B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19694 jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-indizji li jikkonferixxu fuq l-uffiċjali tal Administrative Law Enforcement l-poter awtomatiku sabiex arbitrarjament jidħlu fi proprjetà privata jippruvaw isibu xi irregolarità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20219.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-pulizija qegħda tkun diskriminatorja fil-konfront biss tal-kaċċaturi u nassaba u fl-ebda ħin ma tapplika l-poteri konferiti lilha bl-Att dwar l-Armi fil-konfront tal-pubbliku in ġenerali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġa' kellhi l-okkazjoni ninforma lill-Kamra fl-esekuzzjoni tad-doveri u dmirijiet tagħha, l-Pulizija dejjem taġixxi skont il-liġijiet tal-pajjiz. Però jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b’xi każ fejn il-Pulizija aġġixxiet mod ieħor, inħeġġu sabiex jirraporta tali aġir lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dan ikun investigat skont il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet fil-Qorti ta' missirijiet li telqu mid-dar minħabba li sseparaw u mhux qed jagħtu manteniment tat-tfal lill-ex-partner/mara tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Qorti tal-Maġistrati, Malta u Għawdex hemm 179 każ pendenti kontra missirijiet li ma tawx manteniment tat-tfal lill-ex partner/mara tagħhom però mhux possibbli jingħad jekk dawn il-persuni telqux mid-dar minħabba li sseparaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm detention officers mal-klandestini? Kemm hu s-salarju tagħhom fix-xahar? Jista' jikkonferma jekk hemmx persentaġġ mill-istess salarju li jitħallas minn fondi mill-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, kemm hu dan l-ammont? Kif inhu paragunat il-ħlas tad-detention officers Maltin ma dawk f'pajjiżi oħra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 177 impjegati bħala Temporary Detention Services Officers . Infurmat ukoll li s-salarju bażiku ta' dawn l-uffiċjali huwa l-minimu ta' Skala 14 jiġifieri, €12,132.00 fis-sena u li ebda persentaġġ mill-istess salarju ma jitħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Għassa ta' Bormla biex il-fond, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li hu tal-gvern u li ilu snin vojt u abbundanat, ma jibqax jintefa' ħmieġ fih minn persuni irresponsabbli?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, filwaqt li s'issa, l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar tfih ta' ħmieġ fil-post imsemmi, il-Pulizija se tieħu l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li bħalissa jinsabu fil-Faċilità Korettiva ta' Kordin? Ta' liema nazzjonalità huma dawn il-persuni? Fil-każ tal-Maltin jew barranin li kienu residenti f'Malta qabel daħlu fil-faċilità, minn liema lokalitajiet huma dawn il-persuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, sal-10 ta' Ottubru, 2010, in-numru ta' persuni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien ta' 589. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni aktar dettaljati.
Attachments:20177 - No of Inmates & Nationality.xls
Raid tal-pulizija fil-każin nazzjonalista tal-Mosta
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le dak li deher fil-ġurnal tal-Ħadd, 10 ta' Ottubru 2010 fejn ġie rapportat illi uffiċjali tal-Pulizija avżaw minn qabel illi kellu jsir raid tal-Pulizija fil-Każin Nazzjonalista tal-Mosta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ma jirriżultax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta' separazzjoni u annullamenti pendenti quddiem il-Qrati lokali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' każijiet ta' separazzjoni u annullamenti pendenti quddiem il-Qrati lokali sal-15 ta' Ottubru 2010, kien ta' 605 u 343 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-collective agreement li kellu jsir għall-pulizija u li issa ilu mwiegħed is-snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Mhux ċar għal liema collective agreement qed tagħmel referenza għalih l-Onorevoli Membru. Ninsab infurmat li l-Pulizija, bħal kumplament tal-gradi li jagħmlu parti miċ-Ċivil, għadhom koperti bl-aħħar collective agreement li sar fl-2005 u jiskadi fl-aħħar tal-2010.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari16871, jista' l-Ministru jindika kemm minn dawn il-bombi saru minħabba natura ta' negozju, politika, konflitti familjari jew minħabba xi raġuni oħra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mhux dejjem huwa possibbli li wieħed jistabbilixxi xi jkun il-mottiv wara każijiet ta' bombi li jistgħu jsiru għall-varjetà ta' raġunijiet u intenzjonijiet kriminali u illegali.
