Legislature:
Category:
Reset
Active:

djar tal-anzjani — sħubija bejn il-gvern u l-privat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10026, 9424, 9266 u 8835 u jgħid kemm hemm djar tal-anzjani li fihom hemm sħubija bejn il-Gvern u l-privat? Liema huma? Kemm hemm anzjani fiħom f'kull każ u x'inhi r-rata li titħallas kuljum f'kull każ?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li hemm erba' djar ta' l-Anzjani li magħhom hemm sħubija tal-Private Partnership bejn il-Gvern u l-privat. Dawn huma Villa Messina, Casa Arkati, Casa Serena u Central Home. Sa l-aħħar ta' April 2009, kien hemm 60 resident ġewwa Villa Messina, 28 resident ġewwa Casa Arkati, 58 ġewwa Casa Serena u 50 resident ġewwa Central Home. Id-Dipartiment tal-Anzjani jinnegozja ir-rati mad-djar tal-anzjani privati. Ir-rati jiddipendu mill-livell ta' dipendenza tal-anzjani involuti. Id-dipartiment ma jħossx li għandu jippublika ir-rati li jħallas għaliex dan jista' jippreġedika negozjati ma' djar privati li jista jsib fil-futur. Informat ukoll li d-dipartiment ma jsib ebda oġġezzjoni jekk din l-informazzjoni tingħata privatament lil xi membru ta' din il-Kamra.

bereġ — tibdil fil-ġranet u l-ħinijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10032 u 9462 u jgħid billi dan l-aħħar ġranet kien hemm bdil fil-ġranet u l-ħinijiet tal-bereġ: a) x'inhuma l-ġranet u l-ħinjiet ġodda tal-bereġ kollha f'Malta? b) x'kienu l-ġranet u l-ħinjiet kollha f'Malta qabel dan it-tibdil? ċ) kemm tnaqqas il-ħin ta' kull berġa kull ġimgħa? Jista' jgħid x'kien in-numru ta' pazjenti li attendew il-bereġ fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Minn dan it-total, kemm minn dawn il-pazjenti attendew il-bereġ: a) biex jaraw it-tabib? b) biex jaraw l-infermiera? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijet il-ġodda tax-xogħol tal-infermiera responsabbli minn kull berġa? X'inhuma l-ħinijiet il-ġodda tax-xogħol tat-tobba f'kull berġa? Fil-ħinijiet imnaqqsa lillhom, it-tobba u l-infermiera fejn qed jirrapportaw għax-xogħol? Jista' jgħid x'wassal lid-Dipartiment tas-Saħħa Primarja jagħmel tibdil fix-xogħol tal-infermiera responsabbli minn kull berġa? Dan it-tibdil kien approvat mill-Ministeru għall-Politika Soċjali? Għaliex dan it-tibdil kellu jsir issa u wieħed ma stenniex li jagħmlu meta jitlestew fost l-oħrajn id-diskussjonijiet mat-tobba u r-riforma prevista fiċ-Ċentri tas-Saħħa? Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja kkonsulta mal-unions tat-tobba u l-infermiera dwar dan it-tibdil u jekk fl-affermattiv, x'kienet il-pożizzjoni ta' kull union? Għaliex id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja ma avżax minn qabel (fost oħrajn permezz ta' press release u avviż fuq il-mezzi tax-xandir) dan it-tibdil u riżultat li fejn ma tteħditx inizjattiva mill-infermiera responsabbli mill-bereġ li qabdu u ċemplu lill-pazjenti li kellhom in-numru tat-telefon tagħhom, dawn marru bħas-soltu għall-appuntament mat-tabib jew biex jaraw l-infermierta u sabu l-bieb magħluq? X'inhu jsir mill-appuntamenti li kienu saru qabel fil-ġranet u ħinijiet li fihom issa l-bereġ m'humiex jinfetħu? Jidhirlu l-Ministru li l-erba' minuti allokati għal kull pazjent quddiem it-tabib huma biżżejjed? Hemm ħsieb li fir-rigward tal-bereġ, ikun hemm xi tibdil ieħor fil-ġranet, ġimgħat jew xhur (short jew medium term) li ġejjin u jekk fl-affermattiv, x'se jkun dan it-tibdil?

