-kura barra minn Malta – tilqima kontra l-Covid-19
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li dik il-persuna (ġeneralment qarib sew tal-pazjent/a) li tkun ser takkumpanja pazjent/a għall-kura barra minn Malta, hux se tingħata hi ukoll it-tilqima kontra l-Covid-19 bħall-pazjent,?
Response (FEARNE, CHRIS)
Iva, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li jakkumpanjaw pazjent li jmur għall-kura barra minn Malta minn din il-ġimgħa se jibdew jingħataw t-tilqima kontra l-Covid-19.
Peress li fir-risposta li ta għall-mistoqsija parlamentari 32788 fis-seduta tal-11 ta' April 2017 tal-XII-il leġislatura, il-Ministru kien qal li "wara li fl-aħħar ġimgħat beda x-xogħol ta' kostruzzjoni tal-iskola medika ta' Barts, la darba joħorġu l-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar, jibda x-xogħol fuq il-kumplament tal-kampus tal-isptar." u peress li fir-risposta li ta l-istess Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18163 fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2021, il-Ministru qal "li l-gvern qed jagħmel valutazzjoni tal-ftehim attwali mal-Konċessjonarju privat u li aktar informazzjoni ssir pubblika ladarba l-gvern iddiġerixxi b'mod eżawrjenti r-riżultat ta’ din il-valutazzjoni li qed titwettaq." jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għala l-Konċessjonarju Privat ma bediex ix-xogħol fuq il-kumplament tal-kampus tal-isptar kif kien previst f'April 2017? Jista’ jikkonferma jekk il-Konċessjonarju Privat ottjeniex il-permess għal dan l-isptar akut ġdid? Jidhirlux li dan id-dewmien biex jinbeda u jitlesta l-isptar akut f'Għawdex hu ta' detriment għall-poplu residenti f'Għawdex u wasal iż-żmien illi jintemmu d-diskussjonijiet mal-Konċessjonarju privat li ma kienx kapaċi jibda, aħseb u ara kemm jispiċċa dan il-proġett u jinbeda dan il-proġett ta' sptar akut ġdid mingħajr aktar dewmien?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern u l-Konċessjonarju għaddejin b’taħdidiet sabiex tinstab soluzzjoni għal dak li semma hu, primarjament fl-interess tal-pazjenti Għawdxin u Maltin.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġiet tiswa l-binja tal-iskola medika ta' Barts f'Għawdex u min ħareġ il-flus għal din il-binja? Kemm qed iħallas il-gvern lill-Konċessjonarju Privat sabiex din il-binja tintuża bħala skola medika? Kemm qed iħallas il-Konċessjonarju Privat f'ċens fis-sena għall-art li qed tokkupa din l-iskola medika? Għala f'din il-binja ma tqisietx il-possibilità li jkun hemm helipad fuq is-saqaf tagħha?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt bejn il-Gvern Malti u Queen Mary University London jispeċifika l-faċilitajiet infrastrutturali u apparat meħtieġ fl-iskola medika ta’ Barts. Din l-infrastruttura ġiet mibnija u ffinanzjata minn Steward Healthcare Malta, u bħalissa qed tintuża minn Barts biex minnha isir tagħlim lill-istudenti tal-mediċina.
Il-Gvern iħallas għal dan, is-somma ta’ Ewro 1.2 miljun fis-sena lil
Steward Healthcare
, liema somma titla bir-rata ta inflazzjoni, sakemm din ma tkunx anqas minn 2 punti perċentwali kull sena.
Iċ-ċens li obligat iħallas il-konċessjonarju fuq l-artijiet mgħoddija lilu huwa ta’ Ewro 525,000 kull sena.
Il-Gvern intenzjonat li tinbena helipad fuq il-binja ġdida tal-isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex b’hekk tifforma parti integrali mill-faċilitajiet li ser ikollu l-isptar ġdid li meħtieġ jinbena f’Għawdex.
Ministeru għas-Saħħa — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa u l-entitajiet/dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu ma hemm l-ebda ftehim kollettiv li skada filwaqt li nżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’sistema qed tintuża biex jingħata l-vaċċin tal-COVID-19, skont id-data tat-twelid jew skont l-aħħar numru tal-karta tal-identita tal-individwu? Jekk skont l-aħħar żewġ numri tal-karta tal-identità, il-Gvern huwa konxju li hemm anzjani li kienu jgħixu barra minn Malta u l-aħħar żewġ numri ma jreġux mad-data tat-twelid?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tim li qiegħed imexxi l-programm tal-vaċċin qiegħed jużi numru ta’ databases sabiex jassigura illi d-data li tintuża tkun korretta. Fejn ikun possibbli sabiex tingħata l-vaċċin tal-COVID-19, qegħda tintuża d-data tat-twelid.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fir-rigward tal-applikazzjoni għall-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar, jekk sarx ix-xogħol ta' alterazzjoni fir-rampa li hemm fin-naħa t'isfel taċ-Ċimiterju tal-Mosta? Jekk le, meta ser isir dan ix-xogħol?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent qed issir komunikazzjoni mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita rigward il-pendil tar-rampa in kwistjoni. Dan peress li l-pendil propost mhux se jkun kif rikjest fil-linji gwida tal-istess Kummissjoni minħabba raġuni ta’ spazju u l-mod kif inhuma mibnija l-oqbra fiċ-Ċimiterju.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Intepellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.