Jista' l-Minsitru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu u allura tal-gvern għall-proposta tal-Prim Imħallef li jkun hemm revizjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nifhem illi l-Onorevoli Membru qiegħed jirreferi għal dak li qal il-Prim Imħallef fid-diskors inawgurali tiegħu meta issuġġerixxa illi, issa illi l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ilha tiffunzjona għal numru ta’ snin kien wasal iż-żmien illi ssir evalwazzjoni tagħha sabiex wieħed jara jekk huwiex il-każ illi lil din il-Kummissjoni jsirilha xi tibdil fil-mod kif topera u fil-poteri tagħha jew le.
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Membru, skont l-Artikolu 101A(7) tal-Kostituzzjoni, il-Membri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja huma indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom li dwarhom ma huma soġġetti għad-direzzjoni jew għal-kontroll ta’ ebda persuna, inkluż naturalment il-Gvern. Apparti minn hekk il-Prim Imħallef fil-vesti tiegħu ta’ ġudikant ukoll għandu l-indipendenza tiegħu garantita mill-Kostituzzjoni.
F’dan l-isfond però, il-Gvern ma jara xejn ħażin, indesiderabbli jew anormali fil-fatt illi, bħal ma jiġri dwar kważi kull entità li tkun ilha tiffunzjoni għal numru ta’ snin, l-operat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja jiġi evalwat (fir-rispett ta’ l-indipendenza tal-membri ta’ dik il-Kummissjoni u fir-rispett ta’ l-indipendenza tal-ġudikatura) sabiex wieħed jara jekk hemmx lok li jsir xi tibdil fil-mod kif dik il-Kummissjoni topera u fil-poteri u l-funzjonijiet tagħha.
Il-Ministeru kien diġa ppropona numru ta’ emendi għall-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja f’White Paper lejn ġustizzja aħjar u eħfef. Għalhekk huwa miftuħ għal kull porposta li permezz tagħha l-funzjoni tal-Kummissjoni tissoda u tikber u tkun aktar effettiva fil-ħidma tagħha għas-servizz tal-poplu Malti u Għawdxi
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każijiet ta' persuni rappurtati nieqsa u qatt ma nstabu matul dawn l-aħħar 20 sena? Jista' jgħid liema huma?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 1990 'l hawn kien hemm 104 persuna li kienu ġew irrapurtati nieqsa u li s'issa għadhom ma ġewx rintraċċati. Ma nħossx li huwa prudenti li jingħataw l-ismijiet ta' dawn il-persuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' human trafficking inqabad mill-pulizija Maltija matul is-sena 2009? Jista' jgħid fejn kien il-post oriġinali ta' dawk il-persuni li kienu qed jiġu traffikati, kemm kellhom żmien, ta' liema sess kienu u jekk permezz tagħhom kienx hemm żviluppi ġodda biex jinqabdu iktar kriminali li jitraffikaw persuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 il-Pulizija nvestigat 6 każi ta' traffikar ta' 39 persuna għal skop ta' immigrazzjoni. Dawk il-persuni li kienu qed jiġu ttraffikati kellhom l-età tagħhom tvarja bejn il-21 u l-50 sena u kienu mis-Somalja, Iran, Niġerja, Sudan, Costa ta' l-Ivorju, Togo, Mali, Burkina Faso, India u Guinea.
Infurmat ukoll illi b'riżultat ta' dan inbdew proċeduri kriminali kontra 6 persuni.
Korp tal-Pulizija — attività kriminali ta' traffikar tan-nies
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema skwadra fil-korp tal-pulizija tieħu ħsieb li ssegwi l-attività kriminali tat-traffikar tan-nies? Jista' jgħid jekk din l-iskwadra tagħmilx dan ix-xogħol biss jew inkella għandhiex xi xogħol ieħor? Kemm hemm persuni li jifformaw din l-iskwadra u ta' liema rank huma? Hemm pjanijiet li din l-iskwadra tikber minħabba l-fatt li t-traffikar ta' bnedmin qed jiġi kkonsidrat li huwa attività kriminali li kulma jmur qed tiżdied?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta’ kontra l-Vizzji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-iskwadra li tispeċjalizza fuq ir-reati kriminali dwar traffikar ta’ persuni bi skop ta’ prostituzzjoni jew servizzi oħra. Din l-Iskwadra qegħdha taħt is-supervizjoni ta’ Assistant Kummissarju u Supretendent, hija responsabbli ukoll għal każijiet relatati ma' prostituzzjoni u logħob illegali u taħdem ukoll mill-qrib mat-Taqsima tal-Immigrazzjoni fl-investigazzjoni ta’ traffikar ta’ persuni bi skop ta’ immigrazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intervjeniet il-pulizija u rnexxielha taqbad attività kriminali u traffikar ta' nies matul is-sena 2005 sal-2008? Jista' jgħid minn fejn kienu dawn in-nies, kemm kellhom età u jekk sarux interrogazzjonijiet li permezz tagħhom il-pulizija ġabret biżżejjed informazzjoni li setgħet wasslet għal iktar attività kriminali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 2005 u 2008, il-Pulizija investigat u qabdet 38 persuna li kienu involuti f'attività kriminali ta' traffikar ta' persuni. Dawn il-perusni, li l-età tagħhom tvarja bejn is-27 u l-52 sena, kienu minn Malta, Ċina, Eġittu, Etiopia, Sudan, Alġeria, Tunez, Rumanija u l-Libja.