Response (DALLI, JOHN)

Ser jitpoġġew Tabelli A,B,Ċ u D fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba. Informat li l-ġranet u l-ħinijiet ġodda tal-bereġ kollha f’Malta huma kif jidher fit-Tabella A. Il-ġranet u l-ħinijiet qabel dan it-tibdil kienu kif jidher fit-Tabella B. Id-differenza fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-bereġ hija kif jidher fit-Tabella Ċ. In-numru ta’ pazjenti li attendew il-bereġ matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is sena kien kif jidher fit-Tabella D. Il-ħinijiet ta’ l-infermiera u t-tobba li jaħdmu fil-bereg baqgħu l-istess, ħlief meta ma tkunx miftuħa l-berġa fejn it-tobba u l-infermiera jmorru jagħtu servizz fiċ-Ċentri tas-Saħħa rispettivi. Dan it-tibdil sar wara analiżi dettaljata li saret fil-Ministeru dwar l-attività f’kull berġa. Il-ħin ta’ kuntatt żdied jew tnaqqas skont l-andament fl-aħħar tliet snin wara li ġew analizzati il-figuri tal-attendenzi fil-bereġ u t- trends li kienu qed juru. Informat ukoll li dan it-tibdil kien meħtieġ fl-aħjar interess tal-pazjenti u ma kellux għalfejn jistenna li jiġu konklużi d-diskussjonijiet u r-riforma prevista. F’dan il-każ ma kienux ser jintmissu rosters jew kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-impjegati imma kien hemm tibdil biss fil-ħinijiet tas-servizz. Għalhekk ma kienx hemm bżonn ta’ konsultazzjonijiet mal-unions. Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja kien ħareġ Press Release qabel ma daħal fis-seħħ dan it-tibdil. Barra minn hekk, l-infermiera kollha kienu bdew jinfurmaw lill-pazjenti permezz tat-telefon. Kien hemm xi ftit każi fejn l-istaff ma kellhomx in-numru tat-telefon tal-pazjenti, jew il-pazjenti ma kienux id-dar meta cemplulhom. Il-pazjenti li ntlaqtu minn dan it-tibdil gew offruti appuntament ieħor u fejn kien possibbli dawn xorta rawhom dak inhar li attendew il-berġa. F’każ ta’ pazjenti li kellhom bżonn ricetta urġenti, għal darba biss dawn setgħu jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa mingħajr appuntament. L-erbgħa minuti allokati għal kull pazjent quddiem it-tabib huma biss medja, li ġiet stabbilita wara studju li sar fuq perjodu twil. F’dan il-process kienet ġiet involuta il-union tat-tobba. Tibdil isir skond il-ħtieġa biex intejbu s-servizz tagħna.

Informazzjoni fuq immigranti irregolari

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10033, 9656, 9259, 8654 u 8381 li oriġinarjament saru lill Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġew riferuti lilu u ċioe: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6920 jista' l-Ministru jgħid f'liema setturi jaħdmu t-895 immigrant li jħallsu l-bolla u taxxa u jaħdmu bi qliegħ? F'liema setturi jaħdmu ż-żewġ employers li kienu immigranti? Fuq liema kriterji dawn jibqgħu jissejħu immigranti irregolari?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-Ministeru tal-Finanzi u lill-Ministeru tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni għall-bqija tal-Mistoqsija.

