Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28684 u 29017 u jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istand tal-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva fil-Public Service Expo Village 2025 ġiet tiswa €54,150. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, id-Dipartimenti li ħadu sehem, il-lista ta’ servizzi li ġew offruti fuq l-istand, kif ukoll in-numru ta’ testijiet li saru waqt l-Expo Village. Din is-sena, l-Expo Village tas-Servizz Pubbliku żaruh 76,264 persuna.

Persuni bl-HIV/AIDS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew dijanjostikati bl-HIV/AIDS minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mard trasmess sesswalment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew dijanjostikati b’mard li jiġi trasmess sesswalment minbarra HIV/AIDS minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Formularju tal-Gvern — Mediċini ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mediċini ġodda ddaħħlu fil-formularju tal-Gvern minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u liema huma? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-mediċini ppjanati li jidħlu matul il-kumplament ta’ din is-sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, il-lista ta’ 32 mediċina ġdida li daħħlu fil-Formularju tal-Gvern minn Jannar 2024 ’l hawn. Ninsab infurmat ukoll illi fil-preżent, hemm diversi mediċini oħrajn li qegħdin fi stadji varji tal-proċess sabiex jiddaħħlu fil-formolarju imsemmi.

Saħħa mentali — Żgħażagħ - Formularju tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żgħażagħ taħt it-30 sena jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali u jieħdu mediċini mill-formularju tal-Gvern? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni fi gruppi ta’ età: 0-16-il sena, 17-25 sena u 25-30 sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

San Vincenz de Paul — Servizzi ta’ Dentistrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi jingħataw fid-Dentistrija tal-Faċilità San Vincenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn is-servizzi jvarjawx skont l-utenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li fid-Dentistrija ta’ San Vinċenz de Paul jiġu offruti servizzi lir-residenti tagħna, kif ukoll lil residenti f’Homes u persuni ta’ iktar minn 60 sena li jgħixu fil-komunità. Is-servizzi, li jiġu offruti mingħajr ħlas, jinkludu tindif (scale and polish), testijiet, estrazzjonijiet u X-rays. Pazjenti dijabetiċi li għandhom Karta Safra jew Karta Roża huma intitolati wkoll għal servizzi ta’ mili u dentaturi.

Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Uffiċċju addizzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23633, peress li bit-tieni uffiċċju qed nirreferi għall-post/binja li fih il-Ministru jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu, jista’ jgħid: (a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin? (b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati? (c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini? (d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn? (e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera? (f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini? (g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu? (h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nittama li l-Onor. Interpellant jifhem bid-distinzjoni li hemm bejn uffiċċju Ministerjali u uffiċċju tal-kostitwenza. L-uffiċċju li fih naqdi d-dmirijiet Ministerjali tiegħi huwa f’Palazzo Castellania, 15, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. Fuq livell distrettwali, m’għandiex uffiċċju tal-kostitwenza.

Servizz ta’ night shelter — Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il anzjan/a użaw is-servizz tan-night shelter mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li mill-1 ta’ Jannar 2024 sas-16 ta’ Ġunju 2025 kien hemm 26 anzjan/a li għamlu użu mis-servizz tan-night shelter.

Ħal Tarxien — Persuni li utilizzaw il-Berġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni utilizzaw il-Klinika fil-Komunità (Berġa) f’Ħal Tarxien matul is-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk is-servizzi humiex se jiżdiedu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024, il-Klinika fil-Komunità (Berġa) f’Ħal Tarxien ġiet utilizzata minn 6,020 persuna.

Il-Gudja — Persuni li utilizzaw il-Berġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni utilizzaw il-Klinika fil-Komunità (Berġa) fil-Gudja matul is-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk is-servizzi humiex se jiżdiedu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024, il-Klinika fil-Komunità (Berġa) fil-Gudja ġiet utilizzata minn 2,080 persuna.

Santa Luċija — Persuni li utilizzaw il-Berġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni utilizzaw il-Klinika fil-Komunità (Berġa) f’Santa Luċija matul is-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk is-servizzi humiex se jiżdiedu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024, il-Klinika fil-Komunità (Berġa) f’Santa Luċija ġiet utilizzata minn 2,510 persuna.

Il-Fgura — Persuni li utilizzaw il-Berġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni utilizzaw il-Klinika fil-Komunità (Berġa) fil-Fgura matul is-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk is-servizzi humiex se jiżdiedu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024, il-Klinika fil-Komunità (Berġa) fil-Fgura ġiet utilizzata minn 4,520 persuna. Fil-ġimgħat li ġejjin f’din il-klinika ser jibda servizz ġdid ta’ Nutritionist darba fil-ġimgħa.

Sleep apnea — Magni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29066 u jgħid kemm hawn magni tal-isleep apnea għand pazjenti? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma proprjetà tal-isptar u kemm minnhom huma mikrija mingħand kuntrattur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 152 pazjent li għandhom il-magna tal-Sleep Apnea mikrija mill-isptar.

Sleep apnea — Pazjenti li qed jistennew magna

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29067 u jgħid kemm hawn pazjenti li qed jistennew magna tal-isleep apnea?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hawn 51 pazjent jistennew biex jingħataw l-magna. Ħafna minn dawn diġà għandhom appuntament biex jiġbruha.

Sleep apnea — Xiri tal-magni mill-privat - Refund

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29068 u jgħid kemm hawn pazjenti li kellhom jixtru magna tal-isleep apnea mill-privat u li qed jistennew li jieħdu refund mis-servizz tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Kura fit-tul għall-anzjani — Proġett nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser jikkonsisti l-proġett nazzjonali li tħabbar reċentement għall-iżvilupp ta’ qafas legali komprensiv dwar il-kura fit-tul għall-anzjani? Jista’ jgħid ukoll b’mod konkret x’ser ikunu t-temi inklużi f’din il-liġi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li dan il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa bażi soda ta’ evidenza għall-politika dwar il-kura fit-tul permezz ta’ analiżi tal-leġislazzjoni eżistenti marbuta mal-persuni anzjani, statistika, skambju ta’ għarfien ma’ esperti Ewropej u pajjiżi sħab magħżula u valutazzjoni dettaljata tas-sistema tal-kura fit-tul u l-esperjenza tal-persuni anzjani f’Malta. Infurmat li se jsegwu dan il-proċess, sensiela ta’ konsultazzjonjiet ma’ stakeholders ewlenin.

Kura fit-tul għall-anzjani — Appoġġ finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun l-appoġġ finanzjarju li pajjiżna ser jirċievi mill-Unjoni Ewropea għall-proġett nazzjonali li tħabbar reċentement rigward l-iżvilupp ta’ qafas legali komprensiv dwar il-kura fit-tul għall-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li dan il-proġett qed jitwettaq taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (Technical Support Instrument – TSI) tal-Kummissjoni Ewropea. Il-proġett huwa mistenni li jiswa madwar €700,000. Dan l-istrument jipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri biex jimplimentaw riformi strutturali importanti. L-appoġġ jingħata f’forma ta’ għarfien espert, gwida teknika u kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. F’dan il-każ partikolari, il-proġett nazzjonali dwar l-iżvilupp ta’ qafas legali komprensiv għall-kura fit-tul għall-anzjani ġie magħżul mill-Kummissjoni Ewropea, u s-Segretarjat Ġenerali għar-Riformi (SG Reform) fforma sħubija mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa – Reġjun Ewropew (WHO Europe), li ser jipprovdu l-appoġġ tekniku u l-gwida meħtieġa sabiex dan il-proġett jitwettaq b’suċċess.