Infurmat ukoll illi minn investigazzjoni li għamlet il-Pulizija dan wassal biex dawn il-persuni tressqu kolla quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' traffikar ta' persuni għal skopijiet ta' prostituzzjoni, għixien fuq qliegħ immorali, żamma ta' burdell, twettiq, minn assocjazzjoni, ta' reati kriminali kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, ksur tar-regolamenti dwar l-impieg u offiżi fuq il-persuna.
Kriminalità internazzjonali — traffikar ta' droga, armi u traffikar tal-persuni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija Maltija hijiex taħdem mill-qrib ma' pajjiżi u korpi tal-pulizija oħrajn fejn tidħol il-kriminalità internazzjonali bħal traffikar ta' droga, armi u traffikar tal-persuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi iva, l-Pulizija Maltija tieħu sehem attiv fil-ġlieda kontra il-kriminalita' internazzjonali flimkien ma' pajjiżi oħra, kemm dawk ta’ l-Unjoni Eworpea, fejn il-Pulizija Maltija anke għandha rappreżentant permanenti fil-Kwartieri Ġenerali tal-EUROPOL f’The Hague, kif ukoll oħrajn permezz ta’ l-Interpol. Sabiex tkun ikkordinata din il-ħidma, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għandu ukoll l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, li barra li jkopri l-uffiċċji nazzjonali tal-Interpol u tal-Europol, għandu fi ħdanu l-Uffiċċju tas-S.I.Re.N.E li hu miftuħ erba' u għoxrin siegħa kuljum, inklużi Ħdud u ġranet ta' festi, li jservi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt ma’ Pulizija Ewropew oħra fiż-żona Schengen. Barra min dan fuq bazi bilaterali, il-Pulizija Maltija għandha ukoll kuntatt u ftehim ta’ koperazzjoni ma’ diversi pajjiżi oħra barra l-Unjoni Ewropea.
persuni li jitteħdulhom partijiet minn ġisimhom mingħajr kunsens
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx xi darba tul dawn l-aħħar ħames snin il-pulizija qabdet xi każijiet fejn instabu postijiet li fihom persuni jkunu tteħdulhom partijiet minn ġisimhom mingħajr il-kunsens tagħhom u wara dawn il-partijiet jinbiegħu jew jintużaw biex jitpoġġew fuq persuni oħrajn li jkunu ħallsu ħalli dik l-operazzjoni sseħħ? Jiġifieri l-iskop tal-human trafficking jkun dak li jittieħdu partijiet u organi mingħand vittmi biex jintużaw fuq persuni li jkunu xtraw dawk il-partijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma kienx hemm każijiet hekk kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Talbiet għal career breaks
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks fl-aħħar sentejn f'kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa, kemm saru minn rgiel u għal liema raġuni?
Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata u fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar sentejn kien hemm 24 talba għal career breaks kif spjegat fit-tabella ta' hawn taħt:-
Entità Nisa Rġiel
Dipartiment (MJHA) 1 0
Faċilità Korrettiva ta' Kordin 1 0
Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 12 1
Diviżjoni Qrati tal-Ġustizzja 7 0
Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali 1 0
AWAS 1 0
Infurmat ukoll li dawn it-talbiet ġew milqugħa u li l-proċess dam bejn 8 u 15-il ġurnata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħarġ il-permess meħtieġ mill-Office of the Manager Airport Security lil numru ta' ħaddiema tal-Air Malta li qed jistennew dan il-permess sabiex jirritornaw lura għax-xogħol?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-uffiċċju tal-Manager Airport Security m'għandux applikazzjonijiet pendenti ta' ħaddiema tal-Air Malta li għadha ma ttiħditx deċizjoni fuqhom dwar il-ħruġ tal-airport security pass.