Sistema teknoloġika mqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 10031 u 9907 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bereġ ikollhom ukoll sistema teknoloġika (computers) imqabbda maċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet biex fost oħrajn ikun faċilitat ix-xogħol tat-tobba u l-infermiera (partikolarment fejn jidħlu appuntamenti)? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li dan isir u wasalx allura ż-żmien li l-infermiera jibdew jingħataw it-taħriġ li għandhom bżonn?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li bħala parti mir-riforma tal-Kura Primarja is-servizzi kollha fis-settur tal-Kura Primarja għandhom ikollhom sistema teknoloġika tal-komunikazzjoni.
Leg 11 PQ #10443 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Awtorità tad-Djar — Irranġar ta' gallarija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ser tieħu l-Awtorità tad-Djar biex il-gallarija fil-fond tal-Gvern, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, tiġi rranġata minħabba li hi ta' periklu għal terzi?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkwilin tal-fond imsemmi għandu jagħmel l-ilment jew it-talba tiegħu lill-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar u jagħti d-dettalji meħtieġa sabiex jibda jiġi pproċessat il-każ. S'issa, l-Awtorità tad-Djar ma kellha l-ebda talba f’dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #10444 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — Flus dovuti lil persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tirċievi l-flus dovuti kollha mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Leg 11 PQ #10446 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Awtorità tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tad-Djar mhux qed tieħu l-passi neċessarji biex tissolva l-problema fil-fond tal-Gvern, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qegħda tieħu l-passi kollha neċessarji biex din il-problema tissolva mill-aktar fis possibli.
Leg 11 PQ #10448 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Talba għal akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-single parent, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'kamra waħda u f'post substandard tieħu post tal-Gvern? Jista' jgħid għaliex tnaqqsulha l-points?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna in kwestjoni qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — courses ta' tagħrif

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm organizzat courses ta' tagħrif is-Sezzjoni tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għall-pubbliku in ġenerali matul is-sena 2008? Fiex kienu jikkonsistu dawn is-suġġetti ? Kemm attendew nisa u rġiel? Kemm attendew persuni għalihom mis-settur pubbliku u mis-settur privat?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li matul l-2008, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol organizzat 30 kors. Il-parteċipazzjoni kienet tikonsisti fi 268 parteċipant mis-settur pubbliku, 222 mill-privat u 20 mill-Non-Governmental Organisations. Ipparteċipaw 510 li kienu jikkonsistu fi 243 raġel u 267 mara. Numru ta' Korsijiet Partecipanti Settur Pubbl. Partecipanti Settur Privat Partecipanti NGO's Irgiel Nisa 30 268 222 20 243 267 Informat ukoll li t-taħrig kien ġeneralment ta’ livell ta’ għarfien (awareness) u kien jikkonsisti f’diversi temi bħal Evalwazzjoni tar-Riskju, ir-Rappreżentant tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ħaddiema, it-Tqandil Manwali, l-Istress, ir-Radjazzjoni, kif ukoll l-Ewwel Għajnuna.

Persuni li ddaħħlu l-isptar wara aċċident

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru aċċidenti u konsegwenza ta' hekk iddaħħlu persuni l-isptar mweġġgħin fl-ewwel seba' xhur tas-sena 2009?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li skond in-numru ta’ Discharges li kien hemm bejn Jannar u Ġunju 2009 mill-Isptar Mater Dei, jidher li n-numru ta’ pazjenti li kienu nvoluti f’xi inċidenti li rriżulta f’korriment huwa hekk:- Discharge Diagnosis ICD-10 Code Number of Discharges between Jan-Jun ‘09 Transport Accident V01-V99 88 Falls W00-W19 180 Other External Causes of Injury W20-X59 41 Assault X85-Y09 31 Event of Undetermined Intent Y10-Y34 101 (NB: L-informazzjoni li ngħatat hawn fuq hija provviżorja) Ta’ min jinnota li mhux dejjem jitniżżel it-tip ta’ inċident għax jista’ jagħti l-każ li l-korriment li jkun sofra il-pazjent jitniżżel biss bħala discharge diagnosis.
Leg 11 PQ #10495 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Proċess ta' revizjoni tal-ħteġijiet tas-servizz tal-infermiera fl-isptarijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċess ta' reviżjoni tal-ħteġijiet tas-servizz tal-infermiera fl-isptarijiet tal-Gvern, fiċ-Ċentri tas-Saħħa eċċ. hux lest? Jekk dan hu lest, x'inhuma l-punti ewlenin li joħorġu minnu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm bżonn ta’ 415 infermiera fil-gradi basici ta’ Staff Nurse u Enrolled Nurse biex jimtlew postijiet fid-diversi entitajiet fid-Diviżjoni tas-Saħħa. Dawn il-postijiet iridu jimtlew minn barra s-servizz. Hemm ukoll 70 postijiet vakanti li jridu jintlew permezz ta’ promozzjonijiet minn uffiċjali pubbliċi li huma mqassmin kif ġej: 12 –il post ta’ Departmental Manager 20 post ta’ Nursing Officer 38 post ta’ Deputy Nursing Officer. Informat ukoll li meta dawn il-promozzjonijiet jinħolqu 70 vakanza oħra fil-grad bażiku ta' Staff Nurse . Għas-sena 2010 hemm ħtieġa ta' 148 infermiera oħra sabiex ikomplu jiżdiedu s-servizz tas-saħħa li huma proġettati. Ta' min jgħid li n-numri msemmija huma nfluwenzati minn irtirar ta' nurses matul is-sena.
Leg 11 PQ #10496 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Immigranti irregolari li ġew deportati jew integrati f'pajjiżi oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu immigranti irregolari f'Malta u Għawdex din is-sena? Ta' liema nazzjonalità huma? Kemm minnhom ingħataw status ta' refuġjat? Kemm minnhom ġew deportati lura lejn pajjiżhom? Kemm minnhom ġew integrati f'pajjizi oħra u fejn ġew integrati?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #10497 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Applikazzjonijiet għall-oqbra ġodda fiċ-ċimiterji tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru tal-oqbra fiċ-ċimiterji tal-Gvern illum? Kif dawn huma mqassma, ċimiterju, ċimiterju? Kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet għal xiri ta' oqbra ġodda f'kull cimiterju? Hemm xi ħsieb li jinbnew oqbra ġodda f'kull ċimiterju u meta hu maħsub li l-applikazzjonijiet pendenti jintlaqgħu?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ġie proġettat eskavazzjoni tal-fuq minn 9,000 qabar fiċ-Ċimiterju Maria Addolorata li tressaq il-kabinett għall-approvazzjoni. Darba approvat, din l-estenzjoni għandha tkun lesta fi żmien sentejn. Pero x-xogħol għandu jiġi proġettat b'mod li numru ta' oqbra jiġu offruti hekk kif jitlestew u qabel max-xogħol ikun komplet kollu.
Leg 11 PQ #10499 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Djar ta' l-anzjani f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru tad-djar tal-anzjani f'Malta u Ghawdex? Kemm hemm resident f'kull dar illum? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal kull dar? Hemm xi ħsieb li dawn id-djar jitkabbru jew li jinbnew oħrajn ġodda? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawk id-djar tal-anzjani li se jitkabbru u fejn se jinbnew djar ġodda? B'kemm f'kull każ se jiżdied in-numru ta' anzjani f'dawn id-djar jew x'se jkun in-numru ta' anzjani li se jilqgħu fihom dawn id-djar ġodda?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #10598 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ — taħriġ lil industriji li ltaqgħu ma' diffikultajiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8528 u jgħid jekk it-taħriġ li qed jingħata lil numru ta’ industriji li ltaqgħu ma’ diffikultajiet hux qed jingħata mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’kumpaniji li bħalissa qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet, u li qed jidħlu fi ftehim mat-Task Force imwaqqaf mill-Gvern, qed jattendu programmi ta’ taħrig organizzat speċifikament għalihom mill- Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.
Leg 11 PQ #10601 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Waiting list għall-home help

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8570 u jgħid kemm hi l-waiting list għall-għoti tal-home help għall-anzjani u persuni b'diżabilità? Kemm minn dawn in-nies qed jgħixu waħedhom u x'etaijiet għandhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li b’kollox hemm 220 household fuq il-waiting list għall-għoti tas-servizz tal-home help. Minn dawn hemm 139 applikant li jgħixu waħedhom. It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #10602 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Raħal Ġdid — Spiżerija tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8763 u jara li tigi rranġata s-sistema diżastruża li teżisti fl-ispizerija tal-Gvern li tinsab ġewwa Raħal Ġdid fejn il-klijenti żgur li mhux jingħataw servizz kif jixraq? Jista' jgħid ukoll x’inhu jsir minn dawk konċernati ħalli l-azzjonijiet industrijali li ilhom għaddejjin jieqfu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid jagħmlu ħilithom kollha u jaħdmu b’dedikazzjoni biex joffru l-aħjar servizz possibbli lil kull min jagħmel użu mis-servizzi li toffri l-ispiżerija ta’ din il-lokalita. Informat ukoll li l-post konċernat m’għandux spazju addattat biex iservi ta’ waiting area komda għall-volum kbir ta’ nies li jinqdew minn din l-ispiżerija. Id-dipartiment tas-Saħħa Primarja għamel diversi attentati sabiex jakkwista area fil-viċin mingħand terzi sabiex ikun jista’ jitkabbar il-post u n-nies tinqeda aħjar. Dawn it-tentattivi, li l-aħħar wieħed minnhom kien fil-bidu ta’din is-sena, ma rnexxewx. Sadanittant id-dipartiment għadu kif beda proċess sabiex jibda xogħol ta’ ristrutturar tal-post. Għaddeja wkoll konsultazzjoni interna sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx lok ta’ titjib tas-sistema. Ħafna mill-problemi li jinqalgħu huma kkaġġunati minħabba raġunijiet bħal medicini out of stock u l-implimentazzjoni ta’ regoli fuq it-tqassim ta’ pilloli. Problema oħra ta’ nuqqas ta’ spiżjara qegħda tiġi solvuta parzjalment permezz ta’ overtime . L-ispiżerija taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid m’hijiex milquta minn l-ebda azzjonijiet industrijali.
Leg 11 PQ #10679 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru tal-Politika Soċjali — taxxi, tariffi u miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (DALLI, JOHN)

Kif ċertament jaf l-Onor. Interpellant, kull aġġustament, fi kwalunkwe żmien jew perijodu, ’il fuq jew ’l isfel ta’ taxxi, tariffi jew miżati minn kull dipartiment, awtorità, istituzzjoni jew aġenzija, hu informazzjoni fil-‘public domain’ u ssapportjat mill-istrumenti legali neċessarji. Għalhekk, nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpelleant li kull aġġustament f’dan ir-rigward li sar fil-perijodu indikat fil-mistoqsija hu ppublikat skond kif titlob il-ligi li bis-saħħa tagħha sar tali aġġustament.

European Health Insurance Card

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-benefiċċji għall-Maltin meta jkollhom il-European Health Insurance Card u jiġu bżonn xi servizz tas-saħħa f'xi pajjiż membru stat tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li meta ċittadin Malti jżur pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea u jżur sptar tal-gvern f’każi biss ta’ emerġenza jibbenifika f’benefiċċji ta’ kura eżatt daqs iċ-ċittadin ta’ dak il-pajjiż konċernat.
Leg 11 PQ #10755 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sexual Health Policy

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern rigward it-tnedija ta' sexual health policy?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-abbozz tas-Sexual Health policy huwa issa komplet u jrid jiġi discuss fil-Kabinett wara li l-fondi meħtieġa għall implimentazzjoni tiegħu jiġu assigurati.